Proċedura : 2018/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0054/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0054/2018

Dibattiti :

PV 18/01/2018 - 4.3
CRE 18/01/2018 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2018 - 6.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 445kWORD 55k
17.1.2018
PE614.356v01-00}
PE614.357v01-00}
PE614.358v01-00}
PE614.359v01-00}
PE614.360v01-00}
PE614.362v01-00} RC1
 
B8-0054/2018}
B8-0055/2018}
B8-0056/2018}
B8-0057/2018}
B8-0058/2018}
B8-0060/20189} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0054/2018)

S&D (B8-0055/2018)

Verts/ALE (B8-0056/2018)

GUE/NGL (B8-0057/2018)

ALDE (B8-0058/2018)

PPE (B8-0060/20189)


dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2018/2515(RSP))


Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, David McAllister, Sandra Kalniete, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Elisabetta Gardini, Jaromír Štětina, Krzysztof Hetman, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Brian Hayes, Thomas Mann, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Romana Tomc, Patricija Šulin, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Francis Zammit Dimech, Jarosław Wałęsa, Adam Szejnfeld, Roberta Metsola, Milan Zver, Eva Maydell, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Giovanni La Via, Michaela Šojdrová, Tunne Kelam, Joachim Zeller, Ivo Belet, Andrey Kovatchev, Marijana Petir, Deirdre Clune, Jiří Pospíšil, Ramona Nicole Mănescu, László Tőkés, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Manolis Kefalogiannis, Stanislav Polčák f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, Maria Arena f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Notis Marias, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga, Jana Žitňanská, Branislav Škripek, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Michèle Rivasi, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Jordi Solé, Davor Škrlec, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Michel Reimon f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Rolandas Paksas
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2018/2515(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ġunju 2017(1), tat-2 ta' Frar 2017(2), u tal-1 ta' Diċembru 2016(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-kelliema tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-9 ta' Novembru 2017 dwar il-pubblikazzjoni tal-kalendarju elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fid-29 ta' Settembru 2017 dwar l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet finali tad-9 ta' Novembru 2017 tar-raba' rieżami perjodiku dwar l-implimentazzjoni tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi min-naħa tar-RDK,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2348(2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2282 tal-11 ta' Diċembru 2017 li testendi sat-12 ta' Diċembru 2018 is-sanzjonijiet kontra individwi responsabbli għall-vjolenza u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu u tal-11 ta' Diċembru 2017 dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sigurtà fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lil Dr Denis Mukwege fl-2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u ta' Għaqda tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-RDK, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara sena mill-iffirmar tal-ftehim ta' Saint-Sylvestre fit-31 ta' Diċembru 2016, is-sitwazzjoni ġenerali fir-RDK qiegħda tkompli sejra għall-agħar fil-pajjiż kollu, b'ripressjonijiet vjolenti, qtil u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-2017 diġà kienet waħda mill-aktar snin vjolenti fl-istorja reċenti tar-RDK;

B.  billi n-NU kklassifikat is-sitwazzjoni fir-RDK bħala emerġenza umanitarja ta' Livell 3, li huwa l-ogħla livell; billi fit-8 ta' Marzu 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, appella għall-ħolqien ta' kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-vjolenza fil-provinċja tal-Kasai;

C.  billi l-kriżi politika ggravat wara li fl-2016 il-President Kabila rrifjuta li jirriżenja fi tmiem il-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi, skont il-ftehim ta' Saint-Sylvestre milħuq taħt l-awspiċju tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO), ġie maqbul li sa Diċembru 2017 isiru l-elezzjonijiet; billi din l-iskadenza ma ġietx irrispettata, u billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) iddikjarat li l-elezzjonijiet se jsiru fit-23 ta' Diċembru 2018;

D.  billi s-CENI qiegħda tipproċedi bit-tħejjijiet loġistiċi għall-elezzjonijiet, inklużi l-arranġamenti baġitarji u r-reġistru elettorali;

E.  billi l-protesti kontra s-sitwazzjoni politika sabu reżistenza estremament vjolenti minn forzi appoġġati mill-gvern;

F.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) innota "l-ħsieb intenzjonat li jitrażżnu d-drittijiet ċivili u politiċi" mill-forzi tas-sigurtà, inkluż bl-użu ta' munizzjon attiv, gass tad-dmugħ u balal tal-lastku kontra l-persuni ċivili, inklużi l-abbatini, ir-rifjut tal-aċċess lin-NU għall-isptarijiet, għall-kmamar mortwarji u għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, kif ukoll il-fatt li n-NU ma tħallitx tosserva l-protesti;

