Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0078/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0078/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

7.2.2018 - (2018/2559 (RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0078/2018)
ECR (B8‑0081/2018)
ALDE (B8‑0087/2018)

Esteban González Pons, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Luis de Grandes Pascual, David McAllister, Sandra Kalniete, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Gabriel Mato, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Fernando Ruas, Laima Liucija Andrikienė, Julia Pitera, Manolis Kefalogiannis, Eduard Kukan, Ivan Štefanec, Lorenzo Cesa f'isem il-Grupp PPE
Valdemar Tomaševski, Charles Tannock, Jana Žitňanská, Jan Zahradil, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Kosma Złotowski, Anna Elżbieta Fotyga, Angel Dzhambazki, Karol Karski, Pirkko Ruohonen-Lerner f'isem il-Grupp ECR
Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE


Proċedura : 2018/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0078/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0078/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2018/2559(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5] u tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina[6],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Lulju 2017 tal-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tad-Delegazzjoni Mercosur u tal-Assemblea Parlamentari EuroLat dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) li tikkundanna d-detenzjoni ta' Enrique Aristeguieta fit-2 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra t-twissijiet inklużi fir-rapporti tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar il-Venezwela, kif ukoll l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tal-OAS biex il-Kunsill Permanenti tagħha jitlaqqa' b'urġenza skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana biex tiġi diskussa l-kriżi politika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / Rgħ) tas-27 ta' Marzu 2017, dwar il-kriżi politika, ekonomika u umanitarja li qed issir dejjem aktar serja fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn 14 mill-istati membri tagħha fit-13 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet malajr kemm jista' jkun, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tas-setgħat minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar il-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' "El Grupo de Lima" tat-23 ta' Jannar 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali li ssejjaħ elezzjonijiet presidenzjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-Venezwela, u b'mod partikolari l-impożizzjoni ta' embargo fuq l-armi u ta' sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, tas-7 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2018 mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, li tikkundanna d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Venezwelani li jkeċċu l-Ambaxxatur ta' Spanja f'Caracas,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti illeġittima, li la hija rikonoxxuta internazzjonalment u lanqas mill-Unjoni Ewropea, talbet li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrija qabel tmiem April 2018; billi, skont il-Kostituzzjoni tal-Venezuela, il-korp responsabbli għas-sejħa ta' elezzjoni huwa l-Kunsill Elettorali Nazzjonali; billi l-Artikolu 298 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, li jiddikjara b'mod ċar li: "Il-liġi li tirregola l-proċessi elettorali ma tistax tkun modifikata bl-ebda mod fil-perjodu bejn il-jum tal-elezzjoni u s-sitt xhur immedjatament qabilha" reċentement kienet miksura diversi drabi;

B.  billi din id-deċiżjoni ttieħdet barra l-ambitu tad-djalogu nazzjonali li kien ilu għaddej minn Diċembru 2017, u irrispettivament minn kwalunkwe żvilupp possibbli miksub fil-laqgħa li saret bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni f'Santo Domingo; billi d-data u l-proċess li jwasslu għall-elezzjonijiet kienu tnejn mill-punti prinċipali fit-taħditiet f'Santo Domingo; billi din is-sejħa għal elezzjonijiet tmur kontra kemm il-prinċipji demokratiċi kif ukoll il-bona fede fir-rigward tad-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni;

C.  billi fil-25 ta' Jannar 2018 il-Qorti Suprema ddeċidiet li teskludi l-MUD (Mesa de la Unidad Democrática), mill-elezzjonijiet presidenzjali; billi fl-4 ta' Frar 2018 il-Kunsill Elettorali Nazzjonali eskluda lill-partit Primero Justicia mill-proċess elettorali; billi mexxejja bħal Leopoldo López u Henrique Capriles huma pprojbiti milli joħorġu għall-elezzjoni; billi dawn id-deċiżjonijiet jirrappreżentaw ksur tal-prinċipju ta' elezzjonijiet ġusti, li jipprojbixxu kandidati tal-oppożizzjoni milli jikkompetu b'mod ħieles u ugwali fl-elezzjonijiet;

D.  billi fl-2017, l-MUD ingħatat il-Premju Sakharov 2017 tal-Parlament għal-libertà tal-ħsieb;

E.  billi din is-sejħa għal elezzjoni bikrija li tmur kontra l-kostituzzjoni wasslet biex il-Messiku u ċ-Ċilì rtiraw mill-proċess ta' negozjati politiċi nazzjonali bejn il-Gvern tal-Venezwela u parti mill-oppożizzjoni;

F.  billi fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jista' jintuża għal repressjoni interna;

G.  billi fit-22 ta' Jannar 2018, il-Kunsill tal-UE ddeċieda b'mod unanimu li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħall-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-assi, b'konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

H.  billi wara l-adozzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, il-Venezwela rritaljat billi keċċiet lill-Ambaxxatur Spanjol f'Caracas u pproklamatu "persona non grata", filwaqt li akkużat lil Spanja b'indħil fl-affarijiet interni tagħha; billi l-UE kkundannat bil-qawwa din id-deċiżjoni, filwaqt li fl-istess ħin iddikjarat is-solidarjetà sħiħa tagħha ma' Spanja, fuq il-bażi li d-deċiżjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, huma unanimi;

