Proċedura : 2017/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0407/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0407/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0273

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 442kWORD 55k
14.6.2017
PE605.520v01-00}
PE605.521v01-00}
PE605.522v01-00}
PE605.523v01-00}
PE605.524v01-00}
PE605.525v01-00}
PE605.526v01-00} RC1
 
B8-0407/2017}
B8-0408/2017}
B8-0409/2017}
B8-0410/2017}
B8-0411/2017}
B8-0412/2017}
B8-0413/2017} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0407/2017)

EFDD (B8-0408/2017)

ALDE (B8-0409/2017)

GUE/NGL (B8-0410/2017)

S&D (B8-0411/2017)

PPE (B8-0412/2017)

Verts/ALE (B8-0413/2017)


dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2017/2727(RSP))


Cristian Dan Preda, Laima Liucija Andrikienė, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Sandra Kalniete, David McAllister f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Arne Gericke, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Gérard Deprez, María Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Ángela Vallina, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Marie-Christine Vergiat, Kostas Chrysogonos, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2017/2727(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016(1) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen u tad-9 ta' Lulju 2015(2) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk fil-Jemen u tad-19 ta' Ottubru 2016 dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen li saret fil-25 ta' April 2017 f'Ġinevra,

–  wara li kkunsidra t-talba mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali, Idriss Jazairy, tat-12 ta' April 2017, biex jitneħħa l-imblokk navali fuq il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk faħxi fuq funeral fil-Jemen, tal-10 ta' Frar 2017 dwar il-persuni ċivili fil-Jemen maqbuda bejn il-partijiet fil-kunflitt, u tal-24 ta' Marzu 2017 dwar aktar minn 100 persuna ċivili maqtula f'xahar, inklużi sajjieda u rifuġjati, hekk kif il-kunflitt fil-Jemen għalaq sentejn;

–  wara li kkunsudra d-dikjarazzjonijiet tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, tal-21 ta' Ottubru u d-19 ta' Novembru 2016 u tat-30 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen hija katastrofika; billi, fi Frar 2017, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) iddikjarat li s-sitwazzjoni fil-Jemen kienet saret "l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja"; billi, minn Mejju 2017, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) iddikjara li 17-il miljun ruħ fil-Jemen kienu jeħtieġu assistenza tal-ikel, filwaqt li 7 miljun ruħ fosthom kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' "emerġenza tas-sigurtà tal-ikel"; billi hemm 2,2 miljun tifel u tifla jsofru nuqqas ta' ikel akut u gravi, u billi tifel jew tifla jmutu kull għaxar minuti minħabba kawżi prevenibbli; billi hemm 2 miljun ruħ li sfaw spustati internament u miljun ruħ li ġew rimpatrijati;

B.  billi l-konsegwenzi tal-kunflitt li għaddej huwa devastanti għall-pajjiż u għall-popolazzjoni tiegħu; billi, minkejja l-appelli internazzjonali għal soluzzjoni politika għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt ma rnexxilhomx jilħqu qbil u l-ġlied għadu għaddej; billi l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u billi mhuwiex probabbli li xi naħa waħda tagħmel dan fil-ġejjieni;

C.  billi, minn Marzu 2015, madwar 10 000 ruħ inqatlu u aktar minn 40 000 ruħ indarbu fil-vjolenza, skont in-NU; billi l-ġlied, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru, għamilha impossibbli għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) li jibgħat osservaturi biex jidħlu fiż-żona ħalli jivverifikaw l-għadd ta' persuni ċivili midruba u maqtula, b'tali mod li dawn iċ-ċifri jirriflettu biss l-għadd ta' persuni maqtula u midruba li l-OHCHR irnexxielu jikkorrobora u jikkonferma; billi l-infrastruttura u l-istituzzjonijiet ċivili tal-Jemen intlaqtu ħażin ħafna mill-gwerra u kulma jmur qed isiru anqas fil-qagħda li jipprovdu servizzi bażiċi; billi s-sistema tas-saħħa tinsab f'xifer il-kollass u ħaddiema mediċi vitali l-aktar esposti ilhom ma jitħallsu x-xhur;

D.  billi l-Jemen qed iġarrab it-tieni mewġa ta' tfaqqigħa ta' kolera u dijarea maħlula akuta (AWD), li wasslet għal aktar minn 100 000 każ suspettat ta' kolera u qatlet kważi 800 ruħ bejn is-27 ta' April u t-8 ta' Ġunju 2017 madwar il-pajjiż;

