Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-1232/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-1232/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

21.11.2016 - (2016/2934(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8-1232/2016)
S&D (B8-1233/2016)
PPE (B8-1234/2016)
ALDE (B8-1237/2016)
ECR (B8-1240/2016)

Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Michael Gahler, David McAllister, Tunne Kelam, Algirdas Saudargas, Jaromír Štětina, Lorenzo Cesa, Lars Adaktusson, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Dubravka Šuica, Andrzej Grzyb, Laima Liucija Andrikienė, Andrey Kovatchev, Traian Ungureanu, Fernando Ruas, Julia Pitera, Barbara Kudrycka, Daniel Caspary, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz f'isem il-Grupp PPE
Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Michela Giuffrida, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Vincent Peillon, Pina Picierno, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Elena Valenciano, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Andrejs Mamikins, Knut Fleckenstein, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Jens Nilsson f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Zdzisław Krasnodębski f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, José Inácio Faria, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Rebecca Harms, Igor Šoltes on behalf of the Verts/ALE Group


Proċedura : 2016/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-1232/2016
Testi mressqa :
RC-B8-1232/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2016/2934(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR b'segwitu għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, u d-dikjarazzjoni sussegwenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

B.  billi, sabiex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi ħadu passi biex jippermettu li l-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni jirreġistraw b'aktar faċilità milli f'elezzjonijiet preċedenti, u billi l-osservaturi barranin ingħataw aċċess akbar għall-għadd tal-voti, skont il-valutazzjoni tal-ODIHR;

C.  billi fis-6 ta' Ġunju 2016 il-President tal-Belarussja sejjaħ elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati; billi dawn l-elezzjonijiet saru fil-11 ta' Settembru 2016; billi aktar minn 827 osservatur internazzjonali u 32 100 osservatur ċittadin kienu akkreditati għall-elezzjonijiet; billi ntbagħtet missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR biex tosserva l-elezzjonijiet wara stedina mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja;

D.  billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b'mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi li ilhom jeżistu żmien, inklużi restrizzjonijiet għad-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-għadd u t-tabulazzjoni raw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;

E.  billi, għall-ewwel darba f'20 sena, se tiġi rrappreżentata oppożizzjoni demokratika fil-Parlament Belarussu; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, is-sistemi ġuridiċi u amministrattivi sottostanti għar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux mibdula; billi żewġ membri indipendenti tal-parlament huma mistennija jservu bħala oppożizzjoni reali;

F.  billi, sa mill-1994, fil-Belarussja ma saret ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;

G.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-territorju tagħha; billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016, saħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja tissaħħaħ f'għadd ta' oqsma ekonomiċi u ta' oqsma relatati mal-assistenza u mal-kummerċ, ħaġa li fetħet il-possibilità biex il-Belarussja tapplika għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ; billi ġew innutati għadd ta' sforzi biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin għad baqa' ħafna kwistjonijiet fir-rigward tal-qafas elettorali ġuridiku u proċedurali;

H.  billi Human Rights Defenders for Free Elections (HRD) u Right to Choose-2016 (R2C), iż-żewġ gruppi ta' osservazzjoni elettorali Belarussi, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx għadd ta' standards internazzjonali ewlenin u talli ma rriflettewx b'mod kredibbli r-rieda taċ-ċittadini Belarussi;

I.  billi l-gruppi ta' osservaturi Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi massivi madwar il-pajjiż kollu biex ikabbru l-għadd totali ta' eletturi li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' ħamest ijiem ta' votazzjoni bikrija (6-10 ta' Settembru) u fil-ġurnata tal-elezzjoni (il-11 ta' Settembru), u billi l-uniku istitut ta' stħarriġ tal-opinjoni indipendenti fil-Belarussja (NISEPI) ssospenda l-attivitajiet tiegħu wara pressjoni min-naħa tal-gvern, ħaġa li tagħmilha aktar diffiċli biex wieħed jivvaluta x'inhuma eżattament il-preferenzi politiċi tal-Belarussi;

J.  billi, fit-18 ta' Novembru 2015, parti mill-forzi tal-oppożizzjoni Belarussa għall-ewwel darba ppreżentat ftehim ta' kooperazzjoni konġunt biex tibqa' magħquda matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

K.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk fit-18 u d-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

L.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

M.  billi l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja komplew iżidu l-biża' tas-soċjetà Belarussa li s-sitwazzjoni interna tiġi destabilizzata bħala konsegwenza ta' bidla fil-poter; billi, madankollu, il-poplu Belarussu ma abbandunax it-tamiet tiegħu għal riformi sostanzjali u għal trasformazzjoni paċifika ta' pajjiżu;

N.  billi l-ekonomija tal-Belarussja esperjenzat aktar minn għoxrin sena ta' staġnar, u billi setturi ewlenin għadhom taħt is-sjieda tal-istat u taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi d-dipendenza ekonomika tal-Belarussja mill-għajnuna ekonomika tar-Russja qed tiżdied b'mod kontinwu, u billi l-prestazzjoni ekonomika tal-Belarussja hija fost l-aktar baxxa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika – pereżempju, il-PDG tagħha naqas b'aktar minn USD 30 biljun fl-2015-2016;

O.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi, fl-4 ta' Ottubru, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau, li kienet ir-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;

