Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0358/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0358/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar is-Sudan t'Isfel

17.5.2017 - (2017/2683(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
EFDD (B8-0358/2017)
ECR (B8-0359/2017)
Verts/ALE (B8-0360/2017)
S&D (B8-0362/2017)
GUE/NGL (B8-0364/2017)
PPE (B8-0367/2017)
ALDE (B8-0370/2017)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, David McAllister, Deirdre Clune, Mariya Gabriel, Pavel Svoboda, Jarosław Wałęsa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Tunne Kelam, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Dubravka Šuica, Maurice Ponga, Sven Schulze, Stanislav Polčák, Michaela Šojdrová, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Claude Rolin, Ivan Štefanec, Eva Maydell, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Patricija Šulin, Brian Hayes, Luděk Niedermayer, Elisabetta Gardini, Željana Zovko, Roberta Metsola, Michael Gahler, Laima Liucija Andrikienė, Ivana Maletić, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Julia Pitera, Anna Záborská, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Inese Vaidere, Mairead McGuinness, Giovanni La Via f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Jytte Guteland f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Notis Marias, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Ivo Vajgl, María Teresa Giménez Barbat f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Merja Kyllönen f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jordi Solé, Bodil Valero, Bart Staes, Igor Šoltes, Ernest Urtasun, Davor Škrlec, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi, Laura Ferrara, Laura Agea, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel


Proċedura : 2017/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0358/2017
Testi mressqa :
RC-B8-0358/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan t'Isfel

(2017/2683(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2017 maħruġa mit-Trojka (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u n-Norveġja) u l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2017 maħruġa mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-13 ta' April 2017 tal-Panel ta' Esperti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-25 ta' Marzu 2017 tat-30 Summit straordinarju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li saret mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2017 maħruġa mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-1 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2327 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sudan t'Isfel tat-12 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport umanitarju tad-9 ta' Mejju 2017 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-IGAD dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) tas-17 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sudan t'Isfel ilu involut fi gwerra ċivili għal aktar minn tliet snin, li faqqgħet wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li kien ippjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li għamel attentat ta' kolp ta' stat;

B.  billi, minkejja l-iffirmar tal-ARCSS f'Awwissu 2015, għad hemm nuqqas totali ta' kunsiderazzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u għad-dritt umanitarju u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal ksur u abbużi li jitwettqu waqt il-kunflitti;

C.  billi l-pajjiż qed jiffaċċja karestija u kollass ekonomiku minħabba l-gwerra ċivili, fejn aktar minn 3.6 miljun ruħ kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u madwar 4.9 miljun ruħ qed jgħixu f'insikurezza tal-ikel; billi l-ħtiġijiet umanitarji komplew jiżdiedu għal livelli allarmanti, fejn huwa stmat li madwar 7.5 miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u aktar minn miljun ruħ bħalissa qed jirċievu kenn f'binjiet tan-NU; billi l-aġenziji tan-NU saħħew l-appell tagħhom għall-għajnuna umanitarja, billi qalu li għandhom bżonn ta' mill-inqas USD 1.4 biljun biex jgħinu ħalli jittaffew il-livelli "inkonċepibbli" ta' tbatija; billi 14 % biss ta' din is-sejħa ġew iffinanzjati s'issa;

D.  billi, bir-rati attwali, sa tmiem l-2017 nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż se jkunu mietu jew ġew spostati; billi mhuwiex magħruf kemm nies ġew maqtula minħabba l-vjolenza;

E.  billi, skont l-aħħar rapport tal-panel ta' esperti tan-NU, il-Gvern tas-Sudan t'Isfel instab li huwa wieħed mill-akbar atturi li jwettqu l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, filwaqt li l-karestija qed tiġi kkunsidrata bħala “magħmula mill-bniedem” u l-fatt li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel qed itajjar il-flus fuq l-armi qed jiġi meqjus bħala waħda mill-kawżi ewlenin;

F.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat offensivi kbar tal-gvern f'Yuai, Waat, Tonga u Kodok irriżultaw f'konsegwenzi umanitarji traġiċi, inkluż l-ispostament ta' bejn 50 000 u 100 000 individwu; billi dan qed iseħħ wara l-qtil ta' għadd kbir ta' persuni ċivili fit-8 ta' April 2017 fil-belt ta' Wau fil-Punent tal-pajjiż bħala att ta' kastig kollettiv fuq bażi ta' etniċità u ta' fehmiet politiċi; billi l-forzi tal-gvern qed ikomplu jimmiraw għal persuni ċivili, bi ksur tal-liġi dwar il-kunflitt armat, u mblukkaw lill-missjoni tan-NU milli tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

G.  billi l-isptarijiet u l-kliniki ġew meqruda mill-gvern, att li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; billi t-tagħmir mill-isptarijiet u mill-kliniki ġie misruq, fatt li wassal għall-għeluq ta' bini u biex in-nies ma setgħux jirċievu kura medika li ssalva l-ħajja;

H.  billi kważi waħda minn kull tliet skejjel fis-Sudan t'Isfel ġiet meqruda, iddanneġġjata, okkupata jew magħluqa, b'impatt fuq l-edukazzjoni ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal; billi aktar minn 600 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin huma stmati li huma nieqsa min-nutrizzjoni b'mod akut;

I.  billi madwar żewġ miljun tifel u tifla ħarbu mill-pajjiż, li jikkostitwixxu 62 % tar-rifuġjat li telqu mis-Sudan t'Isfel, fejn il-kunflitt ikkawżalhom trawma, stress u taqlib emozzjonali insopportabbli; billi huwa stmat li 17 000 tifel u tifla, l-aktar subien, ġew irreklutati jew użati bħala suldati minn forzi u gruppi armati fil-pajjiż; billi eluf ta' tfal inqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;

J.  billi n-nisa u l-bniet jiġu sistematikament stuprati u maħtufa bħala arma tal-gwerra, fejn stħarriġ tan-NU sab li 70 % tan-nisa li jgħixu fil-kampijiet għall-persuni spostati internament f'Juba kienu ġew stuprati, fil-maġġoranza vasta tagħhom mill-pulizija jew mis-suldati;

K.  billi minħabba l-instabilità fil-pajjiżi ġirien, is-Sudan t'Isfel qed jospita wkoll madwar 270 000 rifuġjat mis-Sudan, mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), mill-Etjopja u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA);

L.  billi f'Ġunju 2016, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikkjarat tifqigħa tal-kolera, li diġà affettwat eluf u kien rappurtat li kompliet tinxtered f'dawn l-aħħar ġimgħat; billi bosta mwiet mill-kolera, il-malarja, il-ħosba, id-dijarea u mard respiratorju akut huma r-riżultat ta' faqar estrem u kundizzjonijiet ta' għajxien kundannabbli, u ħafna mwiet setgħu jiġu evitati sempliċement kieku dawk il-persuni kellhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

M.  billi l-ARCSS jistipula li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali (TGNU) jenħtieġ li jintemm wara l-elezzjonijiet ta' Awwissu 2018;

N.  billi, skont rapporti tan-NU u rapporti kredibbli oħra, sensara bbażati fi Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi ittrasferixxew ħelikopters u machine guns lill-fazzjonijiet armati fis-Sudan t'Isfel u pprovdew assistenza loġistika militari; billi n-natura mtawla tal-kunflitt ippermettiet il-ħolqien ta' gruppi armati ġodda u l-militarizzazzjoni tas-soċjetà;

O.  billi l-għadd ta' attakki kontra konvoys u persunal umanitarji huwa estremament inkwetanti; billi mill-inqas 79 ħaddiem li jagħtu l-għajnuna nqatlu minn Diċembru 2013 'l hawn; billi, reċentement, f'Marzu 2017, sitt ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u s-sewwieqa tagħhom inqatlu f'dak li kien l-agħar attakk kontra l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja s'issa;