E.  billi l-gruppi vulnerabbli, in-nisa u t-tfal huma partikolarment milquta mill-ġlied li għaddej u mill-kriżi umanitarja, u billi s-sikurezza u l-benessri tan-nisa u tat-tfajliet huwa preokkupazzjoni partikolari; billi t-tfal b'mod partikolari huma vulnerabbli għaż-żieda tal-vjolenza fil-Jemen, b'1 540 tifel u tifla maqtula u 2 450 midruba, kif iddokumentat min-NU;

F.  billi, minħabba l-vjolenza, aktar minn 350 000 tifel u tifla ma setgħux jissoktaw l-edukazzjoni tagħhom fis-sena skolastika li għaddiet, biex b'hekk l-għadd ta' tfal li mhumiex qed jattendu l-iskola fil-Jemen laħaq aktar minn 2 miljuni, skont il-UNICEF; billi t-tfal li ma jattendux l-iskola huma f'riskju li jiġu rreklutati biex jiġġieldu;

G.  billi kważi 90 % tal-ikel bażiku fil-pajjiż jiġi importat; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali enfasizza li l-imblokk mill-ajru u mill-baħar impost fuq il-Jemen mill-forzi tal-koalizzjoni sa minn Marzu 2015 hu fost il-kawżi prinċipali ta' din il-katastrofi umanitarja, hekk kif il-vjolenza fil-pajjiż u l-iskarsezzi mifruxa tal-fjuwil ħarbtu n-netwerks interni tad-distribuzzjoni tal-ikel;

H.  billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

I.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-grupp Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) irnexxielu japprofitta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fil-Jemen, hekk li firex il-preżenza tiegħu u kabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tiegħu; billi l-AQAP u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS)/Da'esh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi, li qatlu mijiet ta' persuni;

J.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016, il-Parlament appella għal inizjattiva intiża biex timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

K.  billi forzi sew tal-Houthi u sew tal-alleati t-tnejn li huma ġew akkużati li wettqu vjolazzjonijiet gravi tal-liġijiet tal-gwerra billi firxu mini antipersuna projbiti, immaltrattaw lil persuni detenuti u għamlu attakki indiskriminati bil-missili fuq żoni popolati fil-Jemen u fin-Nofsinhar tal-Arabja Sawdija;

L.  billi l-ammont totali tal-finanzjament umanitarju tal-UE lill-Jemen għall-2015 u l-2016 laħaq is-somma ta' EUR 120 miljun; billi l-ammont allokat ta' għajnuna fl-2017 huwa ta' EUR 46 miljun; billi minkejja l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, ta' April 2017 – li matulha bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet wiegħdu donazzjonijiet għall-valur ta' USD 1,1 biljun – sad-9 ta' Mejju 2017, id-donaturi kienu taw biss 28 % mill-USD 2,1 biljun f'għajnuna umanitarja mitluba min-NU għall-Jemen għall-2017; bili huwa mistenni li s-somma addizzjonali ta' EUR 70 miljun tiġi mmobilizzata fl-2017 bħala għajnuna għall-iżvilupp;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaraterizzata minn nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, attakki indiskriminati kontra persuni ċivili u ħaddiema mediċi u tal-għajnuna, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika, il-kontinwazzjoni ta' attakki mill-ajru, ġlied fuq l-art u bumbardameni tal-artillerija, minkejja appelli ripetuti għal tiġdid tal-waqfien mill-ġlied;

2.  Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għas-sofferenza ta' dawk li sfaw maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaħdmu għal waqfien immedjat mill-ġlied u jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Jemen;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-kontinwazzjoni tal-attakki mill-ajru u l-ġlied fuq l-art wasslu għal eluf ta' mwiet ta' persuni ċivili, għal spostamenti u għat-telf ta' mezzi tal-għajxien li jkomplu jipperikolaw aktar ħajjiet, komplew jiddestabilizzaw lill-Jemen, qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, ħolqu instabbiltà li sfruttawha organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Da'esh u l-AQAP, u aggravaw sitwazzjoni umanitarja li diġà kienet kritika;

4.  Jikkundanna bl-akbar qawwa kull attakk terroristiku u kull vjolenza kontra persuni ċivili, inklużi bumbardamenti, l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi, rokits, bumbardamenti bl-artillerija, sparar minn tiraturi u attakki bil-missili, u l-użu rrappurtat ta' mini antipersuna kif ukoll l-attakki li jikkawżaw il-qerda ta' infrastruttura ċivili, inklużi skejjel, faċilitajiet mediċi, żoni residenzjali, swieq, sistemi tal-ilma, portijiet u ajruporti;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u l-AQAP, li qed jisfruttaw l-instabbiltà attwali; ifakkar li l-atti kollha ta' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom u jitwettqu meta, fejn u minn min jitwettqu; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni deċiża kontra dawn il-gruppi li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw theddida gravi għal soluzzjoni nnegozjata u għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu;

