Proċedura : 2017/2646(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0245/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0245/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.1
CRE 06/04/2017 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.1
CRE 06/04/2017 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0125

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 439kWORD 54k
5.4.2017
PE598.586v01-00}
PE598.587v01-00}
PE603.677v01-00}
PE603.678v01-00}
PE603.679v01-00} RC1
 
B8-0245/2017}
B8-0246/2017}
B8-0249/2017}
B8-0250/2017}
B8-0251/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0245/2017)

S&D (B8-0246/2017)

Verts/ALE (B8-0249/2017)

ALDE (B8-0250/2017)

PPE (B8-0251/2017)


dwar ir-Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra (2017/2646(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Elmar Brok, Deirdre Clune, Pavel Svoboda, Laima Liucija Andrikienė, Brian Hayes, Jaromír Štětina, Stanislav Polčák, Ivan Štefanec, Therese Comodini Cachia, Jarosław Wałęsa, Tomáš Zdechovský, Sven Schulze, József Nagy, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Eduard Kukan, Claude Rolin, Romana Tomc, Giovanni La Via, Patricija Šulin, Csaba Sógor, Marijana Petir, Luděk Niedermayer, David McAllister, Željana Zovko, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Bogdan Brunon Wenta, Michaela Šojdrová, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Michał Boni, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Eva Maydell, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Jiří Pospíšil, Anna Záborská, Anna Maria Corazza Bildt, Michael Gahler, Andrey Kovatchev f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Ruža Tomašić, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Jana Žitňanská, Roberts Zīle, Geoffrey Van Orden, Monica Macovei, Mark Demesmaeker f'isem il-Grupp ECR
Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Marian Harkin, Louis Michel, Ivan Jakovčić, Marielle de Sarnez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Dita Charanzová, Jozo Radoš, Hilde Vautmans, Pavel Telička, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Gérard Deprez, Carolina Punset, Nathalie Griesbeck, Petr Ježek, Izaskun Bilbao Barandica, Cecilia Wikström, Martina Dlabajová, Valentinas Mazuronis, Ramon Tremosa i Balcells, Ilhan Kyuchyuk, Jasenko Selimovic, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Tamás Meszerics, Indrek Tarand, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra (2017/2646(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012(1), dik tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), dik tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), ir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(4), dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny(5), dik tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(6), u dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja(7),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, b'mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha li jħares il-libertà tal-kelma u l-Artikolu 31 li jinkludi d-dritt għal għaqda paċifika, u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra s-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" li bdiet fl-2010 f'Rostov-na-Donu u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jgħidu li ħadd m'għandu jkun sottomess għal tortura jew għal trattament krudili, inuman jew degradanti, u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(8),

–   wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa eżaminat mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 u t-3 137 laqgħa tiegħu, li saru fis-16 u s-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fis-26 ta' Marzu 2017, bejn 33 000 u 93 000 ruħ ħadu sehem fi protesti, kortej u dimostrazzjonijiet kontra l-korruzzjoni f'aktar minn 80 belt madwar ir-Russja; billi aktar minn 2 000 dimostrant ġew arrestati mill-pulizija f'diversi bliet Russi, fosthom madwar 1 000 minnhom f'Moska; billi l-politiku tal-oppożizzjoni Alexei Navalny ġie arrestat u mmultat USD 350 talli organizza protesti pprojbiti u ngħata sentenza ta' 15-il jum ħabs; billi dawn il-protesti huma meqjusa bħala l-akbar li qatt saru mid-dimostrazzjonijiet kontra l-Kremlin fl-2011 u l-2012;

B.   billi l-verdett tat-8 ta' Frar 2017 tal-Qorti Leninsky f'Kirov kontra l-politiku tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny fuq akkużi ta' tentattivi ta' miżapproprjazzjoni serva biex isikket leħen politiku indipendenti ieħor fil-Federazzjoni Russa; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li Navalny ġie mċaħħad mid-dritt għal proċess ġust fil-proċedimenti li nfetħu kontrih fl-2013 dwar l-istess akkużi;

C.  billi l-Gvern Russu fetaħ investigazzjoni kriminali kontra persuni mhux identifikati li għamlu stedina permezz tal-internet għal dimostrazzjoni f'Moska fit-2 ta' April 2017 biex tintalab ir-riżenja tal-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev, it-tmiem tal-operazzjonijiet militari Russi fl-Ukrajna u fis-Sirja, il-ħelsien ta' Navalny u l-ħlas ta' kumpens lill-attivisti arrestati waqt protesta f'Moska fis-26 ta' Marzu; billi, fit-2 ta' April, tal-inqas 31 persuna ġew arrestati waqt protesti tal-oppożizzjoni f'Moska u wara nżammu l-ħabs talli "kisru l-ordni pubbliku";

D.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti ntrabet li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien espert addizzjonali biex tgħin lir-Russja timmodernizza u ssegwi l-ordni kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

E.   billi hemm tħassib dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-istat tad-dritt u tal-prinċipji demokratiċi rikonoxxuti b'mod universali; billi l-Federazzjoni Russa rratifikat 11 mit-18-il trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

F.   billi d-dritt kriminali tal-Federazzjoni Russa ġie emendat u ġie introdott l-Artikolu 212.1 il-ġdid, li jgħid li persuna tista' tiġi akkużata bi ksur tal-liġi dwar il-laqgħat pubbliċi, minkejja l-fatt li din l-emenda tillimita l-libertà tal-kelma u ta' għaqda;

G.   billi, skont iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Memorial", l-għadd ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'total ta' 102 persuni fl-2016;

1.  Jikkundanna l-operazzjonijiet tal-pulizija fil-Federazzjoni Russa, maħsuba biex jimpedixxu u jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi kontra l-korruzzjoni, u li matulhom ġew arrestati mijiet ta' ċittadini, fosthom Alexei Navalny, li l-organizzazzjoni tiegħu tat bidu għad-dimostrazzjonijiet;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu minnufih lil Alexei Navalny u lid-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti u l-attivisti arrestati fil-protesti kontra l-korruzzjoni li saru f'Moska u f'għadd ta' bliet Russi fis-26 ta' Marzu u fit-2 ta' April 2017, u jwaqqgħu l-akkużi kontrihom; jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet Russi huma responsabbli għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni arrestati;

3.  Jenfasizza l-fatt li s-sentenzi imposti huma motivati politikament, u jħeġġeġ lill-ġudikatura Russa turi l-indipendenza tagħha minn kwalunkwe ndħil politiku; jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu l-libertà tal-midja u l-libertà ta' għaqda;

4.  Jinnota l-parteċipazzjoni qawwija fil-protesti kontra l-korruzzjoni mifruxa mal-Federazzjoni Russa kollha nhar il-Ħadd, 26 ta' Marzu 2017, b'mod partikolari l-mobilizzazzjoni taż-żgħażagħ li ħarġu jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u t-tmexxija dejjem aktar awtoritarja fir-Russja; tilqa' dan l-impenn bħala sinjal promettenti ta' interess pubbliku akbar fi kwistjonijiet pubbliċi u politiċi;

5.  Jesprimi tħassib serju li l-arrest ta' Alexei Navalny huwa prova ta' każ fejn l-awtoritajiet Russi użaw il-liġi dwar il-laqgħat pubbliċi biex jibagħtu dimostranti paċifiċi l-ħabs malajr u sussegwentement jikkommettu abbuż sistematiku;

6.  Jikkundanna l-isforzi kontinwi maħsuba biex isikktu lil Alexei Navalny, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-organizzazzjoni tiegħu biex titqajjem kuxjenza u tiġi miġġielda l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fost ir-rappreżentanti politiċi u l-persuni f'kariga pubblika; iħares bi tħassib kbir lejn id-deċiżjoni tal-Qorti ta' Frar 2017, li effettivament teskludi lil Alexei Navalny mix-xena politika, tillimita ulterjorment il-pluraliżmu politiku fir-Russja u tqajjem dubji serji dwar l-imparzjalità tal-proċessi demokratiċi fir-Russja;

7.  Ifakkar li l-libertà ta' għaqda paċifika huwa dritt, mhux privileġġ, u li dan id-dritt, flimkien mad-drittijiet għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, għandu rwol deċiżiv fil-ħolqien u l-eżistenza ta' sistema verament demokratika; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali li ħadu, inkluż fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), jiddefendu l-libertajiet bażiċi ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, li jikkostitwixxu drittijiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni Russa, u jeħilsu minnufih lid-dimostranti paċifiċi li ġew arrestati;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu kwalunkwe att ta' intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, fil-konfront tal-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, u jiżguraw, f'kull ċirkustanza, li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda ndħil;

9.   Huwa tal-fehma li bosta proċessi u proċedimenti ġudizzjarji kontra membri tal-oppożizzjoni u NGOs matul dawn l-aħħar snin iqajmu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi jwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti, mingħajr indħil politiku;

10. Jenfasizza li l-libertà ta' għaqda fil-Federazzjoni Russa hi ggarantita mill-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li r-Russja hi firmatarja tagħha, u għalhekk l-awtoritajiet Russi huma obbligati jirrispettawha; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u l-liberta ta' għaqda;

11. Ifakkar fl-importanza li r-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-KEDB u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

12. Jistieden lill-Federazzjoni Russa temenda l-leġiżlazzjoni li tikkriminalizza u tillimita bla bżonn il-libertà ta' għaqda; jikkundanna l-fatt li, permezz ta' leġiżlazzjoni ġdida f'Diċembru 2015, il-Federazzjoni Russa tat ukoll lill-Qorti Kostituzzjonali tagħha s-setgħa li tirrevoka s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jinnota l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-konfront ta' politiċi prominenti Russi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sistematika kontra kwalunkwe attentat ta' ħasil ta' flus jew assi illegali fl-UE; jagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar il-Panama Papers biex joqgħod partikolarment attent għal kwalunkwe traċċa ta' flussi suspettużi ta' flus Russi li jistgħu jgħaddu minn banek ibbażati fl-UE;

14. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fir-Russja;

15. Jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li meta jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja jitqajmu l-każijiet tal-persuni kollha pproċessati għal raġunijiet politiċi, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ; jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ, ikomplu jsegwu każijiet bħal dawn mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji ta' fehmiet mal-awtoritajiet Russi;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa;

17.  Jikkundanna l-attakk terroristiku f'San Pietruburgu, u jitlob lill-President tiegħu jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà profondi tiegħu mal-vittmi, il-familji tagħhom u l-poplu Russu;

 

 

 

 

(1)

ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

(4)

ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.

(5)

ĠU C 300, 18.8.2016, p. 2.

(6)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 126.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0446.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0087.

Avviż legali - Politika tal-privatezza