Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0434/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0434/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 11
CRE 04/07/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.9
CRE 05/07/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 591kWORD 61k
4.7.2017
PE605.552v01-00}
PE605.553v01-00}
PE605.574v01-00} RC1
 
B8-0434/2017}
B8-0435/2017}
B8-0450/2017} RC1

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-0434/2017)

ALDE (B8-0435/2017)

ECR (B8-0450/2017


dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))


József Szájer f'isem il-Grupp PPE
Anthea McIntyre f'isem il-Grupp ECR
Sophia in ‘t Veld f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u li tiddefendi" (COM(2016)0710) u l-Annessi 1 sa 5 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali (FII) bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-24 ta' Lulju 2014 tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem "Cutting Red Tape in Europe – Legacy and Outlook" (L-Eliminazzjoni tal-Burokrazija fl-Ewropa – Wirt u Perspettiva",

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tat-13 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prijoritajiet politiċi u r-riżorsi finanzjarji għandhom jikkorrispondu;

B.  billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

C.  billi l-UE trid tkun impenjata lejn l-irkupru tal-kompetittività, quddiem kompetizzjoni globali ħarxa, u b'hekk tippreżerva l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq u tiżgura tkabbir sostenibbli, b'livelli mtejba ta' produttività u innovazzjoni, bl-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss ta' ċittadini żgħażagħ tipprovdilhom impjiegi minflok dejn;

D.  billi l-aħjar appoġġ ekonomiku u soċjali li l-Istati Membri jistgħu joffru liċ-ċittadini tagħhom biex jiżguraw kwalità ta' ħajja mtejba huwa ekonomija li qed tikber b'inflazzjoni baxxa u rati għolja ta' impjieg u ż-żieda fil-pagi, li jiġġeneraw ir-riżorsi meħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment għall-futur, infrastruttura u servizzi pubbliċi mtejba;

E.  billi l-UE qed tħabbat wiċċha ma' forom varji u kumplessi ta' theddid li qed joħolqu instabbiltà, u dan qed iwassal għal sentiment ta' nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej;

F.  billi l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrispetta t-Trattati u tinforza l-liġijiet tal-UE; jinnota b'dispjaċir qawwi li kemm l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u l-infurzar tal-liġijiet tal-UE u r-regoli huma dgħajfa, kif huwa ċar f'diversi oqsma; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jeħtieġ li tqiegħed l-implimentazzjoni u l-infurzar bħala prijorità ewlenija;

PARTI 1

1.  Jinnota li l-kriżijiet attwali, inklużi l-konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u migratorji, wasslu għal aktar nuqqas ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini Ewropej, li qed jesprimuh permezz ta' żieda fl-estremiżmu; jenfasizza li sfidi sinifikanti jeħtieġu rispons konġunt mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; jemmen li biex jiġu trattati dawn il-kriżijiet jenħtieġu inizjattivi ta' politika serji, u li għandhom jitwettqu riformi realistiċi li jġibu lura l-fiduċja u l-kunfidenza u li jiġġieldu kontra l-isfruttament ta' din l-ansjetà biex jkomplu jkebbsu l-biża' u l-insigurtà; jenfasizza li l-kampanji politiċi demagoġiċi u mhux realistiċi joffru tama faza fuq il-perjodu qasir ta' żmien, iżda joħolqu konsegwenzi ta' ħsara li jwasslu għal aktar diviżjonijiet, instabbiltà u kunflitti madwar l-Ewropa;

2.  Jissottolinja l-importanza għall-UE li tħares' il barra u li żżomm u tiżviluppa rabtiet ekonomiċi, kummerċjali u strateġiċi mal-ġirien qrib tagħha; jemmen li jenħtieġ qafas ċar fil-futur, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-UE ma' dawk li mhumiex Membri fil-viċinat tagħha;

3.  Iqis li ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva hija pedament tas-soċjetà Ewropea, li fuqha nbnew il-politiki Ewropej għall-benefiċċju dirett taċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum tagħhom; jappoġġa l-inizjattivi li jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina l-azzjonijiet ta' prijorità ewlenin immirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-UE billi jagħmluha possibbli li kumpaniji jikkompetu fis-swieq domestiċi u globali u jsaħħu l-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' negozji, b'attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jemmen li l-modernizzazzjoni industrijali Ewropea trid tkun wiesgħa u għandha tinkludi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi, teknoloġiji u mudelli ta' negozju li huma bbażati fuq l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni konvertiti fi prodotti, servizzi u proċessi mtejba għas-suq;

5.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' approċċ komprensiv biex jiġu realizzati l-benefiċċji u jiġu indirizzati d-dgħjufijiet li fadal tal-munita unika, filwaqt li jiġu żgurati s-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u t-twettiq tal-UEM u l-kisba tal-għanijiet tat-tkabbir u l-livell massimu ta' impjiegi; iqis li l-iżvilupp ulterjuri tal-UEM għandu jkun ibbażat fuq u jibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha, u għandu jinkludi miżuri li jagħmlu l-istruttura istituzzjonali aktar leġittima u demokratikament responsabbli;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma fuq it-tlestija ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali sabiex tinkoraġixxi l-investiment fl-UE biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jtejbu l-ambjent tan-negozju fl-UE sabiex jiġi attirat aktar investiment barrani dirett u r-ritorn tal-impjiegi;

