MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-każijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, Wu Gan, Xie Yang, Lee Ming-che, Tashi Wangchuk u tar-raheb Tibetan Choekyi
17.1.2018 - (2018/2514(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8-0043/2018)
ECR (B8-0044/2018)
S&D (B8-0046/2018)
ALDE (B8-0047/2018)
PPE (B8-0048/2018)
Cristian Dan Preda, Michaela Šojdrová, David McAllister, Sandra Kalniete, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Elisabetta Gardini, Jaromír Štětina, Krzysztof Hetman, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Brian Hayes, Thomas Mann, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Romana Tomc, Patricija Šulin, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Francis Zammit Dimech, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Adam Szejnfeld, Roberta Metsola, Milan Zver, Eva Maydell, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Joachim Zeller, Deirdre Clune, Lars Adaktusson, Andrey Kovatchev, Marijana Petir, Ramona Nicole Mănescu, Jiří Pospíšil, László Tőkés, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stanislav Polčák f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, Jo Leinen f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Zdzisław Krasnodębski, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga, Jana Žitňanská, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis, Robert Rochefort, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Molly Scott Cato, Helga Trüpel, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes, Jordi Solé, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Michel Reimon f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, Wu Gan, Xie Yang, Lee Ming-che, Tashi Wangchuk u tar-raheb Tibetan Choekyi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU[1], dik tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina[2], dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina[3], dik tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti[4] u dik tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che[5],
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina, imnedija fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-22 ta' Ġunju 2016 intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",
– wara li kkunsidra s-Summit UE-Ċina, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ġunju 2017;
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar is-Sigurtà Nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-pubblikazzjoni tat-tieni abbozz ta' Liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin fil-5 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-nazzjonalitajiet ta' minoranza,
– wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-35 sessjoni tiegħu, li saret Brussell fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil Wei Jingsheng u lil Hu Jia fl-1996 u l-2008 rispettivament,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-27 ta' Diċembru 2017 dwar is-sentenzi mogħtija lil Wu Gan u Xie Yang fiċ-Ċina,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-8 ta' Diċembru 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma magħhom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;
B. billi, minn mindu l-President Xi Jinping wasal fil-poter, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tiddeterjora u l-gvern intensifika l-ostilità tiegħu lejn id-dissens paċifiku, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon, u l-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi arrestaw u tellgħu quddiem il-qrati mijiet ta' difensuri, avukati u ġurnalisti attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi, fis-26 ta' Diċembru 2017, qorti f'Tianjin ikkundannat lill-attivist Wu Gan għal tmien snin ħabs fuq akkużi ta' sovverżjoni fil-konfront tal-awtorità tal-Istat; billi Wu Gan għamel kampanji regolari dwar kwistjonijiet sensittivi relatati mal-abbuż ta' poter min-naħa tal-gvern, kemm online kif ukoll offline; billi skont l-avukat tiegħu, Wu Gan ċaħad ftehim mal-awtoritajiet li permezz tiegħu kien jingħata sentenza sospiża kieku ammetta l-ħtija tiegħu;