G.  billi r-RDK għadha ma rratifikatx il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

H.  billi kompla l-ġlied armat bejn l-armata Kongoliża u l-milizzji lokali, b'mod partikolari fil-Kasai; billi dan wassal għal kriżi umanitarja gravi, ikkaratterizzata minn qtil, tortura u stupru, qerda ta' djar, faċilitajiet mediċi u skejjel, u mis-sejba ta' 40 sit ta' oqbra tal-massa fil-Kasai; billi ma sar l-ebda progress sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

I.  billi r-RDK għandha l-ogħla għadd fid-dinja ta' każijiet ġodda ta' persuni spostati internament minħabba kunflitt; billi aktar minn 1.9 miljun persuna ġew spostati internament fir-RDK sa minn Jannar 2017, u b'hekk l-għadd totali ta' persuni spostati fil-pajjiż jammonta għal 4.25 miljun persuna, l-aktar fil-provinċji ta' Kasai, Tanganyika u Kivu; billi r-RDK qiegħda tospita wkoll refuġjati li ħarbu mill-Burundi, mir-Repubblika Ċentru-Afrikana u mis-Sudan t'Isfel; billi l-UE rrilaxxat EUR 5 miljun f'għajnuna ta' emerġenza għall-vittmi tal-vjolenza fil-Kasai;

J.  billi f'Marzu 2017 tnaqqas l-għadd ta' truppi tal-missjoni tal-MONUSCO, u f'Ġunju l-baġit tagħha tnaqqas bi 8 %;

K.  billi l-awtoritajiet fir-RDK wettqu fastidju sistematiku fil-konfront ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Lutte pour le Changement (Lucha), Filimbi, il-knisja Kattolika, u Comité Laic de Coordination (CLC); billi, skont il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, qegħdin jinżammu minn tal-inqas 358 priġunier politiku fir-RDK;

L.  billi fid-29 u t-30 ta' Diċembru 2017, seba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – Carbone Beni, Mino Bompomi, Roger Katanga Mwenyemali, Bony Dickson Mputu, Grâce Tshiunza, Cedrick Kalonji u Arciel Beni, ilkoll affiljati mal-moviment tas-soċjetà ċivili Filimbi – ġew arrestati u miżmuma mingħajr mandat ta' arrest, u billi mhux magħruf fejn jinsab Palmer Kabeya, difensur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;

M.  billi l-ħtif u l-attakki fil-konfront tal-ħaddiema umanitarji u l-forzi taż-żamma tal-paċi qegħdin jiżdiedu, u dan qed iġiegħel lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom;

N.  billi tliet abbozzi ta' liġi introdotti fl-Assemblea Nazzjonali Kongoliża – dwar ir-regolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu – fil-forma attwali tagħhom jikkontradixxu l-istandards reġjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu theddida bla preċedent għall-operat indipendenti tas-soċjetà ċivili Kongoliża;

O.  billi l-UE estendiet sa Diċembru 2018 il-miżuri restrittivi adottati kontra individwi b'risposta għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fir-RDK; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kull att vjolenti, b'mod partikolari fil-konfront ta' dimostranti paċifiċi, inklużi l-projbizzjoni fuq l-organizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi paċifiċi u l-politiki ta' intimidazzjoni, arrest u detenzjoni ta' kwalunkwe vuċi dissidenti; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jipproċedu bil-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom u jwettqu investigazzjoni indipendenti dwar ir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet ta' Diċembru 2017 u l-oqbra tal-massa li nstabu;

2.  Ifakkar li huwa l-Gvern tar-RDK li għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili fit-territorju tiegħu u soġġetta għall-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluż minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

3.  Jesprimi tħassib kbir dwar ix-xhieda tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-rapport ta' inkjesta ta' Diċembru 2017 tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) dwar il-massakri fil-Kasai, li jgħid li l-forzi tas-sigurtà Kongoliżi u l-milizzji appoġġati mill-gvern fil-provinċja tal-Kasai qed iwettqu "strateġija intenzjonata ta' terrur u qerda, li wasslet għal delitti kontra l-umanità"; iħeġġeġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u lin-NU jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfal fir-RDK; jikkundanna kategorikament l-użu tal-istupru, il-vjolenza sesswali u t-tortura; jinsab ixxukkjat bl-allegazzjonijiet ta' reklutaġġ u tħaddim illegali ta' suldati tfal min-naħa tal-milizzji ffinanzjati mill-Kongoliżi, u jqis li waħda mill-prijoritajiet tal-awtoritajiet Kongoliżi u l-komunità internazzjonali għandha tkun li jintemm l-użu ta' suldati tfal;

