Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0990/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0990/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Filippini

14.9.2016 - (2016/2880(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8-0990/2016)
ECR (B8-0992/2016)
PPE (B8-0994/2016)
ALDE (B8-0999/2016)
Verts/ALE (B8-1002/2016)
S&D (B8-1004/2016)
GUE/NGL (B8-1008/2016)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Laima Liucija Andrikienė, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Thomas Mann, Marijana Petir, Therese Comodini Cachia, Pavel Svoboda, Patricija Šulin, Roberta Metsola, Tunne Kelam, Romana Tomc, Milan Zver, Claude Rolin, Sven Schulze, Jaromír Štětina, Giovanni La Via, József Nagy, David McAllister, Michaela Šojdrová, Tomáš Zdechovský, Luděk Niedermayer, Ramona Nicole Mănescu, Lefteris Christoforou, Adam Szejnfeld, Lorenzo Cesa, Csaba Sógor, Dubravka Šuica, Elisabetta Gardini, Anna Záborská, Eva Paunova, Andrey Kovatchev, László Tőkés, Deirdre Clune, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Nessa Childers, Andi Cristea, Miriam Dalli, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Afzal Khan, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Louis-Joseph Manscour, David Martin, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Boris Zala, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Zdzisław Krasnodębski, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek, Angel Dzhambazki, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Notis Marias, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Nedzhmi Ali, Gérard Deprez, Marian Harkin, Urmas Paet, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Javier Nart, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Hannu Takkula, Carolina Punset, Martina Dlabajová, Cecilia Wikström, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Ivo Vajgl, María Teresa Giménez Barbat, Paavo Väyrynen, Ivan Jakovčić, Frédérique Ries, Petr Ježek, Charles Goerens, Jasenko Selimovic, Kaja Kallas, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE
Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Barbara Spinelli, Josu Juaristi Abaunz f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Reinhard Bütikofer, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Marco Zanni, Isabella Adinolfi, Fabio Massimo Castaldo, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2016/2880(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0990/2016
Testi mressqa :
RC-B8-0990/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Rizoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Filippini

(2016/2880(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dik tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini[1], dik tal-14 ta' Ġunju 2012[2] u dik tal-21 ta' Jannar 2010[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Settembru 2016 mill-kelliem tas-SEAE dwar l-attakk f'Davao,

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Bangkok fit-8 ta' Awwissu 1967,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar l-approvazzjoni apparenti ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Awwissu 2016 mid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Settembru 2016 attribwibbli għall-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Filippini,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-4 ta' Settembru 2016 dwar l-attakki terroristiċi fil-Filippini,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom;

B.  billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dejjem kienu parti importanti mit-taħditiet bilaterali bejn l-UE u l-Filippini;

C.  billi l-Gvern tal-Filippini li ġie elett reċentement se jiffaċċa sfidi enormi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-korruzzjoni u biex imexxi l-proċess tal-paċi fil-pajjiż;

D.  billi l-kummerċ illegali tad-drogi fil-Filippini għadu kwistjoni ta' tħassib nazzjonali u internazzjonali serju; billi fl-2015, skont ir-rapport annwali tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti lill-Kungress, il-Philippine Drug Enforcement Agency (PDEA), l-aġenzija ewlenija tal-infurzar kontra n-narkotiċi fil-pajjiż, irrapportat li 8 629 raħal jew barangay (madwar 20 % tal-irħula tal-pajjiż) kienu rrappurtaw reati marbuta mad-drogi, u billi l-Filippini titqies li għandha l-ogħla rata ta' użu ta' metamfetamina fl-Asja tal-Lvant;

E.  billi wieħed mill-aspetti ewlenin tal-kampanja presidenzjali ta' Rodrigo Duterte kien impenn biex jintemmu l-livelli kollha ta' reati relatati mad-drogi fil-pajjiż; billi, matul il-kampanja elettorali tiegħu u l-ewwel jiem fil-kariga, il-President Duterte ħeġġeġ ripetutament lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u lill-pubbliku biex joqtlu lill-persuni suspettati bi traffikar ta' drogi li ma jkunux ċedew, u lill-persuni li jikkunsmaw id-drogi;

F.  billi ddikjara pubblikament li hu ma kienx se jressaq quddiem il-qrati lil uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ċittadini li joqtlu lit-traffikanti tad-drogi li jirreżistu l-arrest;

G.  billi ċifri maħruġa mill-Pulizija Nazzjonali tal-Filippini juru li bejn l-1 ta' Lulju u l-4 ta' Settembru 2016, il-pulizija qatlu aktar minn elf persuna suspettati li biegħu jew ikkonsmaw id-drogi, u billi statistiċi oħrajn tal-pulizija jattribwixxu l-qtil ta' aktar minn elf persuna allegatament traffikanti tad-drogi u persuni li jikkunsmaw id-drogi f'dawn l-aħħar xahrejn għal persuni armati mhux magħrufa; billi, skont Al Jazeera, aktar minn 15 000 persuna suspettati b'reati relatati mad-drogi ġew arrestati, l-aktar fuq il-bażi ta' għajdut u allegazzjonijiet magħmula minn ċittadini oħra, u billi kważi 700 000 taw ruħhom "volontarjament" f'idejn il-pulizija u rreġistraw għal trattament taħt il-programm Tokhang sabiex jevitaw li jkunu l-mira tal-pulizija jew viġilanti;

H.  billi fit-8 ta' Ġunju 2016, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon ikkundanna s-sensiela ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji billi ddikjara li dawn huma illegali u jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

I.  billi fit-18 ta' Awwissu 2016, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Agnes Callamard, u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għas-saħħa, Dainius Pūras, ħeġġew lill-Gvern tal-Filippini itemm il-mewġa attwali ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u qtil fil-kuntest ta' kampanja intensifikata kontra l-kriminalità u kontra d-drogi mmirata fuq it-traffikanti u fuq il-persuni li jikkunsmaw id-drogi;

J.  billi s-Senat u l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini wettqu l-inkjesti indipendenti tagħhom stess dwar l-imwiet;

K.  billi l-Filippini kien wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Asja li abolixxew il-piena tal-mewt, fl-1987; billi, wara li kienet reġgħet iddaħħlet, il-piena tal-mewt ġiet abolita għat-tieni darba taħt il-President Arroyo fl-2006; billi matul il-kampanja elettorali tiegħu l-President Duterte talab li din terġa' tiddaħħal, b'mod partikolari fil-każ ta' kummerċ illegali ta' drogi, u billi abbozz ta' liġi qed jiġi eżaminat fil-Kungress;

L.  billi fit-2 ta' Settembru 2016 attakk bil-bombi, rivendikat minn Abu Sayyaf u l-affiljati tiegħu, f'suq fil-belt ta' Davao, wassal għal tal-anqas 14-il persuna mejta u 70 ruħ midruba; billi l-forzi armati tal-Filippini qed ikomplu offensiva militari kontra l-militanti ta' Abu Sayyaf, affiljati ta' IS, fil-provinċja ta' Nofsinhar ta' Sulu;

M.  billi, wara l-attakk, il-Gvern tal-Filippini ddikjara "stat ta' emerġenza nazzjonali minħabba l-atti ta' vjolenza illegali f'Mindanao";

N.  billi l-Filippini se jkollha l-Presidenza tal-ASEAN fl-2017, u billi l-President Duterte ħabbar li "matul il-Presidenza tal-Filippini, aħna se nuru l-ASEAN bħala mudell ta' reġjonaliżmu u attur globali, li għandha fil-qalba tagħha l-interessi tal-persuni";

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq is-suq ta' billejl fil-belt ta' Davao fit-2 ta' Settembru 2016, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi; jenfasizza li l-atturi ta' dan il-qtil għandhom jinżammu responsabbli, iżda jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timmonitorja bir-reqqa r-rikors għas-"sospensjoni tal-istat irregolat mill-istat tad-dritt"; iħeġġeġ lill-istati kollha, f'konformità mal-obbligi tagħhom li joħorġu mid-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jikkoperaw b'mod attiv mal-Gvern tal-Filippini u l-awtoritajiet rilevanti kollha f'dan ir-rigward;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-traffikar u l-abbuż tad-drogi fil-Filippini; jenfasizza li d-drogi illegali jikkostitwixxu theddida għaż-żgħażagħ fil-Filippini u waħda mill-aktar problemi serji fis-soċjetà;

3.  Huwa konxju tal-fatt li fil-Filippini miljuni ta' persuni huma milquta mil-livell għoli ta' dipendenza fuq id-drogi u l-konsegwenzi tagħha; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu, madankollu, dwar l-għadd straordinarjament għoli ta' persuni maqtula matul l-operazzjonijiet tal-pulizija u minn gruppi ta' viġilanza fil-kuntest ta' kampanja intensifikata kontra l-kriminalità u d-droga diretta lejn in-negozjanti u l-konsumaturi tad-drogi, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jtemm il-mewġa attwali ta' eżekuzzjonijiet u qtil extraġudizzjarji;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-gvern li jnaqqas il-livelli għoljin ta' kriminalità u korruzzjoni fil-pajjiż, iżda jistieden lill-gvern jadotta politiki u programmi globali u speċifiċi, li għandhom jinkludu wkoll miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni, mingħajr fokus esklussiv fuq ir-ripressjoni vjolenti;

5.  Jenfasizza li r-rispons għall-kummerċ illeċitu tad-drogi għandu jitwettaq f'konformità sħiħa mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali rratifikati mill-Filippini;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iniedu investigazzjoni immedjata dwar l-għadd straordinarjament għoli ta' persuni li nqatlu waqt operazzjonijiet tal-pulizija;

8.  Jinnota li l-UNODC jinsab lest li jinvolvi ruħu aktar mal-Filippini biex it-traffikanti tad-drogi jaffaċjaw il-ġustizzja bis-salvagwardji ġuridiċi xierqa f'konformità ma' standards u normi internazzjonali;

9.  Jirrakkomanda li jiġi stabbilit mingħajr dewmien mekkaniżmu nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura, kif previst mill-Konvenzjoni kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern Filippin jikkundanna l-azzjonijiet tal-gruppi ta' viġilanti u jinvestiga r-responsabbiltà tagħhom fil-qtil; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Filippini jwettqu investigazzjoni immedjata, approfondita, effikaċi u imparzjali sabiex jiġu identifikati dawk kollha responsabbli, jitressqu quddiem qorti ċivili kompetenti u imparzjali u jingħatawlhom il-pieni previsti mil-liġi;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jiggarantixxi protezzjoni adegwata għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, it-trejdjunjonisti u l-ġurnalisti;

12.  Jilqa' l-impenn tal-President Duterte fir-rigward tal-programmi ta' riabilitazzjoni mid-dipendenza fuq id-drogi, u jitlob lill-UE tappoġġja lill-gvern fl-isforzi tiegħu biex jipprovdi lill-konsumaturi tad-drogi b'għajnuna adegwata ħalli jeħilsu mid-dipendenza tagħhom, u biex tkompli bl-appoġġ tagħha għar-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-Filippini;

13.  Jirrakkomanda li l-Filippini tirratifika mingħajr dewmien il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat u li tikkriminalizza l-għajbien furzat u l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji fil-leġislazzjoni nazzjonali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kungress tal-Filippini jastjeni milli jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt;

15.  Jinnota li, abbazi tal-evidenza empirika kollha, il-piena tal-mewt ma tnaqqasx id-delinkwenza relatata mad-drogi u se teqred kisba kbira tas-sistema ġudizzjarja Filippina;

16.  Iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim Qafas;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Filippini, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.