D. billi, fl-istess ġurnata f'Hunan, l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Xie Yang ġie kkundannat ukoll, iżda ġie eżentat minn pieni kriminali, wara li aktar kmieni ddikjara li kien ħati fil-konfront ta' akkużi ta' sovverżjoni; billi Wu Gan ġie arrestat xhur qabel waqt repressjoni mingħajr preċedent kontra l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-2015 li rat mijiet ta' persuni, fosthom Xie Yang, interrogati jew arrestati fuq skala nazzjonali matul perjodu ta' ftit ġimgħat; billi jeżistu allegazzjonijiet li Xie Yang ġie ttorturat, imsawwat u mhedded minn dawk li interrogawh;
E. billi, fit-28 ta' Novembru 2017, il-Qorti Intermedja ta' Yueyang ikkundannat lill-attivist tad-demokrazija Lee Ming-che għal ħames snin ħabs wara li sabitu ħati għal "sovverżjoni fil-konfront tal-awtorità tal-Istat" u neħħietlu d-drittijiet politiċi kollha fiċ-Ċina għal sentejn; billi aktarx il-konfessjoni pubblika ta' Lee Ming-che saret taħt pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi; billi Lee Ming-che kien ġie rrapportat nieqes fid-19 ta' Marzu 2017, wara li qasam mill-Macao lejn Zhuhai fil-provinċja Ċiniża ta' Guangdong;
F. billi Tashi Wangchuk, sid ta' ħanut u sostenitur tad-drittijiet tal-lingwa mit-Tibet, ġie arrestat fis-27 ta' Jannar 2016 wara li deher f'filmat tan-New York Times jippromwovi d-dritt tat-Tibetani li jitgħallmu u jistudjaw bi lsien twelidhom; billi, f'Marzu 2016, Tashi Wangchuk ġie akkużat b'"inċitament għal separatiżmu" u qed jiffaċċja sa 15-il sena ħabs, għalkemm qal espliċitament lill-gazzetta li ma kienx qed jappella għall-indipendenza tat-Tibet;
G. billi, fl-2015, ir-raheb Tibetan Choekyi, mill-monasteru ta' Phurbu fil-kontea ta' Seda f'Sichuan, ġie mitfugħ il-ħabs talli ċċelebra għeluq snin id-Dalai Lama, il-mexxej spiritwali eżiljat; billi, wara li ġie akkużat, Choekyi għal żmien qasir inżamm f'ħabs fil-kontea ta' Kangding fil-prefettura ta' Ganzi u spiċċa biex intbagħat fil-ħabs ta' Mianyang f'Sichuan biex jiskonta piena ta' erba' snin; billi, skont sorsi tal-midja, Choekyi kien qed ibati minn problemi bil-kliewi, mis-suffejra u minn kwistjonijiet oħra marbuta mas-saħħa li marru għall-agħar minħabba d-detenzjoni tiegħu;
H. billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem komplew jiffaċċjaw intimidazzjoni u priġunerija, bħal fil-każijiet tal-avukati prominenti Li Yuhan, li ilu miżmum f'iżolament sa minn Novembru 2017, u Wang Quanzhang, arrestat f'Lulju 2015, li ilu miżmum f'iżolament għal aktar minn 800 jum u li, skont ċerti rapporti, kien suġġett għal tortura; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma petizzjonanti u jivvjaġġaw lejn bliet kbar biex iqajmu kwistjonijiet lokali qed jiffaċċjaw detenzjoni u priġunerija, bħal Li Xiaoling, li ilu l-ħabs minn Ġunju 2017 filwaqt li għadu jsofri minn każ serju ta' glawkoma; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprovdu pjattaforma għall-petizzjonanti u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Ding Lingjie, Liu Feiyue u Zhen Jianghua, ġew arrestati wkoll;
I. billi l-Gvern Ċiniż għadda liġijiet ġodda, b'mod partikolari l-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Istat, il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li jqisu l-attiviżmu pubbliku u l-kritika paċifika fil-konfront tal-gvern bħala theddid għas-sigurtà tal-Istat, isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll tal-individwi u tal-gruppi soċjali u jiskoraġġixxu lill-individwi milli jagħmlu kampanji favur id-drittijiet tal-bniedem;
J. billi, fil-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Kunsill iwiegħed li l-UE se tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u "d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha mingħajr eċċezzjoni" u se "tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha";
