Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0300/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0300/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

16.5.2017 - (2017/2687(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B8-0300/2017)
ECR (B8-0332/2017)
PPE (B8-0334/2017)
ALDE (B8-0339/2017)

Mariya Gabriel, Frank Engel, Bogdan Brunon Wenta, Cristian Dan Preda, Michael Gahler, Pavel Svoboda, Krzysztof Hetman, Adam Szejnfeld, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, György Hölvényi, Maurice Ponga, Željana Zovko, Anna Záborská, Andrey Kovatchev, Joachim Zeller f'isem il-Grupp PPE
Maria Arena, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Louis Michel, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Maria Heubuch, Bart Staes, Bodil Valero, Florent Marcellesi, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2017/2687(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0300/2017
Testi mressqa :
RC-B8-0300/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

(2017/2687(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar Rimpatriji Volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-UNHCR,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Kenja tad-9 ta' Frar 2017 kontra l-għeluq tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kenja li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tad-9 ta' Frar 2017;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, il-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica u l-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja, Christos Stylianides dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Kenjan tal-20 ta' Mejju 2016, li jagħlaq il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dadaab,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Afrika tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li għandu popolazzjoni ta' kważi 250 miljun abitant u li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru fl-Afrika u fid-dinja ta' rifuġjati u persuni spostati internament; billi r-reġjun qed iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, spostament furzat, traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-persuni, terroriżmu u kunflitti vjolenti;

B.  billi fil-bażi ta' dawn l-isfidi hemm għadd kbir ta' fatturi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' governanza tajba u ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, il-faqar estrem, l-instabbiltà u t-tibdil fil-klima;

C.  billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li kienu qed ifittxu kenn u li kienu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari għal dawk li kienu qed jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment fih ħames kampijiet differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, filwaqt li l-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati;

D.  billi minkejja l-fatt li Dadaab kien maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU attwalment il-kamp għandu popolazzjoni ta' madwar 260 000, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, sitwazzjoni li tista' fil-fatt iżżid dawn in-numri ulterjorment;

E.  billi r-rifuġjati fil-kamp huma fir-riskju tal-vjolenza, filwaqt li n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli;

F.  billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet affettwata minn instabbiltà severa u n-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie multiplikat permezz ta' riskji naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja biex jissopravvivu, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostamenti ġewwa s-Somalja u lejn pajjiżi ġirien.

G.  billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u aktar minn 1.1 miljun ruħ oħra ġew spustati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.  billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, b'1.1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-amministrazzjoni tas-Somalja ripetutament esprimiet ir-rieda li tirċievi ċ-ċittadini tagħha; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem tikber fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja għadha perikoluża u imprevedibbli u l-attakki minn al-Shabaab u gruppi armati u terroristiċi oħra għadhom għaddejjin; billi fis-6 ta' April 2017, il-President Mohamed Abdullahi 'Farmajo' ddikjara li s-Somalja kienet żona ta' gwerra u offra amnestija lill-membri tal-grupp militanti Iżlamista al-Shabaab, inkluż taħriġ, impjieg u edukazzjoni, jekk kienu lesti jċedu l-armi tagħhom fi żmien 60 jum;

J.  billi r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant qed jesperjenza nixfa qawwija, u ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, waqt li l-gvern irrapporta li 6.2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza alimentari ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hi diżastru nazzjonali, u li 2.7 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' ikel; billi hu mistenni li s-sitwazzjoni x'aktarx li tiddeterjora fl-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Jemen, u tista' twassal għal karestija mifruxa;

K.  billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, in-nixfa fis-Somalja ħolqot spostamenti interni addizzjonali, u minn Novembru 2016 'l hawn, aktar minn 683 000 ruħ kienu mġiegħla jħallu djarhom; billi madwar 250 000 ruħ mietu matul l-aħħar karestija fl-2011;

L.  billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", għal raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar l-għeluq tal-kamp ta' Dadaab sa Mejju 2017; billi, mis-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017, l-isforzi kollha issa huma ffukati fuq l-importanza li tinstab soluzzjoni reġjonali u sostenibbli għar-rifuġjati Somali;

M.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat ukoll li kwalunkwe rimpatriju lejn is-Somalja jrid isir f'konformità ma' standards internazzjonali, li jrid ikun volontarju u infurmat, u li l-persuni rimpatrijati jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti, li r-rimpatriji jridu jsiru b'mod sikur, dinjituż u sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati jridu jkunu konxji ta' x'jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

N.  billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, filwaqt li huma wkoll eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati;

O.  billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat mill-UNHCR u l-Gvernijiet tal-Kenja u s-Somalja fl-2013 bl-għan li jwettaq ir-rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u partijiet interessati oħra;

P.  billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġja r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali fl-2014, madwar 65 000 persuna ġew rimpatrijati, iżda l-għan li tiżdied ir-rata ta' rimpatriji sostenibbli se jiddependi fuq is-sitwazzjoni fis-Somalja;

Q.  billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatriji lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

R.  billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed tospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u dan jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabbiltà, u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, anki fid-dawl tad-deċiżjoni li jingħalaq il-kamp ta' Dadaab;

S.  billi għal ħafna rifuġjati, speċjalment dawk minn żoni rurali, il-prospett ta' rimpatriju jiddependi fuq il-ħila tagħhom li jieħdu lura l-art tagħhom f'pajjiż fejn is-sistema tal-pussess tal-art hija dgħajfa u l-iżgumbramenti furzati huma komuni;

T.  billi l-komunità ospitanti usa' ta' Dadaab uriet umanità, ġenerożità u tolleranza enormi fil-konfront tal-eżistenza tal-kamp, iżda qed tiffaċċja sfidi kbar fuq il-livell ekonomiku, ambjentali u ta' żvilupp;

U.  billi d-donaturi kellhom biex jixħtu l-attenzjoni tagħhom fuq kunflitti oħra u jnaqqsu n-nefqa tagħhom minħabba n-natura mtawla tas-sitwazzjoni f'Dadaab, u dan ifisser li r-rifuġjati fil-kamp qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi;

V.  billi t-tibdil fil-klima b'mod partikolari qed ikollu devastanti fuq l-istil ta' ħajja pastorali nomadiku, li huwa l-mezz tal-għajxien ta' għadd kbir ta' nies fir-reġjun, li qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet dejjem jikbru li jġibu magħhom in-nixfa, il-mard, il-gwerer u t-tnaqqis fl-għadd ta' bhejjem, fost problemi oħra;

W.  billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-"Patt" u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja;

X.  billi l-UE hija impenjata li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja (AMISOM) permezz tal-għoti ta' finanzjament biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid li jirrappreżentaw il-grupp Al-Shabaab u gruppi oħra tal-oppożizzjoni armata; billi fit-23 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana sejħet laqgħa ta' konsultazzjoni ta' livell għoli, fil-preżenza tal-UE u n-NU, dwar il-futur tal-AMISOM u l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà u r-riforma fis-Somalja; billi fil-11 ta' Mejju 2017 l-UE ħabbret appoġġ ġdid ta' EUR 200 miljun għas-Somalja fil-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja;

Y.  billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, il-parti l-kbira minnhom minn Dadaab, wara li l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li kienu stennew sa 10 snin għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw futur inċert;

Z.  billi l-isforzi tal-UE għar-risistemazzjoni għandhom jiżdiedu biex jaqblu mal-isforzi ta' pajjiżi terzi bħall-Awstralja jew il-Kanada, sabiex jilħqu dak li l-UNHCR iqis li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta' rifuġjati madwar id-dinja;

AA.  billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala r-raġunijiet għall-ispostament tan-nies fir-reġjun;

BB.  billi wara l-missjoni ta' valutazzjoni elettorali tal-UE lill-Kenja, ġie rrakkomandat li missjoni tal-UE ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali f'Awwissu 2017 tkun siewja u effettiva;

1.  Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun lokali ta' Dadaab għar-rwol li żvolġew fl-ospitar ta' għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati tul perjodu daqstant twil; jenfasizza l-fatt, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun hija insostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali, inkluża l-UE, sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tar-rifuġjati Somali, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u biex jiġi stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-IGAD dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati fis-Somalja; jilqa' l-impenn biex jinkiseb approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u tkun promossa l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritta fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

3.  Jiddispjaċih dwar iċ-ċokon tar-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi għar-risistemazzjoni ta' rifuġjati minn Dadaab, u jistieden lill-UE twettaq ir-responsabbiltà tagħha biex tiżgura kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

4.  Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabbiltà fir-reġjun usa' u fid-dawl ta' riskju mġedded ta' karestija, ir-rifuġjati mhux se jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom; jitlob, għalhekk, lill-UE biex iżżomm l-iżvilupp fit-tul bħala l-objettiv primarju tagħha u biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tieħu sehem u taqdi rwol ta' medjatur fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

5.  Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar se jkun meħtieġ rispons reġjonali biex tingħata protezzjoni kontinwa lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jkun hemm aċċess aħjar għas-servizzi għal persuni rimpatrijati, persuni spostati internament u komunitajiet lokali fis-Somalja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jipprevedi għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw aċċess għall-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar Dadaab; jappoġġja l-ħolqien ta' fond reġjonali għad-donaturi;

7.  Iqis li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali ta' problemi tas-sigurtà kontinwi fis-Somalja u riskju kbir ta' karestija, fi kwalunkwe xenarju, jenħtieġ li r-rimpatriji dejjem ikunu volontarji; jitlob li jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ospitar tar-rifuġjati u l-ħolqien ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi, inkluża l-UE;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fir-reġjuni tal-Afrika tal-Lvant; jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment u titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li ħafna minnhom huma marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti tal-poplu fir-reġjun, immirati speċifikament biex jittejbu l-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali għas-servizzi bażiċi u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, kif ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

10.  Jemmen li jenħtieġ li l-EUTF jiffoka aktar fuq spinta favur l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjieg u billi jsaħħaħ ir-reżiljenza; jitlob li dawn il-fondi jintużaw biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u għall-espansjoni ulterjuri tal-użu tal-enerġija solari bħala sors ta' enerġija, pereżempju għall-ippumpjar tal-ilma ħelu, li kien proġett li rnexxa f'xi partijiet tal-kamp ta' Dadaab;

11.  Jirrimarka li n-nisa u t-tfal jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-popolazzjoni totali tal-kamp tar-rifuġjati u huma meqjusa bħala l-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati fi ħdan il-kamp; jistieden lill-Gvern Kenjan, l-istituzzjonijiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna internazzjonali u l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, jadottaw approċċ speċifiku għall-miżuri ta' għajnuna li jindirizza l-fatturi li jinfluwenzaw il-vulnerabbiltà tan-nisa u t-tfal fil-kamp, bħall-persekuzzjoni bbażata fuq is-sess u l-ġeneru, il-vjolenza fuq in-nisa, l-abbuż u sfruttament sesswali, il-faqar estrem u l-esklużjoni;

12.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Somali għall-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur, fosthom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; jenfasizza l-fatt li, madankollu, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tas-sigurtà f'ħafna partijiet mis-Somalja għadhom estremament diffiċli għal rimpatriju fuq skala kbira; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali biex jiżdiedu l-isforzi għall-istabbiltà fil-pajjiż qabel ma jsir rimpatriju fuq skala kbira;

13.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex iwettqu l-impenji lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel sabiex tiġi evitata l-karestija imminenti, biex titrawwem is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi fil-komunitajiet, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tkun megħjuna t-tlestija tar-reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul;

14.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jaraw b'mod partikolari li gruppi ta' nies vulnerabbli jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jgħinu biex jinbnew infrastrutturi fil-pajjiż kollu biex ir-rifuġjati rimpatrijati jkunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid b'mod sikur u permanenti fis-soċjetà Somala, ħielsa mit-theddid minn elementi terroristiċi bħal Al-Shabaab;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa bħala ambjent ideali għan-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni, armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u mal-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba bl-għan li jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

16.  Jirrikonoxxi li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA jeħtieġ li jkunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; ifakkar li fondi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom jintużaw esklussivament għal għanijiet tal-iżvilupp li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

17.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet ospitanti milquta fir-reġjun ta' Dadaab fil-Kenja, b'attenzjoni lill-ħajjiet tan-nies sabiex ma jiġux milquta negattivament bit-tnaqqis gradwali ta' Dadaab u s-servizzi pubbliċi pprovduti fil-belt, u x-xokk ekonomiku li dan jaf jikkawża għall-popolazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-popolazzjoni ospitata f'Dadaab poġġiet pressjoni ambjentali kbira fuq ir-reġjun, li laqtet l-aċċess tal-popolazzjoni lokali għar-riżorsi naturali; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata konġuntament mill-Gvern Kenjan u permezz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Kenja; jistenna li l-Gvern Kenjan u l-UE jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan ir-reġjun fraġli;

18.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern tal-Istati Uniti li jnaqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-aġenziji tan-NU b'USD 640 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt dirett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq ir-reġjun; jinsisti li l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-UE lill-fondi u lill-aġenziji tan-NU, li jammontaw għal nofs il-baġit totali tagħhom, huma kruċjali għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà dinjija;

19.  Jenfasizza li l-insuffiċjenza fil-baġit ta' aġenziji tan-NU bħalma hija l-UNHCR, li jipprovdu protezzjoni, kenn u assistenza umanitarja f'ċirkostanzi diffiċli u kumplessi, se tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-isfidi tas-sigurtà fir-reġjun;

20.  Jinnota bi tħassib kbir l-effetti serji tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjun, li jservu ta' tfakkira qawwija lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati t-termini tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi nnotat l-effett dirett li għandhom dawn l-azzjonijiet fuq il-gwerra u l-karestija fir-reġjun;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-Gvernatur tar-reġjun ta' Garissa, lill-Ispeaker tal-parlament tal-Kenja, lill-Gvern tas-Somalja, l-Ispeaker tal-parlament tas-Somalja, lill-IGAD, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-IGAD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.