I.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent, li qed twassal għal ħafna mwiet; billi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti bil-garanziji xierqa kollha, u bil-kundizzjoni li jingħata żmien biżżejjed għall-preparamenti, hija fundamentali biex jibdew jiġu solvuti l-ħafna problemi li l-Venezwela qed tħabbat wiċċha magħhom; billi kważi 2 miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż; billi l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti qed tiżdied dejjem aktar f'termini ta' għoti ta' assistenza u servizzi lil min ikun għadu jasal fil-pajjiż;

J.  billi l-uffiċjal tal-pulizija ribelli, Oscar Pérez, u sitt individwi oħra nqatlu b'mod extraġudizzjarju minkejja l-fatt li kienu diġà ċedew;

K.  billi, fit-2 ta' Frar 2018, Enrique Aristeguieta Gramcko nħataf minn daru billejl mis-servizzi tal-intelligence, mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni dwar fejn kien qed jinżamm, u nħeles l-għada;

L.  billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, inklużi tfal, qed ibatu minn malnutrizzjoni minħabba aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini u ikel; billi, b'dispjaċir, il-Gvern tal-Venezwela qed ikompli jiċħad il-problema u jirrifjuta li jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali; billi l-Venezwelani qed jippruvaw jixtru l-ikel u provvisti essenzjali mill-gżejjer tal-Karibew minħabba skarsezzi kbar f'pajjiżhom;

1.  Jiddeplora d-deċiżjoni unilaterali tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti illeġittima, li la hija rikonoxxuta internazzjonalment u lanqas mill-UE, li ssejjaħ elezzjonijiet presidenzjali bikrija sa tmiem April 2018; jiddeplora ferm id-deċiżjoni riċenti tal-Qorti Suprema Venezwelana li tipprojbixxi lir-rappreżentanti tal-MUD milli jikkontestaw l-elezzjonijiet li jmiss; jirrimarka li ħafna kandidati potenzjali mhux se jkunu jistgħu joħorġu għall-elezzjonijiet għaliex huma eżiljati, soġġetti għal skwalifiki amministrattivi, arrestati jew taħt arrest domiċiljarju; jinsisti li m'għandhom jiġu imposti ebda ostaklu jew kundizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi, u jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jerġgħu jagħtuhom kompletament id-drittijiet ta' eliġibbiltà tagħhom;

2.  Jinsisti li huma biss elezzjonijiet ibbażati fuq kalendarju elettorali vijabbli, miftiehem fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, u li jirrispettaw kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti – inklużi t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, mingħajr priġunieri politiċi, u l-iżgurar li l-Kunsill Elettorali Nazzjonali jkun ibbilanċjat fil-kompożizzjoni u imparzjali u bl-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti, inkluż il-monitoraġġ minn osservaturi internazzjonali indipendenti – li se jiġu rikonoxxuti mill-UE u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż il-Parlament Ewropew; ifakkar fid-disponibbiltà tiegħu li jibgħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet neċessarji kollha;

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Venezwelani li jkeċċu lill-Ambaxxatur Spanjol f'Caracas u jiddikjarawh "persona non grata", u jinsisti li l-Gvern tal-Venezwela jerġa' jistabbilixxi minnufih ir-relazzjonijiet diplomatiċi normali tiegħu ma' Spanja; ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, jittieħdu b'mod unanimu; jappella, f'dan ir-rigward, għal solidarjetà sħiħa ma' Spanja;

4.  Iqis l-impożizzjoni mill-Kunsill tal-UE tal-embargo fuq l-armi, u s-sanzjonijiet imposti kontra seba' uffiċjali Venezwelani bħala miżuri xierqa b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, iżda jitlob li dawn jiġu estiżi kontra dawk prinċipalment responsabbli għad-deterjorament tal-kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja, b'mod partikolari l-President, il-Viċi President, il-Ministru tad-Difiża, membri tal-kmand militari għoli u membri taċ-ċrieki interni tagħhom, inklużi membri tal-familja; jissuġġerixxi li, jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tkompli tiddeterjora, jistgħu jiġu kkunsidrati u adottati aktar azzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi, fosthom dawk b'rabta mal-kumpanija statali taż-żejt Petróleos de Venezuela, S.A. (PDVSA);

5.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur kontinwu tal-ordni demokratiku fil-Venezwela; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu tal-Assemblea Nazzjonali bħala l-uniku parlament kostitwit u rikonoxxut legalment fil-Venezwela, u jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tagħha; jirrifjuta kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali peress li tikkostitwixxi ksur tal-istandards u tar-regoli demokratiċi kollha; jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni politika fil-kuntest tal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' ndħil bejn il-fergħat tal-gvern huma prinċipju essenzjali tal-istati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

6.  Jistieden lill-Prosekutur tal-QKI, skont id-dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma, biex jibda investigazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim Venezwelan, u jitlob lill-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward;

7.  Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, għar-rispett tal-korpi eletti b'mod demokratiku u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-poplu tal-Venezwela li qed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja serja; jitlob li jintlaħaq ftehim immedjat dwar pjan ta' aċċess umanitarju ta' emerġenza għall-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu l-għajnuna umanitarja mingħajr xkiel bħala kwistjoni ta' urġenza, u jagħtu permess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lill-pubbliku; jitlob li tiġi implimentata malajr miżura fuq perjodu qasir ta' żmien kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħalma huma t-tfal; jitlob lill-UE tgħin lill-pajjiżi tal-viċinat, u b'mod partikolari lill-Kolombja, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Venezwelani; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jagħti l-pensjonijiet lill-Venezwelani li qed jgħixu barra l-pajjiż u li huma intitolati jirċievu tali drittijiet tas-sigurtà soċjali;

9.  Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza