Proċedura : 2017/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0419/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0419/2017

Dibattiti :

PV 15/06/2017 - 4.2
CRE 15/06/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0268

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 434kWORD 54k
14.6.2017
PE605.532v01-00}
PE605.534v01-00}
PE605.535v01-00}
PE605.536v01-00}
PE605.542v01-00} RC1
 
B8-0419/2017}
B8-0421/2017}
B8-0422/2017}
B8-0423/2017}
B8-0429/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0419/2017)

Verts/ALE (B8-0421/2017)

S&D (B8-0422/2017)

ALDE (B8-0423/2017)

PPE (B8-0429)


dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt (2017/2723(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Andrzej Grzyb, Mairead McGuinness, Brian Hayes, Lefteris Christoforou, József Nagy, Marijana Petir, Ivan Štefanec, Milan Zver, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Patricija Šulin, Krzysztof Hetman, Jarosław Wałęsa, Željana Zovko, Sven Schulze, Tomáš Zdechovský, Ivana Maletić, Claude Rolin, Romana Tomc, László Tőkés, Bogdan Brunon Wenta, Eduard Kukan, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Giovanni La Via, Elisabetta Gardini, Michaela Šojdrová, Jiří Pospíšil, Jaromír Štětina, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Metsola, Deirdre Clune, Stanislav Polčák, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Jeroen Lenaers, Andrey Kovatchev, Inese Vaidere, Julia Pitera f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Arne Gericke, Branislav Škripek, Notis Marias, Ruža Tomašić, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Jozo Radoš, Ilhan Kyuchyuk, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Ramon Tremosa i Balcells, Cecilia Wikström, Nedzhmi Ali, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Bodil Valero, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-piena tal-mewt  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin bejn l-UE u l-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Pjan Indikattiv Pluriennali (MIP) UE-Pakistan 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-kelliem tagħha dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Pakistan hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Piena tal-Mewt, u l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Pakistan kellu moratorju fuq il-piena tal-mewt fis-seħħ sal-2015, iżda reġa' introduċiha wara l-massakru fl-iskola pubblika tal-armata f'Peshawar f'Diċembru 2014; billi t-tneħħija tal-moratorju inizjalment kienet biss għal attivitajiet terroristiċi, iżda sussegwentement ġiet estiża għar-reati kapitali kollha;

B.  billi l-Pakistan illum il-ġurnata għandu waħda mill-ikbar popolazzjonijiet fid-dinja ta' priġunieri kkundannati għall-mewt; billi ġew rappurtati każijiet ta' persuni ġġustizzjati waqt li l-mekkaniżmi ta' appell kienu għadhom għaddejjin;

C.  billi l-"liġi tal-blasfemija" tal-Pakistan (Taqsima 295-C tal-Kodiċi Penali) iġġorr magħha sentenza tal-mewt mandatorja; billi attwalment mijiet ta' nies qed jistennew li jiġu proċessati mill-qrati, u għadd ta' individwi qed jistennew li jiġu ġġustizzjati fuq akkużi ta' "blasfemija"; billi l-liġi hi meqjusa li fiha definizzjonijiet vagi li jagħtu lok għal abbuż kontra dissidenti politiċi jew biex tiġi msikkta kwalunkwe kritika leġittima fil-konfront tal-istituzzjonijiet u entitajiet oħra tal-istat;

D.  billi f'Marzu 2017, il-Prim Ministru ordna projbizzjoni fuq kwalunkwe materjal "blasfem" online, u l-awtoritajiet tal-Pakistan talbu l-kumpaniji tal-midja soċjali biex jgħinuhom jidentifikaw ċittadini Pakistani ssuspettati li wettqu "blasfemija"; billi fl-14 ta' April 2017, Mashal Khan, student fl-Università Abdul Wali Khan, inqatel minn ġemgħa ta' studenti oħra wara li ġie akkużat li ppubblika materjal "blasfem" online; billi fl-10 ta' Ġunju 2017, qorti ta' kontra t-terroriżmu fil-Pakistan ikkundannat lil Taimoor Raza għall-mewt talli allegatament wettaq att ta' "blasfemija" fuq Facebook; billi l-attivista Baba Jan u 12-il dimostant oħra ngħataw sentenzi ta' ħabs għal għomorhom, l-aktar sentenza ħarxa li qatt ingħatat lil persuni li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet;