1. Jibqa' ferm imħasseb dwar l-approċċ tal-Gvern Ċiniż lejn id-difensuri, l-attivisti u l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar liċ-Ċina fir-responsabbiltajiet tagħha bħala potenza globali u jistieden lill-awtoritajiet ta' Beijing jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti oħra internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iffirmati jew ratifikati miċ-Ċina; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-awtoritajiet ta' Beijing itemmu l-atti kollha ta' fastidju fil-konfront tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu ħidmithom mingħajr xkiel;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lid-difensuri, lill-attivisti, lill-avukati, lill-ġurnalisti u lill-petizzjonanti kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li jinsabu miżmuma arrestati minħabba ħidmithom f'dan il-qasam, u jtemmu r-repressjoni attwali fil-konfront tagħhom, li qiegħda ssir fil-forma ta' detenzjoni, fastidju ġudizzjarju u intimidazzjoni;
3. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jeħles immedjatament u inkundizzjonatament lil Wu Gan, billi ġie impriġunat biss talli kien qiegħed jeżerċita paċifikament id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tiegħu, u biex, fl-istennija tal-ħelsien tiegħu, jiżgura li Wu Gan ikollu kuntatt regolari u bla restrizzjonijiet ma' familtu u mal-avukati tal-għażla tiegħu u ma jkunx suġġett għal tortura jew għal trattament ħażin ieħor; jitlob li ssir investigazzjoni fil-pront, effikaċi u imparzjali tal-każijiet ta' tortura fiċ-Ċina u jitlob li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja;
4. Jenfasizza l-bżonn ta' investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta' tortura fil-konfront ta' Xie Yang;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lil Lee Ming-che, u, fl-istennija tal-ħelsien tiegħu, jiżguraw li jkun protett minn tortura u trattament ħażin ieħor u li jitħalla jkollu kuntatt ma' familtu u mal-avukati tal-għażla tiegħu u aċċess għal kura medika adegwata;
6. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-arrest u għad-detenzjoni kontinwa ta' Tashi Wangchuk, kif ukoll għar-restrizzjonijiet applikati lid-dritt tiegħu għall-assistenza legali, għan-nuqqas ta' provi kontrih u għall-irregolaritajiet fl-investigazzjoni kriminali; jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat ta' Tashi Wangchuk;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lir-raheb Tibetan Choekyi; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jippermetti lill-familjari u lill-avukati tal-għażla tiegħu jżuruh u, b'mod partikolari, biex jagħtih kura medika adegwata;
8. Jistieden lill-Gvern Ċiniż jirrispetta l-Kostituzzjoni tiegħu stess, partikolarment l-Artikolu 4 li jipproteġġi lill-minoranzi nazzjonali, l-Artikolu 34 li jħares il-libertà ta' espressjoni, ta' stampa, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni, ta' mmarċjar u ta' dimostrazzjoni, l-Artikolu 36 li jirrikonoxxi d-dritt għal-libertà ta' twemmin reliġjuż u l-Artikolu 41 li jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun jikkritika kwalunkwe organu jew uffiċjal statali u jagħti suġġerimenti fir-rigward tal-operat tagħhom;
9. Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex jagħmel kuntatt mal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama u mar-rappreżentanti tiegħu u jesprimi s-sostenn tiegħu favur riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Tibetana permezz tad-djalogu u tan-negozjati, bil-għan li lit-Tibet tkunlu garantita awtonomija effettiva fil-qafas tal-Kostituzzjoni Ċiniża;
10. Jikkundanna, barra minn hekk, il-kampanji kontra l-Buddiżmu mwettqa permezz tal-approċċ ta' "edukazzjoni patrijottika", inklużi miżuri għall-ġestjoni statali tal-monasteri Buddisti Tibetani; jinsab imħasseb dwar l-abbuż li qed isir mid-dritt kriminali Ċiniż għall-finijiet ta' persekuzzjoni tat-Tibetani u tal-Buddisti, li l-attivitajiet reliġjużi tagħhom huma meqjusa ekwivalenti għal "separatiżmu"; jiddeplora l-fatt li l-ambjent għall-prattika tal-Buddiżmu fit-Tibet mar għall-agħar b'mod sinifikanti wara l-protesti Tibetani ta' Marzu 2008, billi l-Gvern Ċiniż adotta approċċ aktar invażiv fl-ambitu tal-"edukazzjoni patrijottika";