5.  Jiddispjaċih ħafna li ma sarux elezzjonijiet sal-iskadenza tal-2017; ifakkar fir-responsabbiltà tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Kongoliżi li jimplimentaw effettivament il-kalendarju elettorali l-ġdid skont il-Kostituzzjoni Kongoliża u l-ftehim ta' Saint-Sylvestre; jinsisti li fit-23 ta' Diċembru 2018 isiru elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi trasparenti, liberi u ġusti; ifakkar li s-CENI għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva, u jistieden lill-Gvern tar-RDK jiżgura li jkollha biżżejjed riżorsi; jitlob lis-CENI u lill-Gvern, barra minn hekk, jintroduċu skadenzi trimestrali għall-kalendarju elettorali biex jitwettaq monitoraġġ tal-progress u jingħata sinjal tal-impenn tal-Gvern li jorganizza l-elezzjonijiet; ifakkar li elezzjonijiet kredibbli huma l-unika soluzzjoni għall-kriżi;

6.  Jenfasizza li l-avversarji eżiljati għandhom ikunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur u mingħajr kundizzjonijiet, u li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet; jilqa' l-ħolqien, bil-parteċipazzjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), l-Organisation internationale de la Francophonie (OIF), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u n-NU, ta' tim koordinat ta' esperti responsabbli mill-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-proċess elettorali u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni ta' assistenza finanzjarja, loġistika u teknika lir-RDK; jappoġġa l-kontribut tal-UE fil-proċess elettorali tar-RDK, u jitlob lill-UE torbot kwalunkwe finanzjament elettorali mal-kundizzjoni li l-Gvern Kongoliż iwettaq miżuri konkreti li juru rieda politika ċara li jorganizza elezzjonijiet fit-23 ta' Diċembru 2018, fosthom – b'mod partikolari – il-pubblikazzjoni ta' baġit elettorali realistiku, kif ukoll garanziji fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għall-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha;

7.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' fastidju u theddid fil-konfront tas-soċjetà ċivili u l-NGOs; jesprimi tħassib partikolari dwar l-aħħar theddidiet ta' mewt magħmula kontra rappreżentanti tal-FIDH u ta' organizzazzjonijiet assoċjati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK u lill-forzi tas-sigurtà jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fil-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll fil-ftehim ta' Saint-Sylvestre, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi li jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw mill-aktar fis il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

8.  Jikkundanna l-abbozzi ta' liġi introdotti fl-Assemblea Nazzjonali Kongoliża dwar ir-regolamentazzjoni tal-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jirrispettaw b'mod sħiħ il-proċess dovut leġiżlattiv u jallinjaw l-abbozzi ta' liġi mal-istandards internazzjonali u reġjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jżidu l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li jattakkaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jwaqqfu protesti demokratiċi;

10.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li fiha ħabbar investigazzjoni dwar l-attakk fuq it-truppi tal-MONUSCO min-naħa tal-milizzji tal-Forzi Demokratiċi Alleati fis-7 ta' Diċembru 2017 fil-provinċja tal-Kivu ta' Fuq, li ħalla 15-il membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi mejta;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar tnaqqis fit-truppi u l-baġit tan-NU; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà u l-istati membri tan-NU jiżguraw li l-MONUSCO tirċievi biżżejjed fondi biex twettaq il-kompiti fdati lilha fil-mandat tagħha; ifakkar li l-mandat tal-MONUSCO jinkludi li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu prijorità lill-valuri tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza li l-individwi jinżammu responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għal azzjonijiet oħra li jimminaw soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fir-RDK; jilqa', f'dan ir-rigward, l-użu ta' sanzjonijiet immirati min-naħa tal-UE, u jistieden lill-UE tikkunsidra tuża mezzi addizzjonali, kif previst fil-Ftehim ta' Cotonou, jekk is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar u ma jsir ebda progress sinifikanti biex tinstab soluzzjoni paċifika;

13.  Itenni l-appoġġ tiegħu lill-UA, lill-OIF u lill-SADC, kif ukoll, b'mod partikolari, lill-Angola, bħala faċilitaturi tad-djalogu politiku fir-RDK u fir-reġjun kollu kemm hu;

14.  Jesprimi l-inkwiet tiegħu dwar l-eskalazzjoni tal-epidemija tal-kolera u jitlob li tiżdied l-għajnuna umanitarja biex tiġi indirizzata t-tifqigħa; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna finanzjarja u umanitarja permezz ta' organizzazzjonijiet affidabbli sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

 

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0264.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0017.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0479.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Jannar 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza