Proċedura : 2017/2962(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0600/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0600/2017

Dibattiti :

PV 16/11/2017 - 4.2
CRE 16/11/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2017 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0444

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 445kWORD 50k
15.11.2017
PE614.236v01-00}
PE614.238v01-00}
PE614.239v01-00}
PE614.241v01-00} RC1
 
B8-0600/2017}
B8-0632/2017}
B8-0633/2017}
B8-0635/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0600/2017)

S&D, Verts/ALE (B8-0632/2017)

ALDE (B8-0633/2017)

PPE (B8-0635/2017)


dwar l-attakki terroristiċi fis-Somalja (2017/2962(RSP))


Joachim Zeller, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Lefteris Christoforou, Dubravka Šuica, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Marijana Petir, Elisabetta Gardini, Jarosław Wałęsa, Laima Liucija Andrikienė, Luděk Niedermayer, Lorenzo Cesa, Mairead McGuinness, David McAllister, Jaromír Štětina, Romana Tomc, Željana Zovko, Ivan Štefanec, Michaela Šojdrová, Patricija Šulin, Giovanni La Via, Manolis Kefalogiannis, Maurice Ponga, Adam Szejnfeld, Bogdan Brunon Wenta, Sandra Kalniete, Milan Zver, Roberta Metsola, Andrey Kovatchev, Lars Adaktusson, Seán Kelly, Deirdre Clune, Krzysztof Hetman, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anna Záborská, László Tőkés, Michael Gahler, Inese Vaidere, Ivana Maletić, Cristian Dan Preda f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Cécile Kashetu Kyenge f'isem il-Grupp S&D
Karol Karski, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Charles Tannock, Jan Zahradil, Notis Marias, Jana Žitňanská, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Maria Heubuch, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakki terroristiċi fis-Somalja (2017/2962(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-15 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakki f'Mogadishu, is-Somalja, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-VP/RGħ tat-30 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk fis-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-intervent tal-UE tas-27 ta' Settembru 2017 dwar is-36 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Djalogu Interattiv mal-Espert Indipendenti dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2372 (2017) u 2383 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottati fit-30 ta' Awwissu 2017 u fis-7 ta' Novembru 2017 rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Mejju u l-5 ta' Settembru 2017 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk terroristiku f'Mogadishu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (UA) tal-15 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakk f'Mogadishu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) li kkundannaw l-attakki terroristiċi tal-14 u t-28 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikat finali tal-konferenza internazzjonali dwar is-Somalja, li saret f'Londra fil-11 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt UE-Unjoni Afrikana dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-1 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-AMISOM tat-8 ta' Novembru 2017 li biha ħabbret l-intenzjoni tagħha li f'Diċembru 2017 tibda gradwalment tirtira t-truppi mis-Somalja, bil-ħsieb li tirtirahom kompletament sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-AKP u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-mandat tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli biex tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem u tal-popli taħt il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, adottata fl-1999,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-14 ta' Ottubru 2017 trakk-bomba enormi heżżeż iċ-ċentru ta' Mogadishu u qatel mill-inqas 358 persuna u darab 228 oħra, filwaqt li 56 persuna għadhom nieqsa; billi l-attakk fil-qalba ta' Mogadishu kien wieħed mill-aktar operazzjonijiet terroristiċi letali madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin; billi fit-28 ta' Ottubru 2017 inqatlu aktar minn 30 persuna, meta splodew żewġ bombi barra lukanda qrib il-palazz presidenzjali f'Mogadishu;

B.  billi, għalkemm l-ebda grupp ma ħa r-responsabbiltà ta' dawn l-attakki kodardi, huma għandhom il-karatteristiċi distintivi ta' Al-Shabaab, li issa jidher li ma jridx idgħajjef kwalunkwe appoġġ popolari billi jassoċja ruħu ma' telf daqshekk enormi ta' ħajjiet ċivili; billi ċ-ċittadini Somali kkundannaw ripetutatment il-vjolenza ta' Al-Shabaab, u ngħaqdu bħala reazzjoni għall-attakki bil-bombi ta' Ottubru, billi mmarċjaw bl-eluf matul Mogadishu bi sfida lil Al-Shabaab;

C.  billi kien hemm serje ta' attakki terroristiċi fatali f'Mogadishu u madwar il-pajjiż fix-xhur li għaddew, inklużi karozzi bomba, sparar bl-addoċċ, eżekuzzjonijiet u ħtif immirati, li enfasizzaw it-theddida kontinwa tal-estremiżmu vjolenti li qed jiffaċċja l-pajjiż;

D.  billi l-maġġoranza tal-attakki ġew attribwiti primarjament lill-azzjonijiet terroristiċi ta' Al-Shabaab, għalkemm huwa magħruf ukoll li d-Daesh jinsab attiv fil-pajjiż;

E.  billi l-President tas-Somalja, Mohamed Abdullahi Mohamed, wara li ħa l-poter fi Frar f'elezzjoni meqjusa bħala pass kruċjali li jimmarka r-ritorn gradwali ta' dan il-pajjiż mifni tal-Lvant tal-Afrika lejn l-istabbiltà u l-prosperità, wiegħed li jeħles lis-Somalja minn Al-Shabaab;

F.  billi fid-dawl tal-attakki matul l-2017, mhux l-inqas l-attakk bil-bombi orribbli tal-14 ta' Ottubru, mhux ċar jekk il-forzi tas-sigurtà Somali, wara t-tluq ippjanat tal-AMISOM fl-2018, humiex ser ikunu kapaċi biżżejjed biex jiġġieldu t-terroriżmu mingħajr għajnuna esterna;

G.  billi l-forzi tal-AMISOM ġew akkużati f'diversi okkażjonijiet li wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil indiskriminat u xi każijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali; billi t-tqassim tat-truppi barranin f'territorju Somalu barra l-mandati tan-NU/UA jirrappreżenta sors sinifikanti ta' tħassib meta wieħed iqis l-allegazzjonijiet preċedenti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-AMISOM;

H.  billi, minbarra l-estremiżmu vjolenti, in-nixfa, il-kunflitti bejn il-klans u t-tkeċċija furzata rriżultaw f'mijiet ta' eluf ta' persuni li spiċċaw spostati f'din l-aħħar sena biss, b'ħafna minnhom fiċ-ċentri urbani kkontrollati mill-gvern; billi ħafna jgħixu f'insedjamenti mhux sikuri, fejn in-nisa u l-bniet b'mod partikolari jiffaċċjaw abbuż u vjolenza sesswali;

I.  billi t-theddida tal-karestija għadha ferm preżenti fis-Somalja u madwar 400 000 tifel u tifla Somali jsofru minn malnutrizzjoni akuta filwaqt li 3 miljun persuna jgħixu f'kundizzjonijiet ta' kriżi jew ta' sigurtà tal-ikel ta' emerġenza; billi hemm madwar 1,1 miljun persuna spostata internament fis-Somalja, u aktar minn 900 rifuġjat Somalu fir-reġjun;

J.  billi hemm 420 000 rifuġjat Somalu f'kampijiet fil-Kenja, bi 350 000 minnhom fil-kamp ta' Dadaab, u billi l-gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja, u l-UNHCR, qablu li jiffaċilitaw ir-ritorn volontarju ta' 10 000 rifuġjat lejn żoni fis-Somalja li mhumiex taħt il-kontroll ta' Al-Shabaab; billi l-persuni rimpatrijati jiffaċċjaw problemi ta' riintegrazzjoni u ftit li xejn għandhom ċans li jsibu xogħol; billi ħafna rifuġjati ta' Dadaab huma ta' dixxendenza Somala, iżda ma jafux dwar ħajja barra mill-kamp u effettivament huma apolidi, li jfisser li ma jistgħux jintbagħtu lejn is-Somalja;

K.  billi sa mill-2016 l-UE żiedet progressivament l-għajnuna umanitarja annwali tagħha lis-Somalja, b'mod partikolari b'reazzjoni għan-nixfa severa li affettwat il-pajjiż, b'allokazzjoni ta' EUR 120 miljun lis-sħab umanitarji fl-2017 u bir-rilaxx tal-għajnuna ta' emerġenza ta' EUR 100 000 biex tgħin fl-isforzi għal rispons rapidu għall-bżonnijiet mediċi f'Mogadishu wara l-attakk fl-14 ta' Ottubru; billi inizjalment l-UE mmobilizzat ukoll żewġ bastimenti tal-Operazzjoni Navali tal-UE ATALANTA, flimkien ma' titjiriet tal-assistenza ta' emerġenza, biex twassal provvisti mediċi ta' emerġenza lill-isptarijiet ta' Mogadishu;

L.  billi l-UE pprovdiet EUR 486 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), filwaqt li ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-"Patt" u, b'mod partikolari, fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni; billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġja lill-AMISOM permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika;

M.  billi f'Diċembru 2016 il-Bank Dinji wiegħed li jintensifika l-ġlieda kontra l-faqar estrem, fejn ħabbar li l-pajjiżi żviluppati wiegħdu rekord ta' USD 75 biljun għal għotjiet u self aġevolat lill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp (IDA); billi, madankollu, is-Somalja mhix eliġibbli għall-finanzjament mill-IDA peress li għandha dejn mal-bank u mal-FMI ta' aktar minn USD 300 miljun bħala parti minn muntanja ta' dejn li tammonta għal USD 5 biljun dovut lill-kredituri multilaterali u bilaterali;