6.  Itenni l-appell tiegħu lin-naħat kollha u lis-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u joqogħdu lura milli jimmiraw direttament lejn l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; ifakkar li l-mira deliberata fuq il-persuni ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, tammonta għal vjolazzjoni serja tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel provvediment għall-prosekuzzjoni kriminali internazzjonali tal-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali mwettqa fil-Jemen; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-appell mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al-Hussein, għat-twaqqif ta' korp internazzjonali indipendenti li jagħmel investigazzjoni komprensiva dwar id-delitti mwettqa fil-kunflitt fil-Jemen; jenfasizza li biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, huwa indispensabbli li l-perpetraturi tal-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom;

7.  Ifakkar li ma ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati inklussiv u mmexxi mill-Jemeniti, li jkun jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati u bil-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tan-nisa, u li jwassal għal soluzzjoni politika inklussiva; itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiffaċilitaw l-issoktar tan-negozjati, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirreaġixxu b'mod kostruttiv għal dawn l-isforzi u bla ma jiffissaw prekundizzjonijiet għalihom; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħalma huma passi immedjati lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli, mekkaniżmu għall-irtirar tal-forzi taħt il-monitoraġġ tan-NU, il-faċilitazzjoni ta' aċċess umanitarju u kummerċjali u l-ħelsien ta' priġunieri politiċi, hija essenzjali biex tiffaċilita r-ritorn għar-rotta politika;

8.  Iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-Iran jaħdmu biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali, u jfittxu li jaħdmu flimkien biex itemmu l-ġlied fil-Jemen;

9.  Jappoġġja l-appell tal-UE lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa kollha ħalli jipprevjenu u jirrispondu għall-forom kollha ta' vjolenza, inklużi l-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal u jinsab imħasseb dwar l-aċċess limitat tat-tfal għal kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni, anki bażiċi; jikkundanna r-reklutaġġ tat-tfal suldati u l-użu tagħhom fil-ġlied; jitlob li l-UE u l-komunità internazzjonali jappoġġjaw ir-riabilitazzjoni u reintegrazzjoni tat-tfal demobilizzati fil-komunità;

10.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu biex iwarrbu l-ostakoli loġistiċi u finanzjarji kollha li jaffettwaw l-importazzjoni u t-tqassim ta' provvisti ta' ikel u mediċini lill-persuni ċivili fil-bżonn; iħeġġeġ lill-partijiet, b'mod partikolari, jiżguraw il-funzjonament sħiħ u effettiv tal-punti ta' dħul tal-kummerċ maġġuri, bħalma huma l-portijiet ta' Hodeida u Aden; jisħaq fuq l-importanza tagħhom bħala punti vitali għall-appoġġ umanitarju u għad-dħul ta' provvisti essenzjali; jitlob li l-ajruport ta' Sana'a jerġa' jinfetaħ għat-titjiriet kummerċjali biex mediċini u prodotti bażiċi meħtieġa b'mod urġenti jkunu jistgħu jaslu bl-ajru u l-Jemeniti li jkollhom bżonn trattament mediku jkunu jistgħu jittieħdu barra mill-pajjiż bl-ajru;

11.  Jitlob li l-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016;

12.  Jenfasizza li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali jiġu abilitati u li tinbena l-kapaċità tagħhom għall-provvista tas-servizzi, kif ukoll li d-dijaspora Jemenita u l-NGOs internazzjonali jiġu involuti fl-appoġġ ta' setturi ta' servizzi kritiċi; jissottolinja, b'mod partikolari, il-bżonn urġenti li l-UE u atturi internazzjonali oħra jindirizzaw it-tifqigħa tal-kolera u jappoġġjaw is-sistema tas-saħħa biex ma jħalluhiex tikkrolla, inkluż billi jiffaċilitaw il-provvisti u l-ħlas tas-salarji għall-ħaddiema mediċi l-aktar esposti u li huma ta' importanza kritika għar-rispons umanitarju;

13.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jintensifikaw l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fil-pajjiż kollu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jiżdiedu u jimmobilizzaw l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp biex tiffinanzja proġetti f'setturi kruċjali; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU biex ittaffi t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; ikompli jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jwettqu l-impenji li għamlu fil-konferenza tad-donaturi biex jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji;

14.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tipproponi b'urġenza strateġija integrata tal-UE għall-Jemen u ġġedded l-isforzi favur inizjattiva ta' paċi għall-Jemen taħt l-awspiċji tan-NU; jitlob, f'dan ir-rigward, li jinħatar rappreżentant speċjali tal-UE għall-Jemen;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0066.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

Avviż legali - Politika tal-privatezza