MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire
5.10.2016 - (2016/2910(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8-1061/2016)
ECR (B8-1064/2016)
PPE (B8-1065/2016)
S&D (B8-1066/2016)
Verts/ALE (B8-1073/2016)
GUE/NGL (B8-1075/2016)
Cristian Dan Preda, Rosa Estaràs Ferragut, Davor Ivo Stier, Roberta Metsola, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Ivan Štefanec, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Ildikó Gáll-Pelcz, Milan Zver, Romana Tomc, Claude Rolin, Tomáš Zdechovský, Lefteris Christoforou, Michaela Šojdrová, Thomas Mann, Stanislav Polčák, Marijana Petir, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, Jeroen Lenaers, Ivo Belet, Giovanni La Via, Bogdan Brunon Wenta, Adam Szejnfeld, József Nagy, Csaba Sógor, Dubravka Šuica, Andrey Kovatchev, Ramona Nicole Mănescu, Jiří Pospíšil, Seán Kelly, Eva Paunova, Therese Comodini Cachia, Elisabetta Gardini, David McAllister, Sven Schulze, Deirdre Clune, Brian Hayes, Krzysztof Hetman, László Tőkés, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Josef Weidenholzer, Richard Howitt, Eric Andrieu, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Theresa Griffin, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Agnes Jongerius, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, David Martin, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Liliana Rodrigues, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Paul Tang, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Miriam Dalli, Miroslav Poche, Daciana Octavia Sârbu f'isem il-Grupp S&D
Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Charles Tannock, Branislav Škripek, Arne Gericke, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR
Ángela Vallina, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Merja Kyllönen, Marie-Christine Vergiat, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jordi Sebastià, Heidi Hautala, Bart Staes, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Bodil Valero, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rwanda, il-każ ta' Victoire Ingabire
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Victoire Ingabire[1],
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li ġie ratifikat mir-Rwanda fl-1975,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali 2015 tar-Rwanda u l-osservazzjoni konklużiva 2016 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f'isem l-UE dwar ir-rieżami kostituzzjonali fir-Rwanda, tat-3 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-istqarrija lokali konġunta tal-UE tat-18 ta' Diċembru 2015 dwar ir-referendum dwar abbozz ta' Kostituzzjoni fir-Rwanda,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta' Marzu 2016 tal-Forzi Demokratiċi Magħquda dwar l-appell tal-priġuniera politika Victoire Ingabire Umuhoza,
– wara li kkunsidra r-rapport 2015 ta' Freedom House dwar ir-Rwanda,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-pajjiż ta' Amnesty International "Rwanda 2015/2016",
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International bit-titolu "Justice in jeopardy: The first instance trial of Victoire Ingabire" tal-2013,
– wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, għal mistoqsija bil-miktub tal-Parlament Ewropew dwar Victoire Ingabire (seduta plenarja tal-4 ta' Frar 2013),
– wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Human Rights Watch bit-titolu "Rwanda: Opposition Activist Missing" tad-29 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra r-rapport 2014 dwar ir-Rwanda tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Rwanda hija fost il-ftit pajjiżi Afrikani li qegħdin minn ta' quddiem fl-ilħuq tal-MDGs, speċjalment rigward kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-edukazzjoni primarja universali, il-mortalità materna u tat-tfal, il-prevalenza tal-HIV u s-sostenibbiltà ambjentali;
B. billi tkabbir ekonomiku qawwi kien akkumpanjat minn titjib sostanzjali fl-istandards tal-għajxien, evidenzjat minn tnaqqis ta' żewġ terzi fil-mortalità tat-tfal u l-kisba ta' reġistrazzjoni kważi universali fl-iskola primarja;
C. billi saru sforzi ekonomiċi u politiċi sabiex tittejjeb l-ekonomija tal-pajjiż u ssir aktar industrijalizzata u orjentata lejn is-servizzi;
D. billi fit-30 ta' Ottubru 2012 Victoire Ingabire, President tal-Forzi Demokratiċi Magħquda (UDF), ingħatat sentenza ta' tmien snin ħabs għal konfoffa biex issir ħsara lill-awtoritajiet bl-użu tat-terroriżmu, u talli ppruvat tnaqqas il-gravità tal-ġenoċidju tal-1994, abbażi ta' relazzjonijiet mal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR);
E. billi, f'Settembru 2016, delegazzjoni mill-Parlament Ewropew ma ngħatatx aċċess għall-kap tal-oppożizzjoni Victoire Ingabire li qiegħda l-ħabs; billi għalkemm l-enfasi taż-żjara kienet fuq ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni qies li ma kien hemm "ebda raġuni speċjali biex is-Sinjura Victoire Ingabire, priġuniera li hija soġġetta għal-linji gwida u r-regoli nazzjonali dwar id-detenzjoni, tirċievi żjara tal-Membri tal-Parlament tal-UE fuq missjoni uffiċjali";
F. billi l-missjoni nnutat li għad fadal sfidi importanti f'dan ir-rigward, bħall-aċċess għall-edukazzjoni fiż-żoni rurali, drittijiet għall-proprjetà aktar ekwi u aċċess aħjar għal xogħol mhux fil-farms, u billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni politika u l-libertà ta' espressjoni fir-Rwanda, għadha preokkupanti, filwaqt li s-soċjetà ċivili indipendenti għadha dgħajfa ħafna;
G. billi ħafna organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem iddenunzjaw il-proċess fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Victoire Ingabire, billi ġew osservati irregolaritajiet serji u ġiet ittrattata inġustament; billi fir-rapport tagħha Amnesty International tindika l-istqarrijiet pubbliċi preġudizzjali li saru mill-President tar-Rwanda qabel ma beda l-proċess tagħha, u dipendenza fuq konfessjonijiet minn detenuti f'Camp Kami fejn huwa allegat li tintuża t-tortura; billi, wara li xehdu fl-2012 kontra Victoire Ingabire fil-Qorti Għolja tar-Rwanda, erba' xhieda tal-prosekuzzjoni u koakkużati qalu lill-Qorti Suprema fl-2013 li x-xhieda tagħhom kienet ġiet iffalsifikata;
H. billi fit-13 ta' Settembru 2012, Victoire Ingabire Umuhoza ġiet innominata, flimkien ma' żewġ personalitajiet politiċi Rwandiżi oħra, Bernard Ntaganda u Deogratias Mushyayidi, għall-Premju Sakharov 2012 tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb;
I. billi fl-2015 is-Sinjura Ingabire appellat quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u akkużat lill-Gvern tar-Rwanda li kiser id-drittijiet tagħha; billi f'Marzu 2015 ir-Rwanda rtirat mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana, u ddikjarat li l-qrati tar-Rwanda kienu kapaċi jittrattaw il-każijiet lokali kollha; billi, fid-29 ta' Frar 2016, il-Gvern tar-Rwanda rtira d-dikjarazzjoni tiegħu li tippermetti lil individwi jressqu lmenti direttament mal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ftit jiem biss qabel l-imħallfin kellhom jisimgħu kawża mressqa kontra l-Gvern tar-Rwanda minn Victoire Ingabire;
J. billi, skont FDU-Inkingi, il-partit ta' Victoire Ingabire, il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tas-Sinjura Ingabire ddeterjoraw b'mod sinifikanti minn April 2016; billi qed tiġi mċaħħda minn ikliet esterni u għal dieti speċjali u ċ-ċertifikat mediku tagħha ġie invalidat;
K. billi, fost affarijiet oħra, FDU-Inkingi ma rnexxilux jirreġistra legalment bħala partit politiku u diversi membri tiegħu ġew mhedda, arrestati u detenuti;
L. billi diversi membri tal-partit tal-oppożizzjoni qed jinżammu l-ħabs; billi Illuminée Iragena, infermiera u attivista politika b'rabta ma' FDU-Inkingi, ilha nieqsa għal dawn l-aħħar ħames xhur u hemm preokkupazzjoni dwar is-sikurezza tagħha; billi Léonille Gasengayire, it-teżorier ta' FDU-Inkingi, ġiet arrestata fit-23 ta' Awwissu 2016 u ġiet akkużata b'inċitament għall-irvelli pubbliċi;
M. billi r-Rwanda hija kklassifikata fil-161 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2016; billi l-libertà tal-istampa kompliet tiddeterjora hekk kif ġurnalisti indipendenti sikwit ġew iffastidjati, mhedda u arrestati; billi ġurnalisti eżiljati u barranin qed jiġu soġġetti dejjem aktar għal intimidazzjoni illegali, vjolenza u għajbien sfurzat talli jikkritikaw lil uffiċjali fir-rappurtar tagħhom;
N. billi, f'Ottubru 2014, il-gvern issospenda b'mod indefinit is-servizz tar-radju tal-British Broadcasting Corporation (BBC) bil-lingwa Kinyarwanda wara x-xandir ta' dokumentarju televiżiv kontroversjali tal-BBC dwar il-ġenoċidju tar-Rwanda tal-1994;
O. billi l-konsolidazzjoni tad-demokrazija – li tinkludi l-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni – hija kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali li għandhom isiru fl-2017;
P billi n-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja Rwandiża waqt il-proċess kriminali ta' Victoire Ingabire ppreġudikaw il-kapaċità tagħha li tieħu ħsieb każijiet politiċi ta' livell għoli;
Q. billi r-Rwanda għandha rwol ewlieni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jista' jkollha rwol kruċjali fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali fil-minerali u f'riżorsi naturali oħra; billi r-rapport tal-2015 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) jirrakkomanda li l-Gvern tar-Rwanda jinvestiga u jipproċedi kontra dawk involuti fil-kummerċ illegali fil-landa, it-tantalju u t-tungstenu, kif ukoll fil-laundering ta' minerali mir-RDK fir-Rwanda;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-proċessi politikament motivati, il-proċedimenti fil-konfront tar-rivali politiċi u l-preġudizzju tal-eżitu tal-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Rwanda jestendi l-kisbiet ekonomiċi u soċjali tiegħu għall-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jersaq tassew lejn demokrazija moderna u inklużiva; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw li l-proċess tal-appell ta' Victoire Ingabire jkun ġust u jilħaq l-istandards previsti fil-leġiżlazzjoni Rwandiża u internazzjonali; jenfasizza li l-proċessi u l-akkużi kontra l-persuni akkużati ma jistgħux ikunu bbażati fuq liġijiet vagi, impreċiżi u li jintużaw ħażin, bħalma qed jiġri fil-każ ta' Victoire Ingabire;
2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna għal 15-il sena priġunerija min-naħa tal-Qorti Suprema tar-Rwanda fil-konfront ta' Victoire Ingabire u dwar id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tagħha fil-ħabs; jemmen li l-proċess tal-appell imwettaq fir-Rwanda, inkluż id-dritt tas-Sinjura Ingabire għall-preżunzjoni tal-innoċenza, ma laħaqx l-istandards internazzjonali;
3. Jenfasizza li l-irtirar tar-Rwanda mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) f'Marzu 2016, ftit jiem biss qabel is-seduta tal-appell fil-każ tas-Sinjura Ingabire, huwa ċirkostanzjali u għandu l-għan li jillimita l-aċċess dirett għall-Qorti min-naħa tal-individwi u l-NGOs;
4. Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li l-UE qajmet it-tħassib tagħha dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għal proċess ġust fil-qafas tad-djalogu politiku uffiċjali mar-Rwanda skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jitlob rieżami immedjat u imparzjali tal-każ tas-Sinjura Ingabire, abbażi tal-fatti, f'konformità mal-liġi u mingħajr ebda restrizzjonijiet, influwenzi mhux xierqa, pressjoni jew theddid; jitlob li d-drittijiet ta' Victoire Ingabire, fosthom l-aċċess għar-rappreżentanza legali kif ukoll għal ikel u trattament adegwati, jiġu rispettati fil-ħabs;
5. Jikkundanna kull att ta' intimidazzjoni, l-arresti, id-detenzjonijiet u l-proċedimenti fil-konfront tal-mexxejja, il-membri u l-attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, kif ukoll ġurnalisti u persuni oħrajn perċepiti bħala kritiċi tal-Gvern tar-Rwanda, sempliċement għaliex esprimew l-opinjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi, f'dan ir-rigward, iwettqu rieżami u aġġustament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 463 u 451 tal-Kodiċi Kriminali, li jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni;
6. Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda juri l-volontà tiegħu li jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi fil-konfront ta' ġurnalisti u attivisti tal-oppożizzjoni u li jġib iċ-ċentri ta' detenzjoni militari tiegħu f'konformità mal-liġijiet tar-Rwanda u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jeħilsu minnufih lill-individwi u l-attivisti l-oħra kollha detenuti jew li nstabu ħatja sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura;
7. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jżidu l-isforzi tagħhom biex jinvestigaw il-każijiet ta' Illuminée Iragena, John Ndabarasa, Léonille Gasangayire u individwi oħrajn li hemm il-biża' li ġew imġiegħla jgħibu, jiżvelaw fejn qegħdin u jeħilsuhom jew jipproċedu kontrihom, jekk jinsabu arrestati, kif ukoll jiżguraw l-imparzjalità tal-proċessi ta' rivali jew kritiċi reali jew suspettati tal-gvern, inklużi dawk ta' Frank Rusagara, Joel Mutabazi, Kizito Mihigo u dawk akkużati magħhom;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli u trasparenti fl-2017 u jistieden lill-gvern jaħdem mal-oppożizzjoni fil-perjodu li jwassal għal dawn l-elezzjonijiet; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fuq perjodu twil għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017, b'enfasi fuq l-ispazju politiku u l-libertajiet fundamentali;
9. Ifakkar lill-awtoritajiet Rwandiżi li d-demokrazija tissejjes fuq gvernijiet pluralisti, oppożizzjoni funzjonanti, midja u ġudikatura indipendenti, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tad-dritt ta' espressjoni u ta' għaqda; jistieden lir-Rwanda, f'dan ir-rigward, tiftaħ l-ispazju politiku tagħha, tilħaq dawn l-istandards u ttejjeb ir-rendiment tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li r-Rwanda timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni (2014);
10. Jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex, b'urġenza, jipproċedu bir-rieżami tad-dikjarazzjoni li tippermetti lill-individwi u l-NGOs iressqu lmenti quddiem il-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jerġgħu jistabbilixxuha u jintroduċuha mill-ġdid;
11. Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-poplu tar-Rwanda fil-ħidma tagħhom biex jikkonsolidaw il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-appoġġ tal-UE għall-istituzzjonijiet governattivi Rwandiżi fuq bażi regolari, sabiex ikun żgurat li dan l-appoġġ jippromwovi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, il-pluraliżmu politiku u s-soċjetà ċivili indipendenti;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lill-avukati difensuri ta' Victoire Ingabire u lill-President tar-Rwanda.
- [1] ĠU C 55, 12.2.2016, p. 127.