7.  Jenfasizza li politika Ewropea ta' suċċess dwar il-migrazzjoni teħtieġ mekkaniżmu miftiehemgħal distribuzzjoni ġusta u effikaċi ta' dawk li jfittxu asil; Jenfasizza l-importanza tal-progress fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni b'mod li juri ħafna aktar sensittività għat-tħassib mifrux fl-Istati Membri dwar il-migrazzjoni bla kontroll; jilqa' l-kisbiet riċenti fit-tisħiħ tal-ġestjoni u l-kontroll effikaċi tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, li huma prerekwiżit għall-Istati Membri biex jerġgħu jiksbu livell kritiku ta' fiduċja reċiproka;

8.  Jisħaq li l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni għandha titjieb sabiex tikkontribwixxi biex jinstabu tweġibiet kredibbli għal theddid u sfidi ġodda għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kisba tal-paċi, l-istabbiltà u l-ordni fil-viċinat tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) ikomplu jaħdmy flimkien mal-Istati Membri fl-iżvilupp ta' politiki u metodi ta' kooperazzjoni prattiċi biex jinkisbu dawn l-objettivi;

9.  Jissottolinja li l-kummerċ ħieles tejjeb b'mod sinifikanti l-livell ta' għajxien u naqqas il-faqar fl-UE u madwar id-dinja, filwaqt li ħoloq tkabbir ekonomiku u impjiegi u saħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-pajjiżi terzi; iqis li l-UE trid tkompli tiġġieled kontra t-tendenzi protezzjonisti madwar id-dinja kollha, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tressaq 'il quddiem u tiffinalizza malajr kemm in-negozjati pjanati kif ukoll dawk li għaddejjin u tesplora kontinwament possibbiltajiet għal ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi, b'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħrajn, dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-futur tal-Unjoni;

11.  Jenfasizza li l-Ewropa se tkompli tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u li l-UE tibqa' impenjata biex sħiħ favur l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrimarka li politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem hi kruċjali għall-immodernizzar tal-industrija u tal-ekonomija Ewropea;

12.  Jenfasizza l-importanza li jitwassal valur għall-flus minfuqa u tiġi segwita politika ta' tolleranza żero f'każijiet ta' ġestjoni ħażina u frodi;

13.  Jenfasizza li l-UE għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni miftiehma jew adottata u għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-infurzar tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha; jisħaq l-importanza tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi li jrawmu l-innovazzjoni, il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment mill-parteċipanti kollha fis-suq uniku u fil-mudelli kollha tan-negozju, inklużi l-SMEs;

14.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-liġi amministrattiva tal-UE li tiggarantixxi amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti, u biex tikkunsidra l-proposta tal-Parlament għal regolament tal-UE f'dan ir-rigward;

PARTI 2

1. Iż-żgħażagħ u t-tagħlim tul il-ħajja

15.  Jistieden lill-Kummissjoni:

–  tinvesti fl-appoġġ tal-Istati Membri, f'sistemi edukattivi inklużivi u effikaċi;

–  tiżgura li l-komunità esperta u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ġenituri, jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet ta' politika ta' żvilupp;

–  tiżgura fondi tal-Erasmus+ adegwati, li jwettqu l-għanijiet tal-programm, u li dawn jintużaw għall-għan ewlieni tal-programm (il-mobbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-isport);

–  tappoġġa lill-Istati Membri, l-ewwel u qabel kollox dwar l-azzjonijiet edukattivi għall-etajiet u l-gruppi okkupazzjonali kollha; tinvesti f'qafas ta' tagħlim tul il-ħajja, b'enfasi partikolari dwar il-ħiliet u kompetenzi diġitali u intraprenditorjali, kif ukoll dwar il-litteriżmu fil-midja, inklużi programmi speċifiċi mfassla ntiżi b'mod partikolari biex jinkoraġġixxu n-nisa;

–  tanalizza s-swieq tax-xogħol biex tiddetermina bilanċ tajjeb bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni universitarja, biex b'hekk titjieb ir-rabta bejn il-provvista u t-talba fis-suq tax-xogħol;

–  trawwem l-intraprenditorija u tkompli tiżviluppa u tappoġġa l-ambjent legali t-tajjeb għall-SMEs skont il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir";

–  tressaq rakkomandazzjonijiet u proposti dwar kif jinżammu ħaddiema avvanzati fl-età fil-forza tax-xogħol għal perjodu itwal ta' żmien, u b'hekk jiġi mħeġġeġ ukoll it-trasferiment tal-esperjenza għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u jitrawwem il-mentoraġġ fuq il-post tax-xogħol;

–  tieħu iktar miżuri, flimkien mal-Istati Membri, sabiex jittejbu l-attraenza u l-valur tal-ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (suġġetti STEM), u jħeġġu aktar nisa u bniet biex jibdew u jsegwu suġġetti STEM, u minnhom, l-ICT, b'mod partikolari jista' jiftaħ possibbiltajiet ġodda għalihom;

16.  Iqis li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) hija essenzjali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għadu ogħli b'mod inaċċettabbli fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura biżżejjed fondi biex tikkumbatti l-qgħad fost iż-żgħażagħ u titkompla l-YEI, filwaqt li fl-istess ħin jitjieb il-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha u b'kont meħud tar-rapport speċjal tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 5/2017;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati, bħala mezz biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u biex ittejjeb l-aċċess għal opportunitajiet ta' impjieg;

2. It-tkabbir blu u ekonomija ċirkolari

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar:

–  għal tkabbir blu bħala appoġġ għal-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u marittimi kollha kemm huma;

–  il-mili tal-vojt li jirriżulta min-nuqqas ta' pjanijiet pluriennali skont il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida biex jiġu ġestiti l-istokkijiet importanti kollha u s-sajd fl-ilmijiet tal-UE;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex immedjatament tantiċipa l-inizjattivi elenkati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, u biex regolarment timmonitorja l-progress lejn l-ekonomija ċirkolari;

3. Il-qafas finanzjarju wara l-2020

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-programmi kollha tal-UE tilħaq ir-ritmu sas-sena d-dieħla, sabiex tikkumpensa għad-dewmien sinifikanti osservat fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-implikazzjonijiet ta' dan id-dewmien fuq possibbiltà ta' akkumulazzjoni ta' talbiet għal pagamenti lejn tmiem dan il-QFP; iqis li għandu jsir kull sforz sabiex tiġi evitata kriżi oħra ta' pagament, inkluż meta tintlaħaq deċiżjoni dwar livell adegwat ta' pagamenti f'baġits annwali li ġejjin;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi tagħha dwar il-QFP ta' wara l-2020 sa mhux aktar tard minn Ġunju 2018, sabiex tippermetti li jiġu mnedija immedjatament negozjati interistituzzjonali sostanzjali; tistabbilixxi bħala objettiv il-konklużjoni b'suċċess ta' dawn in-negozjati sa tmiem il-leġiżlatura attwali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP futur, li se jiġi adottat qabel il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata bidu għal djalogu strutturat dwar il-livell kumplessiv, il-prijoritajiet politiċi u baġitarji, l-arkitettura u d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-QFP futur, inkluż l-ilħuq ta' pożizzjoni dwar id-durata tal-qafas finanzjarju; iqis li l-QFP li jmiss irid jiżviluppa pjan direzzjonali lejn baġit modern tal-UE; jemmen li l-Kummissjoni jenħtiġilha tagħmel rieżami komprensiv tal-infiq bħala parti mit-tħejjija tagħha;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq pjanijiet dettaljati sabiex jiġi indirizzat tħassib dwar in-naħa tad-dħul futur tal-baġit u r-riżorsi proprji; jenfasizza li l-Kummissjoni jenħtiġilha tressaq dawk il-proposti leġiżlattivi flimkien mal-proposti dwar il-QFP ta' wara l-2020, sabiex ikun possibbli li jsiru negozjati konġunti dwar iż-żewġ punti; jissottolinja li l-Parlament se jadotta l-pożizzjoni tiegħu qabel il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi, u jitlob lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta:

–  proposti għal regolamenti għall-politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020, bħala konsegwenza tal-preżentazzjoni li ġejja tal-QFP li jmiss, kemm jista' jkun kmieni fl-2018;

–  rieżami komprensiv tar-regolament finanzjarju u tal-leġiżlazzjoni settorjali relatata, inkluż ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni attwalment fis-seħħ ("Omnibus"), inklużi dispożizzjonijiet għas-simplifikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u l-ikkumbinar imtejjeb tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mal-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku, għal adozzjoni fil-bidu tal-2018;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-White Paper, biex tiċċara l-ambizzjonijiet tagħha għall-Programm Qafas (FP9), kmieni biżżejjed fl-2018 sabiex il-Parlament ifassal pożizzjoni dwar dak il-programm u anke dwar Galileo, Copernicus u COSME, b'tali mod li l-miżuri kollha jkunu jistgħu jkunu operazzjonali mill-2021 'il quddiem; jistenna li l-proposta għall-FP9 tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 (H2020) u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Parlament;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka applikata, b'mod partikolari riċerka li twassal għal għarfien, ħiliet u prattiki aħjar, sabiex jiġi żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda jintużaw bl-aħjar mod possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tibbilanċja aħjar il-bżonnijiet ta' riċerka u żvilupp fundamentali, applikati u translazzjonali, biex tiġi żgurata t-trasformazzjoni effiċjenti u rapida ta' skoperti ġodda f'teknoloġiji u prodotti reali;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn is-simplifikazzjoni filwaqt li timminimizza l-ostakoli għall-parteċipazzjoni u tiżgura l-ogħla gwadann – kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul – għall-partijiet kollha tal-programm, u biex taħdem lejn proposta ambizzjuża għall-Programm ta' Qafas il-ġdid; jenfasizza li t-tisħiħ tas-sinerġiji eżistenti bil-Fondi ESI huwa meħtieġ biex jiġu żviluppati l-opportunitajiet tal-innovazzjoni fi ħdan l-UE;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas tal-prestazzjoni, u jqis li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa sistema mtejba ta' kontroll baġitarju li tkun proporzjonata mal-benefiċċji miksuba permezz tal-finanzjament tal-UE; iqis li jenħtieġ li parti integrali ta' din is-sistema tkun ir-rappurtar tagħha, li għandu jkun trasparenti u ddettaljat biżżejjed, inkluż ir-rappurtar ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE u jekk il-pagamenti jkunux saru fil-ħin; jemmen li l-prestazzjoni, il-kosteffikaċja u r-riżultati miksuba permezz ta' finanzjament mill-UE dejjem jenħtieġ li jiġu skrutinizzati sabiex jiġu żgurati l-effetti sostenibbli fit-tul tan-nefqa tal-UE; jitlob li jitħejjew proposti għar-riforma tal-Qorti tal-Awdituri sabiex tissaħħaħ il-funzjoni tagħha ta' awditjar tal-prestazzjoni sabiex isservi ta' awtorità ta' awditjar kif ukoll ta' evalwazzjoni;

