MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi
18.1.2017 - (2017/2508(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B8-0075/2017)
ECR (B8-0078/2017)
Verts/ALE (B8-0082/2017)
EFDD (B8-0084/2017)
ALDE (B8-0089/2017)
PPE (B8-0091/2017)
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Joachim Zeller, Jarosław Wałęsa, Tomáš Zdechovský, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Krzysztof Hetman, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Brian Hayes, Jaromír Štětina, Bogdan Brunon Wenta, Marijana Petir, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Lefteris Christoforou, Ivana Maletić, Željana Zovko, Dubravka Šuica, Thomas Mann, Luděk Niedermayer, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Therese Comodini Cachia, Jeroen Lenaers, Maurice Ponga, Anna Záborská, Lorenzo Cesa, József Nagy, Romana Tomc, Adam Szejnfeld, Ivica Tolić, Eva Paunova, Laima Liucija Andrikienė, Claude Rolin, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Inese Vaidere, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Deirdre Clune, György Hölvényi, David McAllister, László Tőkés, Mariya Gabriel, Seán Kelly, Giovanni La Via f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Maria Arena f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga, Zdzisław Krasnodębski, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Notis Marias, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Monica Macovei, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR
Pavel Telička, Dita Charanzová, Ilhan Kyuchyuk, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Filiz Hyusmenova, Petras Auštrevičius, Louis Michel, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, António Marinho e Pinto, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Javier Nart, Nedzhmi Ali, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Florent Marcellesi, Michèle Rivasi, Bodil Valero, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Laura Agea, Laura Ferrara, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-aħħar żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu, adottati fid-9 ta' Lulju 2015[1] u fis-17 ta' Diċembru 2015[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi, b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-Afrika t'Isfel u l-Burundi u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi, kif ukoll it-tiġdid ta' tali miżuri tad-29 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-4 ta' Novembru 2016 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Burundi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Settembru 2016 tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Burundi (UNIIB) stabbilit f'konformità mar-riżoluzzjoni S-24/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Ġunju 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fit-30 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-17 ta' Mejju 2016 tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Burundi li seħħet mis-7 sat-13 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Jannar 2017 mill-kelliem tas-SEAE dwar il-projbizzjoni ta' Ligue Iteka fil-Burundi,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Burundi ilu għaddej minn kriżi drammatika ta' natura politika, soċjali u ekonomika minn mindu l-president tiegħu, Pierre Nkurunziza, iddeċieda, bi ksur tal-Ftehim ta' Arusha u tal-kostituzzjoni tal-pajjiż, li jikkontesta għat-tielet mandat presidenzjali f'April 2015; billi l-President Nkurunziza reċentement għamel dikjarazzjonijiet li fihom ma eskludiex il-possibbiltà li jirrevedi l-Kostituzzjoni tal-Burundi bil-ħsieb li, eventwalment, din tippermettilu jikkontesta għar-raba' mandat mill-2020 'il quddiem;
B. billi l-Burundi nnotifika lill-QKI illi rtira mill-Istatut ta' Ruma u mill-QKI fid-19 ta' Ottubru 2016 wara d-deċiżjoni tal-QKI li tagħti bidu għal investigazzjoni preliminari dwar il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
C. billi fil-15 ta' Novembru 2016 Ligue Iteka ppubblikat rapport imfassal flimkien mal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) bit-titolu "Ir-repressjoni u d-dinamika ta' ġenoċidju fil-Burundi", wara investigazzjoni ta' sentejn fil-pajjiż, li pprovda aġġornament dwar ir-repressjoni u l-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-gvern; billi, ftit ġimgħat wara, Ligue Iteka ppubblikat ukoll diversi rapporti investigattivi dwar l-aktar delitti serji mwettqa mill-forzi tal-gvern fil-Burundi: qtil, ħtif, għajbien furzat, tortura, stupru u detenzjonijiet fuq skala kbira; billi dawn id-delitti ssuktaw b'impunità assoluta; billi sa Ottubru 2016 ħames organizzazzjonijiet oħra li joperaw fil-qasam tal-drittijiet tal-bniedem kienu diġà ġew ipprojbiti: il-Forum pour le renforcement de la société civile (FORSC), il-Forum pour la conscience et le développement (FOCODE), l-Action chrétienne pour l'abolition de la torture (ACAT), l-Association burundaise pour la protection des droits humains et des personnes détenues (APRODH) u r-Réseau des citoyens probes (RCP);
D. billi f'Novembru 2016 l-FIDH irrappurtat aktar minn 1 000 każ ta' mewt, 8 000 każ ta' persuni arrestati għal raġunijiet politiċi, minn 300 sa 800 każ ta' persuni neqsin, mijiet ta' każijiet ta' tortura, mijiet ta' nisa li sfaw vittmi tal-vjolenza sesswali, eluf ta' arresti arbitrarji, aktar minn 310 000 ruħ li spiċċaw rifuġjati f'pajjiżi ġirien u 61 000 każ ta' persuni spustjati internament; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Burundi toħloq riskji għall-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu;
E. billi l-gvern kompla jżid ir-repressjoni kontra l-midja u l-gazzetti indipendenti, filwaqt li l-ġurnalisti qed iħabbtu wiċċhom ma' għajbien furzat, theddid u attakki fiżiċi, jew fastidju ġudizzjarju; billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti kollha ġew sospiżi; billi Reporters sans frontières tikklassifika l-Burundi fil-156 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħha tal-2016;
F. billi f'Marzu 2016 l-UE għalqet il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u ssospendiet l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, wara li waslet għall-konklużjoni li l-impenji proposti mill-gvern rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt ma kinux sodisfaċenti;
G. billi s-sistema ġudizzjarja fil-Burundi hija profondament korrotta u, minkejja li mijiet ta' nies sfaw maqtula u ttorturati minn mindu bdiet il-kriżi, ħafna minnhom min-naħa tal-pulizija u s-servizzi tal-intelligence, ftit li xejn tressqu quddiem il-ġustizzja;
H. billi hemm biżgħat ta' "etniċizzazzjoni" tal-kriżi min-naħa tal-gvern, u billi t-tendenza li l-uffiċjali tal-Istat jużaw retorika li tifred qed issir komuni, kif semmew ukoll l-uffiċjali tan-NU;
I. billi, skont ċerti rapporti, membri żgħażagħ tal-partit fil-gvern, l-Imbonerakure, qed jarrestaw lir-residenti, isawtuhom u jisirqulhom ġidhom, u qed jużaw ukoll l-istupru bħala arma; billi qed jiffokaw l-attakki tagħhom fuq il-membri tal-oppożizzjoni, speċjalment il-membri tal-Forzi Nazzjonali għall-Liberazzjoni (FNL); billi għexieren ta' membri tal-oppożizzjoni u ta' persuni meqjusa bħala avversarji sfaw maqtula, arrestati, imsawta u ttorturati f'dawn l-aħħar xhur;
J. billi fid-29 ta' Settembru 2016, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE kontra l-Burundi u estendiehom sal-31 ta' Ottubru 2017; billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi partikolari li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma favur soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;
K. billi l-isforzi ta' medjazzjoni għadhom għaddejjin, bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Afrikana, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-UE u n-NU, bil-għan li jippromwovu d-djalogu inter-Burundjan ħalli tinstab soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Burundi sejra għall-agħar; jikkundanna l-vjolenza li ilha sseħħ fil-Burundi sa mill-2015, li wasslet għall-mewt, it-tortura, il-vjolenza mmirata kontra n-nisa, inkluż l-istupru kollettiv, il-fastidju u l-priġunerija ta' eluf ta' persuni, iċ-ċaqliq furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll l-impunità mifruxa għal tali atti; jappella biex issir inkjesta bir-reqqa u indipendenti rigward il-qtil u l-abbużi u biex il-persuni li wettqu dawn ir-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;
2. Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Burundi fl-obbligi tagħhom biex jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu bħalma huma l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif previst fil-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Gvern tal-Burundi fl-obbligi internazzjonali tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari rigward ir-rispett tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt u t-trattament tal-kawżi ġudizzjarji, partikolarment id-dritt għal proċess ġust u imparzjali;
3. Jinsab imħasseb serjament dwar l-adozzjoni mill-Assemblea Nazzjonali fil-Burundi fit-23 u t-28 ta' Diċembru 2016 ta' żewġ abbozzi ta' liġijiet li jistabbilixxu kontrolli aktar stretti fuq l-azzjonijiet ta' NGOs nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li fit-3 ta' Jannar 2017 dawn il-liġijiet wasslu biex Ligue Iteka tiġi pprojbita milli topera fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni; jafferma mill-ġdid ir-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem f'soċjetà demokratika; jistieden lill-awtoritajiet lokali jippermettulhom joperaw b'mod ħieles u sikur;
4. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri miżmuma l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirduppjaw l-isforzi tagħhom fl-appoġġ u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet li jinsabu f'riskju fil-pajjiż;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jiftħu l-midja mingħajr dewmien u jippermettu lill-mexxejja tal-oppożizzjoni fl-eżilju jirritornaw lejn il-pajjiż;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi biex jerġa' jibda jikkoopera mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex jagħti aċċess lill-persunal tal-OHCHR għall-postijiet ta' detenzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd, skont l-obbligi internazzjonali tiegħu;
7. Jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji u l-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u l-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim ta' Arusha; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-unità nazzjonali permezz ta' djalogu nazzjonali inklużiv u trasparenti, li jinkludi l-gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bi qbil mal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;
8. Jinnota bi tħassib kbir li l-Burundi fformalizza l-irtirar tiegħu mill-Istatut ta' Ruma; ifakkar li l-QKI hija istituzzjoni ewlenija li tgħin liċ-ċittadini jiksbu ġustizzja meta jiġu kkonfrontati bl-aktar delitti serji, f'każijiet fejn dan ma jkunx possibbli fil-livell nazzjonali;
9. Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-QKI biex jibdew malajr investigazzjoni sħiħa dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, inkluż il-periklu ta' ġenoċidju fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu, li twettaq matul il-kriżi reċenti fil-pajjiż;
10. Jikkundanna l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-ħolqien ta' korp ta' volontiera nazzjonali li tillegalizza l-attivitajiet vjolenti tal-milizzja taż-żgħażagħ "Imbonerakure", li ġiet akkużata diversi drabi minn organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u min-NU b'abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u li topera fi klima ta' impunità; jappella għad-diżarm immedjat tal-milizzja;
11. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li tissospendi l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li żżomm appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti;
12. Jilqa' s-sanzjonijiet immirati adottati mill-UE fl-1 ta' Ottubru 2015, f'konformità mad-deċiżjoni meħuda mill-Unjoni Afrikana li timponi sanzjonijiet immirati, inklużi restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra Burundjani responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kontra dawk li jfixklu l-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kriżi; jistieden lill-UE testendi tali sanzjonijiet għall-persuni kollha li l-azzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun, filwaqt li jinċitaw il-mibegħda u jiksru l-Ftehim ta' Arusha;
13. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-kriżijiet politiċi jistgħu jwasslu għal kunflitt etniku; jikkundanna l-elenkar ta' persuni fl-amministrazzjoni u fl-armata Burundjana skont l-appartenenza etnika tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw il-Ftehim ta' Arusha;
14. Jilqa' l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, stabbilita f'Novembru 2016 biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi fil-Burundi minn April 2015 'il quddiem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ mal-membri tal-Kummissjoni ta' Inkjesta;
15. Jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ta' Lulju 2016 li tawtorizza l-iskjerament ta' forza tal-pulizija tan-NU fil-Burundi bil-għan li tnaqqas il-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Paċi u tas-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana biex b'mod urġenti jibgħat delegazzjoni lejn Bujumbra ħalli tiltaqa' mal-President Nkurunziza u tagħmel pressjoni fuqu biex iwaqqaf l-abbużi mwettqa mill-forzi tas-sigurtà;
16. Jistieden lill-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-UE jqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet tal-Burundi u mal-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha u tappoġġja, iġġedded u ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-isforzi ta' medjazzjoni reġjonali mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kriżi li tirrispetta l-kostituzzjoni, il-Ftehim ta' Arusha u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem permezz ta' djalogu miftuħ u inklużiv;
17. Jinsab imħasseb serjament dwar il-fluss dejjem jikber ta' rifuġjati lejn il-pajjiżi ġirien u s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fil-Burundi; itenni l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu lejn l-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll mal-pajjiżi ospitanti ġirien; jistieden ukoll lill-UE żżid l-assistenza tagħha fir-reġjun;
18. Jesprimi tħassib serju dwar id-dikjarazzjoni tal-President Nkurunziza tat-30 ta' Diċembru 2016 li għandu mnejn jerġa' jikkontesta għar-raba' mandat presidenzjali fl-2020;
19. Jinsab partikolarment imħasseb dwar il-livelli drammatiċi ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI fil-Burundi, kif ukoll il-kriminalizzazzjoni tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-kodiċi penali li jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTI;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0275.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0474.
- [3] ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2016)0371.