E.  billi l-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan għaddiet riżoluzzjoni fit-18 ta' April 2017, li kkundannat il-qtil ta' Mashan Khan minn ġemgħa vjolenti fuq allegazzjonijiet ta' "blasfemija"; billi s-Senat iddibatta riformi biex jitrażżan l-abbuż;

F.  billi l-qrati militari ġew awtorizzati għal sentejn, filwaqt li l-ġudikatura ċivili suppost kellha tiġi msaħħa; billi ftit sar progress fl-iżvilupp tal-ġudikatura, u fit-22 ta' Marzu 2017, il-qrati militari b'mod kontroversjali reġgħu ġew introdotti wara perjodu ieħor ta' sentejn;

G.  billi ġew innotati diversi episodji fejn fil-Pakistan, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti politiċi u membri ta' minoranzi jew gruppi reliġjużi bħall-Ahmadiyya esperjenzaw intimidazzjoni, attakki, priġunerija, tortura, fastidju u saħansitra qtil; billi informazzjoni miġbura mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju u mill-NGOs żvelat li l-għajbien furzat qed isir mill-awtoritajiet tas-sigurtà u tal-infurzar tal-liġi, inkluż il-pulizija u l-aġenziji tal-intelligence; billi lanqas awtur wieħed ma ġie proċessat b'suċċess mill-qrati;

H.  billi ċ-ċittadin Indjan Kulbhushan Jadhav instab ħati minn qorti militari f'April 2017 u ġie kkundannat għall-mewt; billi l-każ bħalissa jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali minħabba li ġie miċħud lilu d-dritt ta' aċċess konsolari; billi fl-4 ta' Mejju 2017, tifel ta' 10 snin inqatel u ħames persuni oħra ndarbu f'attakk minn ġemgħa nies fuq għassa tal-pulizija f'Balochistan, attakk li hu maħsub li kien immotivat minn allegazzjonijiet ta' "blasfemija"; billi fit-30 ta' Mejju 2017, l-allegat stupru ta' adolexxenti (li fil-midja lokali ssemmiet biss bl-isem ta' "Shumaila") minn membru tal-familja tagħha f'Rajanpur wassal biex il-vittma ġiet ikkundannata għall-mewt minn qorti tribali; billi dawn il-każijiet mhumiex avvenimenti iżolati;

I.  billi r-repressjoni tal-NGOs qed tkompli għaddejja; billi, bl-iskuża tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali kontra t-terroriżmu, il-membri ta' diversi NGOs ġew intimidati u ffastidjati, waqt li l-uffiċċji ta' wħud minnhom ġew magħluqa;

J.  billi 12-il miljun mara m'għandhomx karta tal-identità nazzjonali, u għaldaqstant m'għandhomx id-dritt li jirreġistraw biex jivvotaw fl-elezzjonijiet; billi diversi missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE għamlu rakkomandazzjoni għal titjib fil-proċess elettorali għall-elezzjonijiet li ġejjin, li huma skedati għall-2018;

K.  billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP + fl-1 ta' Jannar 2014; billi din l-iskema jenħtieġ tipprovdi inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tal-ħaddiema, l-ambjent u l-prinċipji tal-governanza tajba;

L.  billi l-UE għadha impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-impenn tagħha mal-Pakistan taħt il-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin u s-sostitut tiegħu;

1.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jitlob li jkun hemm abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jesprimi tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-Pakistan li jneħħi l-moratorju, waqt li l-iġġustizzjar issa qed ikompli b'rata allarmanti; jistieden lill-Pakistan jerġa' jdaħħal il-moratorju, bl-objettiv aktar fit-tul ta' abolizzjoni totali tal-piena tal-mewt;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti tal-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan wara proċessi mhux għalkollox korretti, l-eżekuzzjoni ta' persuni minorenni u persuni b'disturbi mentali, u allegazzjonijiet ta' tortura; jistieden lill-gvern jallinja d-dispożizzjonijiet dwar il-piena tal-mewt fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt u l-istandards internazzjonali, inkluż waqfien tal-iġġustizzjar għal kwalunkwe reat għajr il-qtil intenzjonat, projbizzjoni fuq l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni u ta' persuni b'disturbi mentali, u moratorju fuq it-twettiq ta' eżekuzzjonijiet meta l-appelli jkunu għadhom pendenti;