11. Jinsab inkwetat dwar l-adozzjoni tal-pakkett ta' liġijiet fil-qasam tas-sigurtà u bl-impatt tiegħu fuq il-minoranzi fiċ-Ċina, partikolarment il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, li taf twassal għall-penalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika tal-kultura u tar-reliġjon tat-Tibet, u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li tqiegħed lill-gruppi attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem taħt kontroll strett min-naħa tal-gvern, inkwantu dan jikkostitwixxi approċċ strettament minn fuq għal isfel minflok ma jinkoraġġixxi sħubija bejn il-gvern lokali u ċentrali u s-soċjetà ċivili;
12. Jenfasizza li l-awtoritajiet Ċiniżi jeħtiġilhom jiżguraw li dawk kollha miżmuma f'iżolament jitqiegħdu immedjatament f'kuntatt mal-familjari u mal-avukati tagħhom u li l-kundizzjonijiet ta' dawk kollha li jinsabu f'detenzjoni jridu jissodisfaw l-istandards stabbiliti mill-"Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija", adottat bis-saħħa tar-riżoluzzjoni 43/173 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Diċembru 1988, inkluż l-aċċess għall-kura medika;
13. Jinsab imħasseb bil-kbir dwar l-allegazzjonjiet ta' tortura fil-konfront tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, għaldaqstant, lill-Gvern Ċiniż jirrispetta mingħajr riżervi l-projbizzjoni assoluta u inderogabbli tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, skont l-Artikoli 2 u 16 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (UNCAT), li ċ-Ċina rratifikat fl-4 ta' Ottubru 1988;
14. Jinkoraġġixxi lill-Gvern Ċiniż jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, hekk kif qiegħed joqrob l-20 anniversarju tal-iffirmar tiegħu, u jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, anki billi jtemm kull prattika abbużiva u jadotta l-leġiżlazzjoni tiegħu kif meħtieġ;
15. Ifakkar li hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fit-Tibet u f'Xinjiang, f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, anki fid-djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-impenn tagħha li twassal leħen sod, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' riżultati konkreti tad-djalogi annwali UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem; ikompli jfakkar li fil-proċess ta' riforma attwali tagħha u ta' impenn globali akbar min-naħa tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għaldaqstant, li d-djalogu maċ-Ċina jitkompla sabiex dawn l-impenji jkunu onorati;
16. Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw approċċ sod u bbażat fuq il-valuri fil-konfront taċ-Ċina u jistenna li ma jwettqux atti jew inizjattivi unilaterali li jistgħu jimminaw il-koerenza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE; jiftakar b'dispjaċir kbir li l-UE ma rnexxilhiex tagħmel dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra f'Ġunju 2017; jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni fis-sessjoni sussegwenti u jistenna li l-UE tkompli ssemmi liċ-Ċina bħala pajjiż li jirrikjedi l-attenzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sakemm tibqa' tirrifjuta li tidħol f'riformi sinifikattivi fil-qasam tad-drittijiet; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu tħassib qawwi dwar l-Eżami Perjodiku Universali imminenti għaċ-Ċina u jiżguraw, b'mod partikolari, li s-soċjetà ċivili Ċiniża tkun tista' tipparteċipa liberament fil-proċess;
17. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jadottaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar iċ-Ċina, li jisħqu fuq l-importanza fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjoni UE-Ċina u jittrażmettu sens ċar ta' tħassib dwar it-tendenzi negattivi fiċ-Ċina f'dan ir-rigward, flimkiem mal-aspettattivi li l-awtoritajiet Ċiniżi jieħdu provvedimenti speċifiċi bħala tweġiba; jisħaq fuq il-punt li tali konklużjonijiet ikunu jservu biex jorbtu lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE b'messaġġ u approċċ komuni fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
- [1] ĠU C 378, 9.11.2017, p. 239.
- [2] ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2016)0444.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2016)0505.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2017)0308.