MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja
14.6.2017 - (2017/2724(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8-0424/2017)
Verts/ALE (B8-0425/2017)
S&D (B8-0426/2017)
ALDE (B8-0428/2017)
GUE/NGL (B8-0430/2017)
PPE (B8-0431/2017)
Cristian Dan Preda, Esther de Lange, Jeroen Lenaers, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Mairead McGuinness, Brian Hayes, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Ivan Štefanec, József Nagy, Milan Zver, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Krzysztof Hetman, Sven Schulze, Tomáš Zdechovský, Ivana Maletić, Claude Rolin, Romana Tomc, László Tőkés, Bogdan Brunon Wenta, Eduard Kukan, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Giovanni La Via, Jaromír Štětina, Jiří Pospíšil, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Metsola, Deirdre Clune, Stanislav Polčák, Andrey Kovatchev, Julia Pitera f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Ramon Tremosa i Balcells, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Stelios Kouloglou, Helmut Scholz, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Bodil Valero, Ernest Urtasun, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Igor Šoltes, Maria Heubuch, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indoneżja, b'mod partikolari dik tad-19 ta' Jannar 2017[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Indoneżja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014, u l-istqarrija konġunta għall-istampa tad-29 ta' Novembru 2016 wara l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Indoneżja skont il-FSK,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-9 ta' Mejju 2017 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà ta' espressjoni,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem – Kumpilazzjoni dwar l-Indoneżja, tas-17 ta' Frar 2017, u l-Eżami Perjodiku Universali (It-Tielet Ċiklu) u s-Sommarju tas-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-Indoneżja, tal-20 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2016 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-eżekuzzjonjiet ippjanati fl-Indoneżja,
– wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja tat-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali UE-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ġie rratifikat mill-Indoneżja fl-2006,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1987,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Indoneżja hija n-nazzjon bir-raba' l-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż b'maġġoranza Musulmana, u soċjetà diversa magħmula minn 255 miljun ċittadin ta' etniċitajiet, lingwi u kulturi differenti;
B. billi l-Indoneżja hija sieħba importanti tal-UE; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, li hija membru tal-G20, huma qawwija; billi l-UE u l-Indoneżja jikkondividu l-istess valuri f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u d-demokrazija;
C. billi fl-2016 kien hemm għadd bla preċedent ta' attakki verbali vjolenti, diskriminatorji u vessatorji u dikjarazzjonijiet vitrijoliċi kontra persuni LGBTI fl-Indoneżja; billi ġie rrapportat li tali attakki ġew imkebbsa, direttament jew indirettament, minn uffiċjali tal-gvern, istituzzjonijiet tal-istat u estremisti; billi, barra minn hekk, in-natura ta' tali attakki ggravat fl-2017;
D. billi fil-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh, iggvernata mill-liġi tax-Xarija, atti sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess u relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ huma kriminalizzati u jġorru piena ta' massimu ta' 100 daqqa u 100 xahar ħabs; billi, f'Mejju 2017, żewġt irġiel żgħażagħ ikkundannati għal relazzjonijiet sesswali bejn persuni tal-istess sess ġew ikkundannati għal 85 daqqa ta' qasba; billi d-dritt li persuna ma tiġix ittorturata huwa dritt fundamentali u inaljenabbli;
E. billi fil-bqija tal-Indoneżja l-omosesswalità mhijiex illegali; billi l-komunità LGBTI, madankollu, ġiet assedjata fis-snin riċenti;
F. billi ġew arrestati 141 raġel għal "ksur tal-liġijiet tal-pornografija" f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017;
G. billi, sa minn Jannar 2016, il-Qorti Kostituzzjonali fl-Indoneżja qed tirrieżamina petizzjoni mmirata biex tikkriminalizza atti sesswali gay u barra miż-żwieġ;
H. billi hemm intolleranza li qed tikber lejn il-minoranzi reliġjużi fl-Indoneżja, u dan sar possibbli permezz ta' liġijiet u regolamenti diskriminatorji, inkluża liġi dwar il-blasfemja li tirrikonoxxi uffiċjalment sitt reliġjonijiet biss; billi sa Ġunju 2017, bosta persuni kienu nstabu ħatja u ntbagħtu l-ħabs taħt il-liġijiet dwar il-blasfemja;
I. billi f'Jannar 2017 il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (Komisi Nasional Hak Asaki Manusia) sabet li xi provinċji, bħall-Java tal-Punent, iġarrbu ħafna aktar intolleranza reliġjuża minn oħrajn, u li l-uffiċjali reġjonali governattivi huma ta' sikwit responsabbli jew għat-tolleranza jew għall-perpetrazzjoni diretta tal-abbużi;
J. billi hemm tħassib serju dwar l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti; billi jenħtieġ li l-ġurnalisti jkollhom aċċess għall-pajjiż kollu;
K. billi, skont il-Human Rights Watch, bejn l-2010 u l-2015, 49 % tal-bniet tal-età ta' 14-il sena jew iżgħar kienu vittmi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;
L. billi l-awtoritajiet qatlu lil erba' persuni li nstabu ħatja għal traffikar tad-drogi f'Lulju 2016 u indikaw li 10 priġunieri ikkundannati għall-mewt se jiġu maqtula fl-2017;
1. Japprezza r-relazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Indoneżja, u jtenni l-importanza ta' rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali qawwija u fit-tul bejn iż-żewġ partijiet; jenfasizza l-importanza tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Indoneżja, li jippermetti skambju miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li huma wkoll il-bażi tal-FSK;
