Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0668/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0668/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 452kWORD 56k
13.12.2017
PE614.287v01-00}
PE614.288v01-00}
PE614.289v01-00}
PE614.290v01-00}
PE614.291v01-00}
PE614.292v01-00}
PE614.293v01-00} RC1
 
B8-0668/2017}
B8-0669/2017}
B8-0670/2017}
B8-0671/2017}
B8-0672/2017}
B8-0673/2017}
B8-0674/2017} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0668/2017)

ALDE (B8‑0669/2017)

PPE (B8‑0670/2017)

EFDD (B8‑0671/2017)

S&D (B8‑0672/2017)

Verts/ALE (B8‑0673/2017)

GUE/NGL (B8‑0674/2017)


dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))


Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Werner Langen, Tokia Saïfi, Lars Adaktusson, Mairead McGuinness, Jeroen Lenaers, Lorenzo Cesa, Anna Maria Corazza Bildt, Eduard Kukan, Manolis Kefalogiannis, Daniel Caspary f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Valdemar Tomaševski, Amjad Bashir, Nosheena Mobarik, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Younous Omarjee, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Josu Juaristi Abaunz, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Jean Lambert, Judith Sargentini, Margrete Auken, Maria Heubuch, Bodil Valero, Heidi Hautala, Alyn Smith, Michèle Rivasi, Jordi Solé, Michel Reimon f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017(1), tas-7 ta' Lulju 2016(2) u tal-15 ta' Diċembru 2016(3), u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, f'Cox's Bazar, il-Bangladesh, tad-19 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine, id-dikjarazzjoni tal-11 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-aħħar żviluppi fl-Istat ta' Rakhine, fil-Myanmar u fir-reġjun tal-fruntiera fil-Bangladesh, id-dikjarazzjoni tal-20 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Myanmar/Burma, u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-iffirmar ta' ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Myanmar u l-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, lejn it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine f'Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni tar-Rohingya mill-Bangladesh lejn il-Myanmar, iffirmat fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine, tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, approvat mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-27 sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni minoritarja tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fl-Istat ta' Rakhine, il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jgħixu madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza fil-biċċa l-kbira Musulman li qed jiffaċċja ripressjoni u ksur serju kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

B.  billi r-Rohingya huma fost l-aktar minoranzi ppersegwitati fid-dinja, u billi l-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tal-1982 ċaħħdithom mid-drittijiet taċ-ċittadinanza sħiħa u ġabithom apolidi; billi r-Rohingya fil-biċċa l-kbira tagħhom huma miżmuma f'kampijiet b'restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment liberu fl-Istat ta' Rakhine u barra minnu;

C.  billi l-aktar attakki reċenti fuq il-postijiet tal-għassiesa tas-sigurtà f'Awwissu 2017 pprovokaw rispons sproporzjonat ħafna mill-militar tal-Myanmar, li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya;

D.  billi minn Awwissu 2017 'l hawn, aktar minn 646 000 Rohingya ħarbu għas-sikurezza lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh, fejn iffaċċjaw kundizzjonijiet atroċi; billi l-għadd totali ta' rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh huwa mistenni li jaqbeż il-miljun sa tmiem l-2017; billi għexieren ta' persuni, fosthom nisa u tfal, mietu matul ir-rotta u aktar minn 400 000 ruħ jeħtieġu kura tas-saħħa u assistenza tal-ikel; billi l-qtil, l-istupru u t-tortura tar-Rohingya u l-ħruq tal-irħula tagħhom ji ntużawbħala għodda biex ssir ħsara b'mod permanenti lill-istruttura soċjali tar-Rohingya u tiġi trawmatizzata l-popolazzjoni;

E.  billi l-fruntiera bejn il-Myanmar u l-Bangladesh ġiet militarizzata u tqiegħdu mini tal-art biex jipprevjenu lin-nies milli jaqsmuha;

F.  billi, skont l-aġenziji tan-NU, l-aċċess għall-organizzazzjonijiet umanitarji għadu restrittiv ħafna, inkluż għall-konsenja tal-ikel, l-ilma u l-mediċina lir-Rohingya;

G.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fl-10 ta' Settembru 2017 ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku" u fil-5 ta' Diċembru 2017 li ma jistax jiġi eskluż att ta' ġenoċidju kontra l-Musulmani Rohingya mill-forzi statali fil-Myanmar; billi l-Amnesty International iddeskriviet is-sitwazzjoni għall-minoranzi fl-Istat ta' Rakhine bħala waħda ta' "apartheid" u billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kkundanna "l-probabilità kbira ħafna ta' delitti kontra l-umanità" fil-Myanmar;

H.  billi fit-23 ta' Ottubru 2017 il-konferenza tad-donaturi li saret f'Ġinevra bejn l-UNHCR, l-OCHA, l-IOM, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kuwajt żgurat wegħdiet għall-għajnuna li jammontaw għal USD 344 miljun, li aktar minn nofshom ġew mill-UE;

I.  billi l-Gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh iffirmaw memorandum ta' qbil mhux vinkolanti li għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur tar-rifuġjati Rohingya li ħarbu lejn il-Bangladesh; billi l-VP/RGħ iddeskriviet l-iffirmar tal-memorandum ta' qbil bħala pass importanti lejn li tiġi indirizzata waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna; billi mhuwiex ċar kemm ripatrijati potenzjali Rohingya ser ikunu akkomodati f'kampijiet u f'żoni ta' akkoljenza temporanja; billi ma teżisti l-ebda skeda ta' żmien ċara għal ritorn għal sigurtà adegwata u akkomodazzjoni sikura jew għar-rikonoxximent tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-qtil li għadhom għaddejja, l-użu sistematiku tal-forza, u t-telf tal-ħajjiet, l-għajxien u l-kenn fl-Istat ta' Rakhine; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem u jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu u l-appoġġ sħiħ għar-Rohingya; ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, mingħajr diskriminazzjoni, li jinvestigaw il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jappella għal tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-qtil, tal-intimidazzjoni u tal-istupru tar-Rohingya u tal-qerda tad-djar tagħhom mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jaħdmu flimkien mal-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna, l-UE u n-NU biex jippermettu aċċess umanitarju immedjat u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine, inkluż appoġġ iddedikat għall-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta miżuri f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2106 (2013) biex jipprevjeni inċidenti ta' vjolenza sesswali u jirreaġixxi għalihom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari lill-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017, biex jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li, fejn hemm evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-individwi jridu jiġu mressqa quddiem qrati ċivili indipendenti, imparzjali u mingħajr l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lin-NU tesplora possibbiltajiet għal investigazzjoni u prosekuzzjoni minn tribunali internazzjonali, jekk l-awtoritajiet tal-Myanmar jonqsu milli jiżguraw ir-responsabbiltà domestika;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jagħti aċċess sħiħ u mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-midja għall-Istat ta' Rakhine, u biex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar biex b'mod immedjat iwaqqaf l-użu tiegħu ta' mini tal-art u jneħħi l-mini kollha li diġà qiegħed, inklużi dawk imqiegħda dan l-aħħar matul il-fruntiera mal-Bangladesh; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi assistenza teknika f'dan ir-rigward; ifaħħar l-isforzi magħmula mill-Bangladesh quddiem kriżi umanitarja f'wieħed mill-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' bis-sħiħ il-protezzjoni li l-Bangladesh ipprovda lir-Rohingya li qed jaħarbu mill-Myanmar u jħeġġu jkompli joffri appoġġ f'kooperazzjoni mal-UNHCR; jistieden lill-Bangladesh jiffaċilita aktar l-operazzjonijiet umanitarji mill-NGOs internazzjonali billi jissimplifika l-piż burokratiku, il-proċess ta' reġistrazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment;

 

7.  Jinnota l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet jirrispettaw għalkollox ir-ritorn volontarju, sikur u dinjituż tar-Rohingya lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni, u bis-superviżjoni sħiħa tan-NU; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Myanmar joffru assigurazzjonijiet kredibbli li l-persuni rimpatrijati ma jiġux persegwitati jew furzati f'kampijiet segregati abbażi ta' raġunijiet etniċi jew reliġjużi u jiggarantixxu monitoraġġ indipendenti u imparzjali mill-korpi tad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jafferma l-prinċiplu ta' non-refoulement u jaqbel mal-valutazzjoni tal-UNHCR tal-24 ta' Novembru li "fil-preżent, fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ma jeżistux il-kundizzjonijiet li jippermettu ritorn sikur u sostenibbli"; jistieden lill-UE tmexxi l-isforzi internazzjonali permezz ta' summit intergovernattiv flimkien man-NU; jipproponi li dan is-summit jagħmel rieżami tal-progress dwar il-proċess ta' ripatrijazzjoni tar-Rohingya u r-radd lura tad-drittijiet taċ-ċittadinanza u li tinbeda l-proċedura għal investigazzjoni indipendenti ta' delitti kontra l-umanità;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati filwaqt li jiżguraw li l-assistenza ma tissarrafx f'soluzzjonijiet inaċċettabbli għar-rifuġjati u l-persuni rimpatrijati; jistieden lill-atturi internazzjonali jistabbilixxu appoġġ fil-forma ta' finanzjament li joffri rispons sostenibbli għall-ħtiġijiet tar-Rohingya spostati u l-komunitajiet ospitanti permezz ta' aċċess għal servizzi xierqa u mtejba; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-ħtieġa urġenti għall-finanzjament, li huwa stmat li jammonta għal USD 10 miljun, biex jingħataw servizzi mediċi speċjalizzati u servizzi tas-saħħa mentali għas-superstiti tal-istupru u tal-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja investigazzjoni sħiħa tal-firxa tal-vjolenza sesswali u delitti oħra kontra r-Rohingya;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' traffikar ta' nisa u bniet Rohingya fil-Myanmar u fil-Bangladesh u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex jaħdmu mal-UNHCR u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jintemm it-traffikar u biex in-nisa u l-bniet affettwati jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jindirizza d-diskriminazzjoni sistematika u li ilha ħafna għaddejja; jenfasizza li mingħajr ma jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali huwa impossibbli li tintemm is-sitwazzjoni ta' tbatija tagħhom; jinnota f'dan ir-rigward li ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-minoranzi fil-Myanmar testendi lil hinn mir-Rohingya u tolqot ukoll lil gruppi etniċi oħra, fosthom fl-Istati ta' Kachin u Shan;

11.  Jilqa' r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li ġiet stabbilita fuq it-talba tal-Kunsilliera tal-Istat; iħeġġeġ b'qawwa lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jaħtru korp ta' implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun, biex jidħlu fis-seħħ għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jinkoraġġixxi lill-UE, lin-NU u atturi internazzjonali oħra biex jappoġġjaw il-proċess;

12.  Jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet legali dwar iċ-ċittadinanza jiġu allinjati mal-istandards u t-trattati internazzjonali li l-Myanmar huwa stat parti tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jemenda l-Liġi taċ-Ċittadinanza u jipprovdi dokumentazzjoni taċ-ċittadinanza rikonoxxuta legalment lir-residenti Rohingya ħalli huma jiġu aċċettati bħala minoranza etnika u biex id-dritt tagħhom għall-awtoidentifikazzjoni jiġi rispettat; iħeġġeġ lill-gvern joħroġ karti tal-identità li ma jelenkawx l-affiljazzjoni reliġjuża;

13.  Jinsisti li s-segregazzjoni tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar trid tintemm; jitlob li jitneħħa l-curfew impost fuq ir-Rohingya u li jingħalqu l-punti ta' kontroll kollha għajr dawk li huma meħtieġa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li r-residenti Rohingya jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament fl-Istat ta' Rakhine u fil-bqija tal-pajjiż u li, b'mod partikolari, ikunu rrispettati d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha jappoġġjaw il-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi u soċjetà ċivili b'saħħitha, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u l-promozzjoni tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenza u imparzjali;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex b'urġenza jadottaw sanzjonijiet punittivi mmirati kontra individwi fis-servizzi militari u tas-sigurtà responsabbli għall-kontinwazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa fil-Myanmar;

16. Jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jaqbel fuq miżuri deċiżivi u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq dawk li qed jostakolaw azzjoni sinifikanti, inklużi ċ-Ċina u r-Russja;

17.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jestendu l-ambitu tal-embargo eżistenti fuq l-armi kontra l-Myanmar; barra minn hekk jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo fuq l-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inkluż it-tranżitu u t-trasbord tal-armi, il-munizzjon u t-tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, inkluża l-Kunsilliera tal-Istat, Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, jikkundanna b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya, u jirrispetta d-dritt universali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;

19.  Jistieden lill-ASEAN u lill-gvernijiet reġjonali biex ikomplu jieħdu azzjoni u biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar u fuq il-militar tal-pajjiż sabiex iwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet u jipproteġu liċ-ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine u fil-Myanmar;

20.  Ifakkar li l-Premju Sakharov jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjoni ta' jekk il-Premju Sakharov jistax jiġi revokat f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

21.  Iħeġġeġ lill-atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin, u b'mod partikolari liċ-Ċina, biex jużaw il-pjattaformi bilaterali, multilaterali u reġjonali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

22.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex b'mod sinifikanti jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Myanmar u s-servizzi tas-sigurtà biex itemmu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni mwettqa kontra r-Rohingya, u jinvolvu ruħhom man-NU, l-ASEAN u l-gvernijiet reġjonali biex iwaqqfu s-segregazzjoni fil-Myanmar;

23.  Jitlob li l-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda mid-delegazzjoni tal-UE fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM f'Nay Pyi Taw fil-21 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ li d-Djalogu bejn il-Myanmar u l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jingħata nifs ġdid sabiex jiġu indirizzati speċifikament il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-komunità Rohingya;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tniedi investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox Ħlief Armi";

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024, tal-UNHRC;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0351.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0316.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0506.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0247.

Avviż legali - Politika tal-privatezza