4. Strateġija għal Suq Uniku Diġitali

29.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien ta' xi proposti leġiżlattivi li jinsabu fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali; iqis li jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE ma jitilfux ir-ritmu tal-istrateġija u għandhom jiddedikaw kull sforz possibbli biex jitwasslu u jiġu adottati l-proposti rilevanti; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet, fiż-żmien tar-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha, biex jintrabtu fl-ogħla livell biex jagħtuhom trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati tagħhom;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex:

  –  tagħmel progress dwar it-twettiq tas-suq uniku diġitali u wkoll dwar ambjent li jappoġġa l-SMEs;

  –  tippreżenta proposti biex tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tal-moviment liberu tad-data u biex tneħħi r-restrizzjonijiet ta' lokalizzazzjoni tad-data fl-UE kollha;

  –  tappoġġa aktar id-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport Ewropew, permezz ta' inizjattivi bħal C-ITS u E-CRM u sistemi diġitali oħrajn;

  –  tressaq l-inizjattivi ppjanati tagħha dwar iċ-ċibersigurtà, anke b'rispett għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA); inizjattivi simili jenħtieġ li jimmiraw li jżidu ċ-ċibersigurtà għall-industrija u finijiet ċivili oħra u jenħtieġ li jinkludu rimedji effettivi;

  –  tidentifika b'urġenza, flimkien mal-Istati Membri, il-kawżi sistemiċi tad-distakk diġitali li qed jikber bejn is-sessi, u tieħu azzjoni fil-livell globali sabiex ittemm l-esklużjoni diġitali tan-nisa;

5. Strateġija tal-Unjoni tal-Enerġija

31.  Jitlob li l-Kummissjoni, wara l-adozzjoni ta' diversi proposti leġiżlattivi dwar l-Unjoni tal-Enerġija, l-effiċjenza enerġetika, it-tfassil tas-suq, l-enerġija rinnovabbli u proposti leġiżlattivi u komunikazzjonijiet oħra relatati mal-enerġija, tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq li tiżgura li l-Istati Membri dawn jimplimentawhom bis-sħiħ, bl-għan li tinħoloq Unjoni tal-Enerġija ġenwina;

32.  Jistenna li l-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni mill-qrib dwar il-proċeduri leġiżlattivi kontinwi u ta' importanza għolja fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, inkluż tul l-istadju ta' trilogu, sabiex tkun żgurata l-finalizzazzjoni b'suċċess tan-negozjati malajr kemm jista' jkun fl-2018;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-konsegwenzi ekonomiċi tad-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li x'aktarx se jbati spejjeż għolja għat-tranżizzjoni tal-enerġija;

6. Strateġija għas-Suq Uniku

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex:

  –  flimkien mal-Istati Membri, ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluż it-tneħħija tal-ostakoli regolatorji u amministrattivi eżistenti fis-settur tas-servizzi, u ukoll biex ittemm is-sovraregolamentazzjoni;

  –  tinforza l-leġiżlazzjoni eżistenti, billi, l-ewwel u qabel kollox, tapplika r-regoli fis-seħħ, biex b'hekk tiżgura ambjent ekwu li jagħmilha possibbli biex jinsiltu l-benefiċċji kollha tas-suq uniku;

35.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx widen għat-talbiet ripetuti biex jinħoloq pilastru sod tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew, b'sistema ta' monitoraġġ u identifikazzjoni regolari tal-ostakli speċifiċi għal kull pajjiż fir-rigward tas-suq uniku;

36.  Iqis dawn li ġejjin bħala prijoritajiet politiċi:

  –  l-iżvilupp tal-potenzjal tal-industriji tal-kultura u l-kreattività abbażi ta' politika koerenti tal-UE, li tirrikonoxxi li dawn prinċipalment jikkonsistu f'mikrointrapriżi u f'SMEs u li huma fatturi ewlenin għal tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità;

  –  it-titjib u l-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet li jiffaċilitaw it-turiżmu kulturali, bil-parteċipazzjoni sħiħa tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali;

  –  il-proposta għal rieżami tal-IPRED (Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) sa tmiem is-sena;

  –  ir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, li reġa' ġie postpost, u jiddeplora l-fatt li ż-żmien limitu stipulat fid-Direttiva (UE) 2015/79 tad-29 ta' April 2015(2) ġiet injorata u jfakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn ta' azzjoni ċara u deċiżiva fir-rigward ta' din ir-reviżjoni u tas-sikurezza stradali b'mod ġenerali;

  –  segwitu f'waqtu, bi proposti konkreti, dwar is-sejbiet u s-suġġerimenti li għandhom jiddaħħlu fir-rapport strateġiku fuq inizjattiva proprja li jmiss dwar il-frodi tal-odometri, u jfakkar li din tittratta tħassib ewlieni taċ-ċittadini Ewropej u filwaqt li jitqies li diġà jeżistu mudelli li jaħdmu tajjeb f'xi Stati Membri;

7. Is-Saħħa

37.  Jenfasizza kemm hu urġenti u importanti li tittieħed azzjoni kontra t-theddida tar-reżistenza antimikrobika (AMR), billi din jista' jkollu impatt enormi fuq is-saħħa u l-produttività taċ-ċittadini kif ukoll fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq inizjattiva għal pjan ta' azzjoni tal-UE dwar kif għandu jiġi implimentat fl-Unjoni l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar ir-Reżistenza Antimikrobika; jitlob ukoll li l-Kummissjoni tqawwi l-miżuri li diġà ġew applikati fil-Pjan ta' Azzjoni attwali kontra r-reżistenza antimikrobika u tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tiegħu mill-partijiet rilevanti kollha;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex:

  –   tressaq proposta leġiżlattiva dwar fuljetti ta' tagħrif għal prodotti farmaċewtiċi, bil-għan li dawn isiru aktar ċari u aktar faċli li jinftiehmu mill-pazjent ("drug fact box" - tabella mediċinali informattiva);

  –   tirrevedi b'urġenza d-Direttiva 2004/23/KE tal-31 ta' Marzu 2004 dwar standards ta' kwalità u sigurtà għal donazzjonijiet ta' tessuti u ċelloli umani(3) (id-Direttiva dwar it-Tessuti u ċ-Ċelloli), sabiex din tiġi allinjata mal-prinċipju ta' donazzjoni mingħajr ħlas u mar-Regolament Nru. 1394/2007 tat-13 ta' Novembru 2007 dwar prodotti mediċinali terapewtiċi avvanzati (ir-Regolament dwar Terapiji Avvanzati)(4), li barra minn hekk, għandu jsir applikabbli għall-SMEs;

8. Is-sajd u l-agrikoltura

39.  Jenfasizza r-rwol importanti li s-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-forestrija sostenibbli jaqdu fl-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel fl-UE, fil-provvista ta' postijiet tax-xogħol u fit-titjib tal-istandards ambjentali, u anke jenfasizza l-potenzjal li għandha l-agrikoltura Ewropea biex tikkontribwixxi għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima permezz tal-innovazzjoni u l-adozzjoni ta' politiki li jsaħħu l-potenzjal tal-agrikoltura Ewropea rigward is-sekwestru tal-karbonju;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fuq ftehimiet bilaterali dwar is-sajd ma' pajjiżi lil hinn mill-UE, li qegħdin jersqu lejn id-data ta' skadenza tagħhom;

41.  Itenni li, bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha u xierqa tal-Politika Komuni tas-Sajd adottata fl-2013, il-Kummissjoni għandha tkompli tressaq proposti leġiżlattivi għall-adozzjoni ta' pjanijiet imġedda ta' ġestjoni pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni biex:

  –   tiżgura li l-PKS u l-obbligu tal-ħatt l-art jiġu implimentati b'mod korrett;

  –   tkompli taħdem mill-qrib mas-sajjieda u max-xjenzjati biex tidentifika u tbassar fejn jistgħu jinsabu speċijiet bi kwota limitanti u biex tiżviluppa soluzzjonijiet ta' riċerka bħal tekniki tas-sajd innovattivi;

  –   tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ir-Regolament dwar il-Mediterran), b'mod partikolari l-parti li tirreferi għall-projbizzjoni fuq l-użu ta' ċertu tagħmir tradizzjonali u d-dispożizzjonijiet relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tal-irkaptu tas-sajd;

  –   issib soluzzjoni prammatika fir-rigward tas-sajd industrijali sabiex tiġi regolata u limitata l-prattika tal-użu ta' riżorsi tal-ħut ta' valur għall-ħut mitħun, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ekosistemi vulnerabbli fil-Baħar Baltiku;

43.  Jimpenja ruħu li jagħmel djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tagħha dwar il-futur tal-PAK wara l-2020, li hija mistennija qabel tmiem is-sena 2017;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex:

  –   tissimplifika l-implimentazzjoni tal-PAK;

  –   tneħħi l-burokrazija żejda bl-għan li tiżdied l-effiċjenza tagħha;

  –   tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-imprendituri agrikoli;

  –   tagħti lok għal innovazzjonijiet li huma indispensabbli għal settur agrikolu Ewropew kompetittiv u li jħares 'il quddiem;

  –   tiżgura li l-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar ikun inkluż fil-proposta li ġejja għal riforma tal-PAK li jenħtieġ tipprovdi aktar spazju u inċentivi finanzjarji għall-innovazzjoni fl-agrikoltura bl-għan li tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul fl-UE, jitnaqqas l-impatt tal-agrikoltura fuq il-bijodiversità u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għall-klima;

  –   tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta għal leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kontribwenti jirċievu valur għal flushom mill-investiment li jagħmlu fl-agrikoltura, filwaqt li toqrob lejn l-ugwalizzazzjoni tal-ħlasijiet diretti fl-Istati Membri kollha u tiżgura li l-UE tkun tista' żżomm u żżid il-potenzjal tagħha ta' produzzjoni tal-ikel;

9. Tassazzjoni aktar ġusta

46.  Jitlob lill-Kummissjoni biex:

  –   tressaq proposti dwar sistema ta' VAT definittiva u dwar ir-rati tal-VAT;

  –   tippreżenta linji gwida ċari dwar l-għajnuna fiskali statali mill-Istati Membri;

  –   tevalwa l-kundizzjonijiet ta' aċċess għal beni u servizzi kulturali u tipproponi soluzzjonijiet biex ittejjibhom, fosthom billi titqies il-kwistjoni ta' varjazzjonijiet eżistenti fil-VAT fuq il-kotba u l-kotba elettroniċi;

47.  Jilqa' l-ħidma li saret min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-użu tar-rifuġji fiskali, permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-trawwim ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa;

10. Is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tallinja l-approċċ tal-UE u l-kwistjonijiet relatati ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr bi proposti konkreti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, filwaqt li jinnota li l-finanzjament bl-imnut fl-UE għandu jaħdem fl-interessi taċ-ċittadini u jipprovdu prodotti aħjar u aktar għażla fis-suq;

50.  Jenfasizza l-importanza li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali titwettaq; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe proposta leġiżlattiva ulterjuri għandha ssir biss jekk l-effetti mixtieqa ma jkunux jistgħu jinkisbu b'mezzi mhux leġiżlattivi;

11. Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni: sfidi u opportunitajiet

51.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu affrontati u indirizzati x-xejriet tax-xogħol li qed jinbidlu u li jinstab mezz għall-ħolqien tax-xogħol flimkien ma' sigurtà soċjali deċenti għall-ħaddiema, kif ukoll li jiġu esplorati l-possibbiltajiet għal arranġamenti ta' xogħol flessibbli bħala appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tfassal strateġija tal-UE dwar l-awtomatizzazzjoni fis-suq tax-xogħol u takkumpanjaha b'inizjattivi dwar kif għandha tiġi organizzata l-interazzjoni bejn il-professjonisti u r-robots, dwar kif l-awtomatizzazzjoni tista' tgħin biex timmassimizza l-benefiċċji għal min jimpjega u l-impjegati, dwar kif titjieb il-produttività, u dwar l-effetti fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

12. Spazju ta' ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażat fuq il-fiduċja reċiproka  

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni ulterjuri rilevanti minnufih u tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-istandards minimi komuni għall-proċedura ċivili;

54.  Jilqa' l-firma tal-Kunsill li timmarka l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

55.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza fundamentali li d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012(5) (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi) u d-Direttiva 2011/99/UE tat-13 ta' Diċembru 2011(6) (id-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni) jiġu implimentati bis-sħiħ;

13. Lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina  

56.  Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-ħidma fuq bażijiet tad-data ġodda jew aġġornati, fosthom is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema tal-UE ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), il-pakkett SIS II, l-Eurodac, is-Sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), u li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni finanzjament xieraq biex dawn jitwettqu;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-adattament leġiżlattiv meħtieġ, abbażi tal-konklużjonijiet tad-djalogu dwar l-interoperabbiltà, rigward il-modi li bihom is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti u futuri jistgħu jsaħħu kemm il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u kemm is-sigurtà interna tal-UE;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità transfruntiera, u li għandhom jiġu identifikati fir-rieżami tal-istrateġija dwar iċ-ċibersigurtà fil-ħarifa tal-2017, twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u tressaq proposta li tistabbilixxi qafas ċar għar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-radikalizzazzjoni online, filwaqt li tqis is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali u r-riskju ta' ksur tad-data;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni effiċjenti u koordinata tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perjodu 2015-2020 u l-prijoritajiet tagħha fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità, billi tiffoka fuq riżultati effettivi f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata ffukata fuq l-effikaċja operattiva tal-istrumenti eżistenti rilevanti tal-UE u fuq il-lakuni li għad fadal f'dan il-qasam;

60.  Iqis il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala prijorità politika;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li tadotta atti legali li jemendaw jew jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li kienu ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/JHA u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/JHA dwar l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar reati terroristiċi, billi tipproponi strument leġiżlattiv biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u tiżdied il-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, bil-ħsieb li jiġu żgurati skambji ta' informazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja u t-terroriżmu;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura d-dħul fis-seħħ f'waqtu u konformi tal-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data;

14. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

63.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-rieżami meħtieġ tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tad-9 ta' Lulju 2008(7) (ir-Regolament dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża – VIS), wara d-djalogu dwar l-interoperabbiltà;

64.  Jirrikonoxxi l-passi leġiżlattivi sinifikanti meħuda mill-Kummissjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta' politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil, u jenfasizza li l-UE tat bidu għal proċess importanti biex tartikola politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil fi żmien meta kriżijiet reali li jeħtieġu attenzjoni urġenti poġġew pressjoni qawwija fuq il-fruntieri tal-Ewropa;

65.  Ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni billi tiġi aġġornata l-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni mal-Afrika, kif ukoll ir-rwol tagħha fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-pajjiżi ġirien tagħha;

66.  Ifakkar lill-Kummissjoni li għandu jiġi ppreżentat mekkaniżmu konkret ta' rappurtar li jevalwa regolarment l-effikaċja tal-isforzi attwali biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, u li għandu jsir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli futur;