2. Jitlob kuntatti aktar b'saħħithom bejn l-UE u l-Indoneżja li permezz tagħhom kwistjonijiet differenti ta' interess reċiproku, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, jistgħu jiġu diskussi b'mod kostruttiv; jistieden lill-parlament Indoneżjan isaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet interparlamentari;
3. Jilqa' l-involviment attiv tal-Indoneżja f'livelli reġjonali u multilaterali; jenfasizza li l-Indoneżja riċentement ġiet eżaminata fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) waqt il-laqgħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Mejju 2017; jissottolinja li, bħal f'ċikli preċedenti, l-Indoneżja ssottomettiet ruħha għal dan l-eżami fuq bażi volontarja;
4. Jistieden lill-awtoritajiet tal-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh sabiex jipprevjenu persekuzzjoni ulterjuri ta' persuni omosesswali u jiddekriminalizzaw l-omosesswalità billi jemendaw il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku tagħha; jikkundanna bil-qawwi s-swat b'qasba ta' żewġt irġiel omosesswali tal-etajiet ta' 20 u 23 sena f'Aceh fit-22 ta' Mejju 2017, li kienet l-ewwel darba li l-awtoritajiet f'Aceh sawwtu persuni b'qasba minħabba prattiki omosesswali; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li l-omosesswalità hija illegali skont il-Kodiċi Kriminali Iżlamiku ta' Aceh, li hu bbażat fuq il-liġi tax-Xarija; jenfasizza li l-kastig taż-żewġt irġiel huwa trattament krudili, inuman u degradanti li jista' jammonta għal tortura skont id-dritt internazzjonali; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet biex immedjatament jitterminaw is-swat fil-pubbliku;
5. Huwa wkoll imħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-komunità LGBTI Indoneżjana barra mill-provinċja awtonoma speċjali ta' Aceh; jikkundanna bil-qawwi l-fatt li, minkejja li l-omosesswalità mhijiex delitt skont il-Kodiċi Kriminali tal-Indoneżja, 141 raġel ġew arrestati f'rejd tal-pulizija f'gay club f'Jakarta fil-21 ta' Mejju 2017; iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-uffiċjali tal-gvern joqgħodu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li huma diskriminatorji kontra persuni LGBTI jew minoranzi oħra fil-pajjiż; jenfasizza li l-pulizija għandhom id-dmir li jinfurzaw il-liġi u li jipproteġu lill-minoranzi vulnerabbli u li ma jippersegwitawhomx;
6. Jiċħad l-affermazzjoni tal-Assoċjazzjoni Psikjatrika Indoneżjana li l-omosesswalità u t-"transġeneriżmu" huma kundizzjonijiet ta' saħħa mentali; jistieden lill-awtoritajiet itemmu d-detenzjoni bil-forza ta' individwi LGBTI u wkoll biex itemmu l-forom kollha ta' "trattament" li jippretendi li "jikkurahom" mill-omosesswalità, il-bisesswalità, jew l-identità transġenera, u li jinfurzaw rigorożament il-projbizzjoni;
7. Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-President Widodo tad-19 ta' Ottubru 2016 li tikkundanna d-diskriminazzjoni tal-persuni LGBTI; jistieden lill-President Widodo juża l-pożizzjoni ewlenija tiegħu biex jikkundanna pubblikament l-intolleranza u d-delitti li jitwettqu kontra persuni LGBTI, il-minoranzi, in-nisa u l-organizzazzjonijiet jew assemblej fil-pajjiż;
8. Jitlob li ssir reviżjoni tal-liġi dwar il-blasfemja peress li tqiegħed lill-minoranzi reliġjużi f'riskju; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tan-NU biex jiġu revokati l-Artikoli 156 u 156(a) tal-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Abbuż u d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon, l-Att dwar it-Tranżazzjonijiet u d-Data Elettroniċi u biex jiġu abbandunati l-imputazzjonijiet imressqa kontra dawk akkużati bi blasfemja u l-prosekuzzjonijiet tagħhom;
9. Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-intolleranza lejn il-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali fl-Indoneżja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jkomplu wkoll isaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-tolleranza reliġjuża u d-diversità soċjali; jikkundanna bil-qawwi l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni kontra l-minoranzi; jitlob li dawk kollha li jwettqu tali ksur jinżammu responsabbli;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ksur serju tal-libertà tal-midja; iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jinsisti li l-aġenziji statali jadottaw politika ta' tolleranza żero lejn l-abbuż fiżiku tal-ġurnalisti u jagħti aċċess miftuħ għall-pajjiż lill-midja barranija;
11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrevokaw id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirrestrinġu indebitament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jirrieżaminaw il-liġijiet kollha u jiżguraw il-konformità tagħhom mal-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, speċifikament dawk dwar il-libertà ta' espressjoni, ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-libertà mid-diskriminazzjoni, u d-dritt għal espressjoni u għaqda pubblika;
12. Huwa mħasseb dwar rapporti ta' vjolenza persistenti kontra n-nisa u prattiki ta' ħsara għan-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jistieden lill-awtoritajiet tal-Indoneżja jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-vjolenza kontra n-nisa, jippenalizzaw il-forom kollha ta' vjolenza sesswali, jilleġiżlaw għall-eliminazzjoni tal-inugwaljanza bejn is-sessi u jemanċipaw lin-nisa;
13. Jilqa' s-sospensjoni ta' eżekuzzjonijiet ta' persuni kkundannati għall-mewt misjuba ħatja ta' traffikar ta' drogi sakemm isir rieżami tal-kawża tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Indoneżja jkompli jwaqqaf l-eżekuzzjonijiet kollha bħal dawn u jipproċessahom mill-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali; jitlob li jitreġġa' minnufih moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt;
14. Jistieden lill-Gvern Indoneżjan jissodisfa l-obbligi tiegħu u jirrispetta, jipproteġi u jħares id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fl-ICCPR;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2017)0002.