N.  billi filwaqt li t-tfal għadhom qed jisfaw maqtula, detenuti b'mod arbitrarju u reklutati minn Al-Shabaab, huma qed jiġu wkoll reklutati mill-forzi armati tas-Somalja, minkejja l-fatt li s-Somalja rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'Jannar 2015 u approvat id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri f'Novembru 2015, li fiha impenjat ruħha li tieħu passi konkreti biex tipproteġi lill-istudenti u lill-istituzzjonijiet edukattivi;

O.  billi, fin-nuqqas ta' ġudikatura ċivili li tiffunzjona, il-Gvern tas-Somalja jiddependi mill-qrati militari biex jipproċessa u jikkundanna lil persuni ċivili, u dan ma jiggarantixxix id-drittijiet tal-imputati ċivili; billi jingħataw setgħat wesgħin ta' stħarriġ lin-National Intelligence and Security Agency (NISA – Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà), li bħalissa ma għandhiex mandat ta' infurzar tal-liġi, li jwassal għal ksur sostanzjali tad-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni arrestati miżmuma minn NISA;

P.  billi skont Transparency International, is-Somalja hija wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja għall-10 sena konsekuttiva; billi l-Gvern Somalu għadu jħabbat wiċċu ma' diversi sfidi, bħalma huma l-korruzzjoni u n-nuqqas ta' appoġġ wiesa' minn persuni ċivili, li inevitabbilment wassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-istat u għal appoġġ sussegwenti favur gruppi Iżlamisti u terroristiċi radikali;

1.  Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi reċenti fis-Somalja u mal-familji tagħhom, u jiddispjaċih profondament għall-ħajjiet li ntilfu; jikkundanna bil-qawwa, fl-istess ħin, lill-awturi ta' dawn l-attakki, attribwiti lill-grupp tar-ribelli Al-Shabaab;

2.  Ifakkar li l-istabbiltà u l-paċi dejjiema jistgħu jinkisbu biss bl-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, ibbażati fuq il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, b'rispett sħiħ għad-dinjità u d-drittijiet tal-persuni;

3.  Jilqa' r-rispons ta' emerġenza rapidu tal-Kummissjoni wara l-attakk terroristiku tal-14 ta' Ottubru; jitlob lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jirrispettaw l-impenji tagħhom mas-Somalja, l-ewwel nett permezz ta' miżuri li jistabbilixxu s-sigurtà alimentari, bil-ħsieb li jiġu evitati l-problemi strutturali li jwasslu għall-karestija, jitrawmu s-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tal-ilmenti kollettivi, titjieb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tingħata assistenza għat-tlestija tar-rieżami kostituzzjonali meħtieġ għal stabbiltà fit-tul;

4.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja twissijiet ripetuti mill-gruppi umanitarji, mill-aġenziji li joffru l-għajnuna u mill-Parlament Ewropew, is-Somalja qed tkompli riesqa f'xifer karestija; ifakkar li l-ammont ta' mwiet fil-karestija tal-2011 kien iggravat min-nuqqas ta' sigurtà u mill-azzjonijiet tal-militanti estremisti ta' Al-Shabaab li fixklu t-twassil tal-għajnuna alimentari fl-inħawi ċentrali u tan-nofsinhar tas-Somalja li dak iż-żmien kienu taħt il-kontroll tagħhom; jistieden lill-partijiet kollha jaħdmu mal-aġenziji umanitarji u jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji umanitarji biex jippermettu aċċess sħiħ u bla xkiel għal dawk li għadhom qed ibatu u li huma fil-bżonn, partikolarment fl-inħawi rurali;

5.  Jilqa' l-proċess elettorali organizzat fi Frar 2017, li wassal għall-elezzjoni ta' president ġdid, u jesprimi t-tama tiegħu li l-elezzjoni trawwem stabbiltà politika, tħeġġeġ l-adozzjoni tar-riformi meħtieġa u tmexxi 'l quddiem il-proġett federali f'koordinazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri Federali (FMS); jisħaq fuq l-importanza li tiġi miġġielda l-korruzzjoni endemika fil-pajjiż u li ż-żgħażagħ Somali jingħataw alternattivi sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' reklutaġġ min-naħa ta' Al-Shabaab;

6.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Forum Nazzjonali ta' Tmexxija Somalu li jippromwovi t-twaqqif u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi qabel l-elezzjonijiet tal-2020, abbażi tal-prinċipju ta' "persuna waħda, vot wieħed", kif ukoll it-tentattiv biex jinbnew mill-ġdid l-istituzzjonijiet tal-istat u l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda importanti dwar il-partiti politiċi u dwar il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali indipendenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka li jridu jsiru sforzi biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-kontribut tad-dijaspora u s-soċjetà ċivili tal-pajjiż fl-irkupru mhux biss tal-governanza, iżda anke tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, b'enfasi fuq l-importanza tar-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jilqa', f'dan il-kuntest, iż-żieda fl-għadd ta' membri nisa fil-Parlament Somalu (għal 24 %) u fil-Kabinett, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-ħtieġa ta' sforzi akbar biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi, kemm fl-UE kif ukoll fis-Somalja;

8.  Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar soluzzjonijiet sostenibbli għar-rifuġjati Somali u r-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja; jilqa' l-impenn biex ikun hemm approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u titrawwem l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritta fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bil-ħsieb li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment, titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju tar-rifuġjati lejn pajjiżhom;

10.  Jesprimi tħassib dwar il-mandat wiesa' tan-NISA u l-fatt li użat qrati militari għall-prosekuzzjoni ta' allegati delitti relatati mat-terroriżmu u – ripetutament – ma rrispettatx il-proċess dovut u imponiet il-piena tal-mewt mingħajr responsabbiltà;

11.  Jistieden lill-Gvern Somalu u lill-UE, bħala parti mill-attivitajiet tagħha dwar l-istat tad-dritt fis-Somalja, jiżguraw li n-NISA tkun regolata b'mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi u jsaħħu l-għarfien espert tekniku tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (CID) tas-Somalja biex dan ikun jista' jwettaq investigazzjonijiet bir-reqqa u effikaċi li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini;

12.  Jilqa', b'mod partikolari, il-qbil politiku li laħqu l-mexxejja tas-Somalja fis-16 ta' April 2017 biex jintegraw il-forzi reġjonali u federali f'Arkitettura ta' Sigurtà Nazzjonali koerenti li gradwalment tkun kapaċi tieħu r-responsabbiltà prinċipali għas-sigurtà, kif ukoll it-twaqqif rapidu tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u l-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-AMISOM fl-iżgurar tas-sigurtà u l-istabbiltà, biex is-Somalja tkun tista' toħloq l-istituzzjonijiet politiċi u testendi l-awtorità statali, qabel ma r-responsabbiltà għas-sigurtà tgħaddi għand l-istituzzjonijiet u l-forzi Somali; jilqa' l-investigazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar l-allegazzjonijiet ta' vjolenza sesswali mit-truppi tal-AMISOM; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Somalja u, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2272 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-pajjiżi li qed jikkontribwixxu għat-truppi jiżguraw li l-allegazzjonijiet jiġu investigati kif xieraq u bir-reqqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-importanza tal-possibbiltà li l-mandat tal-AMISOM jiġi estiż lil hinn minn Mejju 2018, u jwissi li t-trasferiment prematur tar-responsabbiltajiet lit-truppi Somali jista' jkun ta' detriment għall-istabbiltà fit-tul;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-impunità u tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra mwettqa fis-Somalja; jieħu nota tal-offerta tal-President Somalu li jagħti amnestija għal ċerti delitti lil dawk li jiċħdu t-terroriżmu u l-vjolenza u jixtiequ jħallu 'l Al-Shabaab u gruppi terroristiċi oħra, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar l-amnestiji;

15.  Jiddeplora r-reklutaġġ ta' suldati tfal min-naħa ta' Al-Shabaab u l-użu tat-tfal mill-forzi tas-sigurtà bħala suldati u informaturi, inkluż l-użu ta' suldati tfal maqbuda jew diżerturi; ifakkar li l-Gvern tas-Somalja impenja ruħu favur ir-riabilitazzjoni tat-tfal li kienu suldati u t-tressiq ta' dawk responsabbli għar-reklutaġġ tagħhom quddiem il-ġustizzja; jistieden lid-donaturi internazzjonali, inkluża l-UE, jagħtu prijorità lill-forniment ta' servizzi ta' riabilitazzjoni, edukazzjoni u tagħlim sikur bħala element kruċjali biex jinkiser iċ-ċiklu qattiel tal-vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jittrattaw lit-tfal suspettati b'assoċjazzjoni ma' Al-Shabaab primarjament bħala vittmi u jikkunsidraw l-aħjar interess tat-tfal billi jsegwu l-istandards ta' protezzjoni internazzjonali bħala prinċipji ta' gwida;

16.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li r-riżorsi naturali, b'mod partikolari l-faħam, għadhom jikkostitwixxu sors ta' finanzjament sinifikanti għat-terroristi u kawża ta' degradazzjoni ambjentali serja fis-Somalja; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif l-iskemi ta' traċċabbiltà u diliġenza dovuta jistgħu jitwessgħu biex jinkludu r-riżorsi naturali kollha użati biex isostnu l-attività terroristika u l-vjolenza; jistieden lill-partijiet kollha, f'dan il-kuntest, jiżguraw l-osservanza tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta' faħam Somalu;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tas-Somalja, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0229.

Avviż legali - Politika tal-privatezza