67.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal metodi innovattivi biex jiġu ffinanzjati miżuri li jindirizzaw il-kriżi migratorja attwali, u jilqa' b'mod partikolari s-sħubija msaħħa li dawn il-metodi jinvolvu mas-settur privat; jemmen li l-parteċipazzjoni tas-settur privat hija kruċjali biex jitwettqu l-objettivi b'rabta mal-iżvilupp, u li l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari; jinsisti li s-sorveljanza parlamentari tal-fondi fiduċjarji u ta' mekkaniżmi oħrajn ta' taħlit għandha tiġi ggarantita fiċ-ċirkustanzi kollha;

15. It-tibdil fil-klima

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri komplementari u li japplikaw fl-Unjoni kollha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fid-dawl tad-djalogu faċilitattiv tal-2018 fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tevalwa l-konsistenza tal-politiki attwali tal-UE b'rabta mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

16. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

69.  Jenfasizza l-fatt li l-SDGs japplikaw universalment għall-pajjiżi kollha u jenfasizza l-ħtieġa li l-SDGs jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-ewwel pass, twettaq valutazzjoni komprensiva tal-politiki eżistenti tal-UE u tan-nuqqasijiet u l-inkonsistenzi li jista' jkun fihom; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, qafas ġenerali tal-UE għall-implimentazzjoni tas-17-il SDG kollha; jinsisti li biex l-SDGs jintlaħqu b'suċċess hemm bżonn użu aħjar tal-għodda eżistenti, bħall-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-Programm ta' Azzjoni Ambjentali, kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni:

  –   tissorvelja mill-qrib it-tibdiliet istituzzjonali u politiċi meħtieġa sabiex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata b'mod effikaċi;

  –  timplimenta b'mod parallel il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, li mistenni jiġi ffirmat f'Ġunju 2017;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob, barra minn hekk, it-twaqqif ta' pjattaformi settorjali u b'diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE, li jġibu flimkien is-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs, il-gruppi ta' riflessjoni, il-gvernijiet sħab, id-donaturi u partijiet ikkonċernati oħra;

72.  Jenfasizza li l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt internazzjonali u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu denominatur komuni ċentrali fil-politiki kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ma tittraskurax l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tirsisti attivament ħalli d-drittijiet tal-bniedem jiġu implimentati b'mod effikaċi permezz tal-ftehimiet kollha li l-UE tkun firmatarja tagħhom, b'mod partikolari l-hekk imsejħa "klawsola tad-demokrazija" u l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ ċar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li l-UE għandha ftehimiet magħhom;

17. Ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp

73.  Jitlob il-ħolqien ta' strument ta' finanzjament innovattiv ġdid għall-paċi u l-ġustizzja li jikkunsidra l-kriterji ta' eliġibbiltà riveduti għall-ODA (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp) dwar il-paċi u s-sigurtà sabiex jiġu riflessi r-rabtiet dejjem akbar bejn l-azzjonijiet ta' żvilupp u ta' sigurtà, partikolarment dawk li jippromwovu d-demokrazija, il-governanza t-tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

18. Il-kummerċ

74.  Iqis li ftehim kummerċjali u ta' investiment ibbilanċjat mal-Istati Uniti hu fl-interess tal-UE, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati u ġġib riżultati tanġibbli;

75.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal aġenda kummerċjali ambizzjuża u bbażata fuq il-valuri li ssaħħaħ is-sistema globali bbażata fuq ir-regoli u tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonkludi negozjati mal-Ġappun u timxi 'l quddiem f'negozjati oħra li għaddejjin bħalissa, bħal dawk mal-Messiku, maċ-Ċilì u mal-Mercosur, kif ukoll il-mira tagħha li tibda negozjati ġodda ma', pereżempju, l-Awstralja u New Zealand, u l-fatt li qed tipprova tiżblokka negozjati oħra, bħal dawk mal-Indja;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħajja ġdida lid-diskussjoni tad-WTO ta' wara Nairobi, peress li n-negozjati kummerċjali multilaterali huma ta' importanza fundamentali għall-UE anke meta jirriżultaw diffiċli; iqis li jkun vallapena wkoll li, fi ħdan il-qafas tad-WTO, wieħed jeżamina oqsma u kwistjonijiet ġodda, bħall-kummerċ diġitali, u jilqa' l-inizjattivi internazzjonali meħuda mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-investimenti;

77.  Jenfasizza li l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni biex ikunu kompatibbli mar-regoli tad-WTO huma kwistjonijiet ta' urġenza u tal-akbar importanza;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-qafas kummerċjali AKP-UE rregolat mill-Ftehim ta' Cotonou, li se jiskadi fl-2020; jemmen li l-qafas il-ġdid għandu jkollu l-għan li jappoġġja t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija globali; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa politika kummerċjali ċara u b'saħħitha li tinkludi l-iżvilupp tas-settur privat, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-liberalizzazzjoni reċiproka, mingħajr ma tillimita ruħha għalihom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan f'konformità mal-prinċipju ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

20. Il-politiki esterni: prijoritajiet

79.  Jitlob lill-Kummissjoni:

  –   tippreżenta r-rieżami ta' nofs it-terminu tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI);

  –  trawwem l-għaqda transatlantika;

  –  tikkonferma l-impenn tal-Unjoni għall-Balkani u għall-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

  –  tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-kapaċità ta' aċċess għal informazzjoni kredibbli, minkejja x-xkiel u l-oqfsa legali dgħajfa, fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u lil hinn minnhom;

–  tħejji proposti għat-titjib tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom, b'mod partikolari: in-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, l-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (GCC), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-Commonwealth, f'oqsma ta' interess komuni;

–  issaħħaħ il-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

–  tippromwovi l-prijoritajiet globali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-libertà reliġjuża, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà politika, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, u d-drittijiet tal-gruppi minoritarji, inklużi l-persuni LGBTI;

–  tiżviluppa kooperazzjoni internazzjonali bejn l-ombudsmen u s-sħubiji għad-drittijiet tal-bniedem;

80.  Iqis li in-NATO tikkostitwixxi l-bażi tal-arkitettura tad-Difiża Ewropea u jinnota li l-protezzjoni tal-Ewropa se ssir responsabbiltà tan-NATO u tal-UE li tissaħħaħ b'mod reċiproku, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula f'Varsavja f'Lulju 2016, u, b'mod partikolari, fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża;

81.  Jappoġġja ż-żamma tal-ftehim qafas imsejjes fuq tliet pilastri (it-tisħiħ tad-djalogu pubbliku, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ); jemmen li għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta' reġjonalizzazzjoni ulterjuri bil-għan li jiġu indirizzati r-reġjuni kollha skont il-bżonnijiet u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'enfasi wkoll fuq il-bżonn ta' reazzjoni għall-Istrateġija UE-Afrika l-ġdida li għandha tiġi adottata għall-2018-2020;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bit-twaqqif tal-Fond Ewropew għad-Difiża, li jkun jinkludi finanzjament adegwat sew għar-riċerka kollaborattiva dwar it-teknoloġiji militari u sew għall-akkwist ta' assi konġunti mill-Istati Membri, kif u meta dan ikun evidentement prattiku, kosteffikaċi u ta' benefiċċju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-infurzar taż-żewġ direttivi li jinkwadraw is-suq uniku tad-difiża u toħroġ b'inizjattiva dwar l-iżvilupp ta' standards industrijali komuni għat-tagħmir u l-assi;

83.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lit-tensjoni li qed tikber fil-Balkani tal-Punent u tfittex modi biex issaħħaħ l-impenn tal-UE favur rikonċiljazzjoni u riformi fil-pajjiżi kollha kkonċernati;

84.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-enfasi tagħha fuq il-Politika tal-Viċinat, sew dik tal-Lvant u sew dik tan-Nofsinhar, iżda jenfasizza li din il-politika trid tissaħħaħ, partikolarment permezz ta' taħlita ta' aktar għajnuna finanzjarja, tisħiħ fl-appoġġ għad-demokrazija, aċċess għas-suq u titjib fil-mobbiltà; jenfasizza li l-politika jeħtieġ tidentifika b'mod ċar l-oqsma ta' azzjoni biex tindirizza aħjar l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi ġirien;

21. Approċċ aktar strateġiku għall-infurzar tad-dritt tal-UE

85.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistemi ta' kontroll, partikolarment fir-rigward tar-rati ta' żball;

86.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kwalità, fir-rigward tas-sustanza u d-detall, tat-tweġibiet li tipprovdi lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, sabiex it-tħassib taċ-ċittadini jiġi indirizzat aktar bir-reqqa;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull ma tista' biex tiffaċilita ftehim fil-Kunsill dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakech, bil-għan li l-potenzjal sħiħ ta' dak it-trattat jintlaħaq mingħajr dewmien;

88.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isforzi dejjem akbar min-naħa ta' Stati terzi u atturi mhux statali biex jimminaw, permezz ta' mezzi ibridi, inkluż permezz tad-diżinformazzjoni, il-leġittimità tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha kontra t-theddid ibridu u ttejjeb il-kapaċità tagħha li tiġġieled b'mod xieraq l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni;

22. It-tfassil aħjar tal-liġijiet

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li:

  –  il-proposti leġiżlattivi kollha jgħaddu minn valutazzjoni tal-impatt rigoruża u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji;

  –  it-test tal-SMEs jiġi implimentat fid-Direttorati Ġenerali kollha u li jkun hemm kooperazzjoni sistematika mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju sabiex it-test tal-SMEs jiġi applikat b'mod aktar strutturat;

  –  tiġi ppreżentata lill-Parlament evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-superviżjoni u l-għoti ta' pariri oġġettivi dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt;

  –  l-Istħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet (ABS) jiġi żviluppat bħala għodda importanti għall-identifikazzjoni u l-monitoraġġ, b'mod ċar u trasparenti, tar-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni biex tevita u tnaqqas kwalunkwe regolamentazzjoni żejda u piż amministrattiv kemm min-naħa tal-Unjoni nfisha u kemm min-naħa tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni ("gold-plating");

  –  jiġu ppreżentati lill-Parlament proposti li jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin bl-ambizzjoni li jiġi żgurat tnaqqis ta' 25 % sal-2020 u ta' 50 % sal-2030 fl-ispejjeż ekonomiċi marbuta mal-piżijiet regolatorji għan-negozji;

o

o    o

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 102, 7.4.2004, p. 48.

(4)

ĠU L 324, 10.12.2007, p. 121.

(5)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(6)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(7)

ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

Avviż legali - Politika tal-privatezza