P.  billi fil-21 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' għajnuna ta' emerġenza b'valur ta' EUR 82 miljun wara li faqqgħet il-karestija; billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi lill-pajjiż, u tipprovdi aktar minn 40 % tal-finanzjament umanitarju kollu biex jappoġġa programmi biex jiġu salvati l-ħajjiet fl-2016 u madwar EUR 381 miljun f'għajnuna umanitarja mill-bidu tal-kunflitt fl-2013;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-kunflitt kontinwu fis-Sudan t'Isfel; jitlob li jintemmu minnufih l-operazzjonijiet militari kollha u għal darb' oħra jfakkar lill-President Salva Kiir, kif ukoll lill-eks Viċi President, Rick Machar, fl-obbligi tagħhom taħt l-ARCSS; jistieden lill-President Kiir jimplimenta minnufih l-impenn tiegħu għal waqfien mill-ġlied unilaterali kif mgħoddi lill-kapijiet ta' stat tal-IGAD fil-25 ta' Marzu 2017;

2.  Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat u komplet mill-partijiet kollha għall-kunflitt armat tal-atti kollha ta' vjolenza sesswali kontra persuni ċivili, speċjalment kontra n-nisa u l-bniet; ifakkar li l-istupru bħala arma tal-gwerra jikkostitwixxi reat tal-gwerra punibbli taħt il-liġi internazzjonali; jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel joffri protezzjoni lill-gruppi vulnerabbli kollha, iressaq lill-atturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jtemm l-impunità fost il-pulizija u l-armata;

3.  Jikkundanna l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna umanitarja, billi jżid jgħid li l-attakki kontra dawn tal-aħħar ixekklu l-għajnuna u l-provvisti li jsalvaw il-ħajjiet; jenfasizza li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel irid jiżgura li jkun hemm waqfien mill-ġlied sinifikanti li juri impenn ġenwin lejn il-paċi u l-istabilità; jemmen li l-obbligu tal-paċi għandu jmur lil hinn minn sempliċi waqfien mill-ostilitajiet u għandu jinkludi l-irtirar tat-truppi, ix-xoljiment tal-milizzji etniċi, u l-permess mingħajr xkiel ta' għajnuna umanitarja u r-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż kollu, li qed tkompli tmur għall-agħar; jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja sabiex itaffu l-karestija, u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex jiżgura li r-rotot tal-provvista tal-għajnuna umanitarja jibqgħu miftuħa;

5.  Jiddeplora r-reklutaġġ tat-tfal fil-kunflitt armat min-naħat kollha fis-Sudan t'Isfel; jenfasizza li r-reklutaġġ tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt huwa delitt tal-gwerra, li għalih il-kmandanti għandhom jinżammu kriminalment responsabbli; iwissi li ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ tinsab fil-periklu li tesperjenza trawma qawwija, taqlib emozzjonali sever u li ma tirċievi l-ebda edukazzjoni; jitlob li l-programmazzjoni umanitarja u ta' żvilupp tal-UE tgħin fil-provvediment tal-edukazzjoni bażika u r-rijabilitazzjoni fit-tul u l-għoti ta' pariri; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' faċilitajiet edukattivi għal operazzjonijiet militari;

6.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jinvolvu n-NU, l-Unjoni Afrikana (UA) u l-IGAD fil-varar ta' proċess politiku ġdid biex jinkisbu waqfien mill-ġlied dejjiemi u l-implimentazzjoni sħiħa tal-kapitoli dwar is-sigurtà u l-governanza tal-ftehim ta' paċi;

7.  Iqis li l-UA, appoġġata mill-UE u l-Istati Membri tagħha, għandu jkollha rwol attiv fil-medjazzjoni ta' soluzzjoni politika biex tinkiseb paċi dejjiema fis-Sudan t'Isfel, inkluż billi tiddedika aktar riżorsi lill-mibgħut tal-UA fis-Sudan t'Isfel, Alpha Oumar Konare; jappoġġa t-talbiet li tiġi organizzata konferenza internazzjonali mill-Kummissjoni tal-UA, bil-parteċipazzjoni tan-NU u l-IGAD, bl-għan li jiġu magħquda u rikonċiljati l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra fis-Sudan t'Isfel;

8.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Sudan t'Isfel u l-mandat tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tagħha, li għandhom il-kompitu li jipproteġu lill-persuni ċivili u jiskoraġġixxu l-vjolenza kontrihom, u li joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twassil ta' għajnuna umanitarja; jistieden lill-partiti kollha jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu ta' Forza ta' Protezzjoni Reġjonali attiva bil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tissaħħaħ il-preżenza attiva tal-UNMISS, u jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ isaħħu b'mod urġenti u sinifikanti l-UNMISS b'kapaċitajiet Ewropej;

9.  Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħtieġa li tiġi stabbilita qorti ibrida għas-Sudan t'Isfel, li jinvolvi l-adozzjoni ta' statuti legali mill-UA u assistenza b'riżorsi min-NU u l-UE; ifakkar li din tikkostitwixxi parti mill-ftehim ta' paċi tal-2016 u għalhekk ma għandhiex tkun miftuħa għal negozjar mill-ġdid;

10.  Jinsisti li, sabiex ikun sinifikattiv u inklużiv, il-proċess ta' djalogu nazzjonali għandu jissodisfa kriterji ta' referenza ċari, inklużi t-tmexxija newtrali u l-inklużjoni tal-gruppi tal-oppożizzjoni u taċ-ċittadini tas-Sudan t'Isfel li jgħixu barra minn pajjiżhom, u li għandu wkoll jinkludi rappreżentanti mill-partijiet kollha għall-kunflitt u partijiet ikkonċernati oħra mis-Sudan t'Isfel, inklużi rappreżentanti tan-nisa, biex ikun leġittimu u effettiv;

11.  Jikkundanna t-tentattivi kollha biex tiġi limitata l-libertà tal-espressjoni, li hija dritt bażiku tal-bniedem u parti minn dibattitu politiku ġenwin; jiddeplora l-qtil ta' ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, u jitlob li min wettaq dawn id-delitti jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha;

12.  Jikkundanna l-attakki kollha fuq il-binjiet edukattivi u pubbliċi u l-użu ta' skejjel għal skopijiet militari; jistieden lill-partijiet jirrispettaw il-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat;

13. Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Diċembru 2016 li kienet timponi embargo fuq l-armi fuq is-Sudan t'Isfel u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq tliet mexxejja għolja tas-Sudan t'Isfel; jitlob lill-UE taħdem għal embargo internazzjonali fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel, u li dan jiġi infurzat b'mod effettiv; jinsab allarmat b'rapporti ta' trasferimenti ta' armi lejn is-Sudan t'Isfel, bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP, iffaċilitat minn sensara li huma bbażati fi Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli jinfurzaw il-konformità mar-reġim ta' kontroll tal-armamenti tal-UE u jieħdu passi formali kontra kwalunkwe pajjiż terz li jkun intwera li jesporta armi u assistenza militari lis-Sudan t'Isfel;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li kwalunkwe rimpatriju jew rilokazzjoni ta' persuni spostati internament jitwettaq b'mod sikur u dinjituż; jitlob l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra kwalunkwe figura militari jew politika ewlenija tal-gvern jew tal-oppożizzjoni li tipperpetwa l-kunflitt jew twettaq abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħala parti minn strateġija tal-UE biex jiġi żgurat it-twassil tal-għajnuna umanitarja, il-preservazzjoni ta' waqfien mill-ġlied u t-twettiq ta' proċess politiku mġedded biex jiġi implimentat il-ftehim ta' paċi;

15.  Jemmen li, minħabba kunflitt rikorrenti, l-insikurezza u l-ispostament tal-massa, ma jistgħux isiru elezzjonijiet kredibbli u paċifiċi fl-ambjent politiku attwali; ifakkar li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali jibqa' validu sa Ġunju 2018; jenfasizza l-importanza li n-nisa tas-Sudan t'Isfel jingħataw rwol sħiħ fit-taħdidiet ta' paċi u fl-iggvernar tal-pajjiż; jitlob lill-UE tappoġġa lin-nisa fil-livell tal-komunità, li jagħmlu differenza li titkejjel fil-kwalità tan-negozjati tal-paċi billi jreġġgħu lura l-mewġa ta' suspett u jibnu l-fiduċja u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.