P.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni fuq l-oppożizzjoni; billi l-awtoritajiet Belarussi ma abbandunawx il-prattiki repressivi kontra l-avversarji politiċi tagħhom: id-dimostranti paċifiċi għadhom soġġetti għal responsabilità amministrattiva, drittijiet ċivili u politiċi oħra għadhom ristretti u l-pajjiż għandu priġunieri politiċi ġodda; billi l-awtoritajiet Belarussi ma ħadu ebda miżura mmirata lejn tibdil sistemiku u kwalitattiv fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-livell leġiżlattiv;

Q.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett għad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bil-qawwa li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-midja;

R.  billi, fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Belarussja adottat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri; billi skont l-awtoritajiet Belarussi dan il-pjan jiddefinixxi l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

S.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li tintensifika l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE; billi l-Parlament Belarussu ma għandu ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;

T.  billi l-Belarussja bħalissa qiegħda tibni l-ewwel impjant tal-enerġija nukleari tagħha f'Ostrovets, mal-fruntiera tal-UE; billi kwalunkwe pajjiż li jiżviluppa l-enerġija nukleari jeħtieġlu jaderixxi b'mod rigoruż mar-rekwiżiti u standards internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari u ambjentali; billi l-Gvern tal-Belarussja, li għandu r-responsabilità esklussiva għas-sikurezza u s-sigurtà tal-faċilitajiet nukleari fit-territorju tiegħu, jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn iċ-ċittadini tiegħu stess kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien; billi l-prinċipji tal-aċċess miftuħ u tat-trasparenza jridu jkunu l-pedament prinċipali li fuqu għandha tiġi żviluppata, imħaddma u dekummissjonata kwalunkwe faċilità nukleari;

1.  Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadu mhuwiex biżżejjed; jinnota li fil-parlament li għadu kemm ġie elett se jkun hemm rappreżentant wieħed tal-oppożizzjoni u rappreżentant wieħed tas-settur mhux governattiv; iqis, madankollu, li dawn huma aktar ħatriet politiċi milli konsegwenza tar-riżultat elettorali; jinnota li l-analiżi tal-proposti leġiżlattivi futuri ppreżentati minn dawn iż-żewġ membri parlamentari se sservi ta' test deċiżiv dwar l-intenzjonijiet politiċi tal-awtoritajiet wara l-ħatriet tagħhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR jiġu introdotti fi żmien debitu qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018 u li dawn jiġu osservati minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jinkiseb il-progress mixtieq fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

4.  Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi li ġew meħlusa u jroddilhom għalkollox id-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jappella sabiex jiġu abbandunati r-retrizzjonjiet kollha f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li l-partiti politiċi kollha għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet politiċi mingħajr restrizzjonijiet, speċjalment matul il-perjodu tal-kampanja elettorali;

6.  Jistenna li l-awtoritajiet itemmu l-intimidazzjoni fuq il-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22(9) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex iħassar mingħajr dewmien l-Artikolu 193(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati u l-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet, u biex jippermetti l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari, għall-fatt li bħalissa, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 193(1) u ta' miżuri restrittivi oħra, aktar minn 150 NGO Belarussa huma rreġistrati fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka u fi bnadi oħra;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jirrieżaminaw il-politika li minħabba fiha l-assistenza finanzjarja internazzjonali lis-settur mhux governattiv fil-Belarussja għadha soġġetta għal piż kbir tat-taxxa;

9.  Iħeġġeġ lill-Belarussja, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, u li reċentement reġa' beda bl-eżekuzzjonijiet, biex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw bis-saħħa t-tħassib imsemmi hawn fuq fid-Djalogu li għaddej dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill tal-Ministri tal-Belarussja adotta l-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistenna li dan il-Pjan ta' Azzjoni jitwettaq bis-sħiħ;

10.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;

11.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa l-emerġenza tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;

12.  Jappoġġa lill-UE fil-politika tagħha ta' "impenn kritiku" mal-awtoritajiet Belarussi, u jiddikjara ruħu lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-inizjattivi leġiżlattivi mill-qrib u tiskrutinizza l-implimentazzjoni tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tiżgura li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

13.  Jinsab imħasseb dwar il-problemi ta' sikurezza li tqajmu mill-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, inqas minn 50 kilometru 'l bogħod minn Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, u qrib il-fruntiera Pollakka; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sorveljanza internazzjonali komprensiva tal-implimentazzjoni ta' dan il-proġett sabiex ikun żgurat li huwa konformi mar-rekwiżiti u l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari u ambjentali, inklużi l-Konvenzjonijiet Espoo u Arhus tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-djalogu tagħha mal-Belarussja u mar-Russja, tinkludi l-kwistjoni tas-sikurezza u t-trasparenza ta' dan l-impjant ta' enerġija nukleari li qiegħed jinbena, fid-dawl tal-fatt li dan huwa ffinanzjat mir-Russja u huwa bbażat fuq it-teknoloġija Rosatom, u biex tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament u lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk ġirien tal-Belarussja;

14.  Jagħti importanza kbira u jistenna bil-ħerqa l-adeżjoni tal-Belarussja fl-Assemblea Parlamentari Euronest, skont l-Att Kostitwenti, mill-aktar fis wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi, peress li din l-adeżjoni tkun estensjoni naturali tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-qafas ta' kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant;

15.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, li jappoġġa l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tiegħu u li jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperu għall-pajjiż;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, u lill-awtoritajiet tal-Belarussja.