3.  Jiddeplora r-rigress tal-Pakistan fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-binedem u l-istat tad-dritt, u b'mod partikolari ż-żieda fil-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju u l-intimidazzjoni u l-użu tal-forza kontra l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs u persuni li jikkritikaw il-gvern; ifakkar l-obbligi tal-gvern tal-Pakistan li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jilqa' l-adozzjoni mill-Pakistan ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob li dan jissarraf fi progress tanġibbli; iwissi f'dan ir-rigward li l-UE tkun estremament imħassba jekk l-attivisti se jkomplu jkunu l-vittmi ta' tali prattiki, u jekk mhux se jkun innotat progress;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-libertà wiesgħa ta' operazzjoni li jgawdu l-forzi tas-sigurtà, u jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura skrutinju aqwa tal-azzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjoni fil-pront u imparzjali tal-każijiet ta' qtil fil-kustodja u qtil mill-forzi tas-sigurtà, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' tortura, u biex jipproċessaw quddiem il-qrati lill-awturi ta' tortura u ta' qtil extraġudizzjarju;

5.  Jiddeplora l-użu ta' qrati militari fil-Pakistan, li jagħmlu s-seduti b'mod sigriet u għandhom ġurisdizzjoni fuq persuni ċivili; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Pakistan jagħtu aċċess lill-osservaturi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-użu tal-qrati militari; jitlob ukoll li ssir tranżizzjoni immedjata u trasparenti lejn qrati ċivili indipendenti, skont l-istandards internazzjonali tal-proċedimenti ġudizzjarji; jenfasizza li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jitressqu quddiem il-qrati jridu jingħataw aċċess għas-servizzi u l-protezzjoni konsulari;

6.  Jinsab imħasseb ferm dwar l-użu kontinwat tal-"liġi tal-blasfemija", u jemmen li din qed iżżid il-klima ta' intolleranza reliġjuża; jinnota s-sejbiet tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li individwi akkużati bi "blasfemija" 'isofru tbatija bla proporzjon u li ma tistax tissewwa' fl-assenza ta' salvagwardji adegwati kontra l-applikazzjoni ħażina jew l-użu ħażin ta' dawn il-liġijiet; jistieden għaldaqstant lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevoka t-Taqsimiet 295-A, 295-B u 295-C tal-Kodiċi Penali, u biex jistabbilixxi salvagwardji proċedurali u istituzzjonali effettivi għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta' akkużi ta' "blasfemija"; jistieden ukoll lill-gvern biex jieħu pożizzjoni aktar soda ta' kundanna ta' atti ta' viġilantiżmu kontra persuni li allegatament iwettqu "blasfemija", u jħeġġu biex ma jużax ir-retorika tal-"blasfemija";

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni urġenti ħalli jipproteġi l-ħajjiet u d-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-talba magħmula mill-awtoritajiet tal-Pakistan lil Twitter u lil Facebook biex jiżvelaw informazzjoni dwar l-utenti tagħhom sabiex jidentifikaw lill-individwi suspettati bi "blasfemija"; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan jemendaw l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Reati Elettroniċi tal-2016 u jneħħu d-dispożizzjonijiet b'firxa wiesgħa żżejjed għall-monitoraġġ u ż-żamma tad-data u għall-għeluq ta' siti web abbażi ta' kriterji vagi; jitlob ukoll li s-sentenzi tal-mewt kollha mogħtija għal akkużi ta' "blasfemija" jew oppożizzjoni politika jiġu mibdula, inkluża s-sentenza mogħtija lill-Taimoor Raza; jistieden f'dan il-kuntest lill-President tal-Pakistan biex jagħmel użu mis-setgħa tiegħu ta' klemenza;

8.  Jinnota l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Impenn ta' Ħames Snin UE-Pakistan, iżda jesprimi t-tama li l-Pjan ta' Impenn Strateġiku li għandu jiġi finalizzat fl-2017 ikun ambizzjuż u jgħin biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-UE u l-Pakistan;

9.  Ifakkar li l-għoti ta' status GSP+ huwa kondizzjonali u li l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali hi rekwiżit essenzjali taħt din l-iskema; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jagħmel sforzi qawwija biex jimplimenta s-27 konvenzjoni ewlenin u juri progress;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-Pakistan waqt id-Djalogu regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza