Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0139/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0139/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

13.3.2018 - (2018/2626(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B8-0139/2018)
Verts/ALE (B8-0142/2018)
ECR (B8-0143/2018)
ALDE (B8-0144/2018)
PPE (B8-0146/2018)

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Julia Pitera, Laima Liucija Andrikienė f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anna Elżbieta Fotyga, Peter van Dalen f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Helga Trüpel, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2018/2626(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0139/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0139/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

(2018/2626(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja[1],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-Sirja, u b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2017 dwar il-waqfien mill-ġlied fis-Sirja, tal-25 ta' Novembru 2017 dwar il-konferenza tal-Oppożizzjoni Sirjana f'Riyadh u tat-23 ta' Frar 2018 dwar il-massakru fil-Lvant ta' Ghouta, kif ukoll il-kummenti tagħha malli waslet fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Stylianides tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakki reċenti fis-Sirja, tal-20 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant ta' Ghouta u Idlib u tas-6 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u nħawi oħra fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u s-sitwazzjoni f'Afrin, is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[2] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar iż-żieda ta' żewġ ministri fil-lista tas-sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Sirja, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenza tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun u l-konferenzi preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, li saru Londra, il-Kuwajt, Berlin u Helsinki,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Frar 2018 u tat-2 ta' Marzu 2018, kif ukoll l-aġġornament orali tiegħu tas-7 ta' Marzu 2018 dwar l-attivitajiet tal-uffiċċju tiegħu u dwar żviluppi reċenti rigward id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-20 ta' Frar u tal-24 ta' Frar 2018 attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali dwar il-Lvant ta' Ghouta fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015, ir-riżoluzzjoni 2393 (2017) tad-19 ta' Diċembru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta' forniment ta' għajnuna li jaqsmu l-fruntieri u l-fronti tal-ġlied fis-Sirja u r-riżoluzzjoni 2401 (2018) tal-24 ta' Frar 2018 dwar waqfien tal-ostilitajiet ta' 30 jum fis-Sirja biex tkun tista' titwassal l-għajnuna umanitarja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Marzu 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant ta' Ghouta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A-71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-21 ta' Diċembru 2016, dwar Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll dawk tat-tribunali ad hoc, inkluż it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, mir-Russja u mit-Turkija, fis-6 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni fl-2017 intitolat "Ilħna mis-Sirja 2018 – Sejbiet tal-Valutazzjoni mill-Eżami Globali dwar il-Ħtiġijiet Umanitarji",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carnegie Middle East Center, tal-5 ta' Marzu 2018, dwar il-laqgħa, skont rapporti, tal-kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali Sirjana, Ali Mamlouk, li huwa inkluż fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE, mal-Ministru tal-Intern Taljan u mad-Direttur tal-Aġenzija għall-Informazzjoni u s-Sigurtà Esterna f'Ruma, fi ksur flagranti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt ċivili fis-Sirja, li beda seba' snin ilu, għadu għaddej, minkejja d-diversi sforzi internazzjonali li saru biex jiżguraw waqfien mill-ġlied u jistabbilixxu l-bażi għal soluzzjoni negozjata; billi, bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż għadha devastanti; billi 13-il miljun ruħ, li minnhom 6 miljuni huma tfal, huma rreġistrati bħala persuni li jeħtieġu xi forma ta' għajnuna umanitarja; billi 6,1 miljun ruħ huma spostati internament, 3 miljun ċivil jgħixu f'żoni assedjati u aktar minn 5 miljun ruħ huma rreġistrati bħala rifuġjati Sirjani li jirrisjedu fir-reġjuni tal-madwar; billi mill-inqas 400 000 Sirjan tilfu ħajjithom matul il-kunflitt;

B.  billi żoni u bliet, bħal Idlib, il-Lvant ta' Ghouta, Yarmouk, Foua u Kefraya, ilhom ħafna żmien isofru mblokki, b'konsegwenzi serji għall-popolazzjoni ċivili u bl-ebda possibbiltà li jsirulhom forniment ta' għajnuna umanitarja b'mod sostenibbli minħabba l-offensiva militari u l-bumbardamenti mir-reġim Sirjan fil-konfront tal-poplu tiegħu stess bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran; billi l-Lvant ta' Ghouta ilu ħames snin taħt assedju mir-reġim Sirjan u mill-alleati tiegħu, u ċ-ċivili, fosthom tfal, l-iskejjel u l-istrutturi mediċi huma suġġetti għal bumbardamenti mill-ajru, attakki tal-artillerija u l-użu ta' armi kimiċi, li kkawżaw mijiet ta' mwiet fl-inħawi; billi l-gruppi terroristiċi fil-Lvant ta' Ghouta ġew akkużati li bbumbardjaw id-distretti ċivili ta' Damasku;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta tant hija kritika li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, iddeskrivieha bħala "infern fuq wiċċ id-dinja"; billi n-nies li jgħixu fil-Lvant ta' Ghouta ilhom maqtugħin minn kwalunkwe forma ta' għajnuna mill-14 ta' Frar 2018 minħabba mblokk, meta konvoj wieħed wasal għand mhux aktar minn 7 200 ruħ mill-400 000 ruħ li jgħixu fiż-żona; billi konvoj tal-għajnuna tan-NU fl-aħħar irnexxielu jidħol Douma fil-5 ta' Marzu u laħaq lil 27 500 ruħ fil-bżonn ta' provvisti alimentari u mediċi; billi r-reġim Sirjan neħħa materjal mediku fundamentali mill-konvoj;

D.  billi fl-24 ta' Frar 2018 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-riżoluzzjoni 2401, li fiha l-Kunsill talab li l-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu minnufih l-ostilitajiet għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv biex jippermettu l-forniment sikur, kontinwu u mingħajr ostakli tal-assistenza umanitarja u l-evakwazzjonijiet mediċi ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku, f'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli; billi r-riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU ma ġietx rispettata mir-reġim Sirjan u mill-forzi Russi u Iranjani, minkejja l-appelli ripetuti tal-komunità internazzjonali; billi l-militar qed juża l-pretest tal-"liberazzjoni" tar-reġjun biex jattakka ċ-ċivili; billi f'dawn l-aħħar snin ir-Russja użat il-veto għal 11-il riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża r-riżoluzzjoni li l-għan tagħha kien li ġġedded il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU f'Novembru 2017, u żvolġiet rwol attiv fil-limitazzjoni tal-kontenut tar-riżoluzzjonijiet;

E.  billi dawn l-attakki u t-tattika tal-gwerra li biha ċ-ċivili jitħallew imutu bil-ġuħ permezz ta' assedju f'żoni popolati kif ukoll l-ispostament furzat tal-popolazzjoni, anki għall-finijiet ta' bidla demografika, jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi t-tfixkil tal-isforzi għall-evakwazzjoni u għall-forniment ta' għajnuna umanitarja u ta' kura medika jikkostitwixxi vjolazzjonijiet sfaċċati tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll ta' bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

F.  billi l-Operazzjoni Torka "Fergħa taż-Żebbuġ" fil-provinċja ta' Afrin, li hija taħt il-kontroll tal-Kurdi, żiedet dimensjoni ġdida fil-kunflitt fis-Sirja, hekk li qajmet preokkupazzjonijiet umanitarji addizzjonali u inkwiet dwar l-impatti negattivi fuq il-bilanċi interni delikati fis-Sirja u/jew fuq il-ħidma lejn soluzzjoni negozjata; jenfasizza li diġà ġie rrapportat li kien hemm għadd kbir ta' vittmi ċivili, u li mijiet ta' ħajjiet ċivili oħrajn jinsabu f'riskju; billi l-VP/RGħ, f'isem l-UE, esprimiet dawn il-preokkupazzjonijiet b'mod ċar, hekk li talbet lill-Gvern Tork iwaqqaf l-offensiva tiegħu u saħqet fuq il-ħtieġa li l-isforzi jkunu kkonċentrati biex jingħelbu l-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU;

G.  billi l-vjolazzjonijiet kommessi matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u mill-alleati tiegħu, u minn gruppi terroristiċi, jinkludu attakki mmirati u indiskriminati fuq ċivili, anki bl-użu ta' armi kimiċi, qtil extraġudizzjarju, tortura u trattament ħażin, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki fuq persunal mediku u tiċħid ta' ikel u ilma u għajnuna medika; billi dawn id-delitti s'issa baqgħu mingħajr kastig;

H.  billi l-ISIS/Da'esh u movimenti ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, fosthom eżekuzzjonijiet brutali u vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u tal-bniet; billi t-tfal qed jiġu rreklutati u użati f'attivitajiet terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar l-użu ta' ċivili bħala tarki umani fiż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-estremisti; billi dawn id-delitti jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

I.  billi, fis-sitwazzjoni attwali, l-oppożizzjoni demokratika hija mdgħajfa u ċ-ċivili huma maqbuda bejn it-terroristi ġiħadisti u l-fundamentalisti Iżlamiċi, minn naħa waħda, u s-sostenituri tar-reġim ta' Assad, min-naħa l-oħra;

J.  billi fis-26 ta' Frar 2018 il-Kunsill żied lill-Ministru tal-Industrija u lill-Ministru tal-Informazzjoni tal-Gvern tas-Sirja fil-lista tal-persuni milquta mill-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

K.  billi huwa l-obbligu tal-komunità internazzjonali u tal-Istati individwali li dawk responsabbli jagħtu kont tal-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali kommessi matul il-kunflitt Sirjan, anki permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali kif ukoll tad-dritt nazzjonali; billi dan jista' jsir jew abbażi ta' rimedji nazzjonali u internazzjonali eżistenti, inklużi l-qrati nazzjonali u t-tribunali internazzjonali, jew ta' tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jiġu stabbiliti; billi, minbarra tali responsabbiltà kriminali personali, anki l-Istati jistgħu jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni, f'ċerti kundizzjonijiet, għall-ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom għandha ġurisdizzjoni l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, inklużi l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

L.  billi l-UE għadha impenjata favur is-suċċess tan-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, magħrufa bħala l-proċess ta' Ġinevra; billi l-UE għadha tappoġġja dan il-proċess, anki permezz tal-organizzazzjoni tat-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun, li se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018;

M.  billi n-negozjati li saru Ġinevra s'issa ma wasslux għal progress biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi fis-Sirja, wara d-disa' ċiklu fi Vjenna fil-25 u s-26 ta' Jannar 2018; billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim fil-Każakistan biex jistabbilixxu erba' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt, li ma ġewx rispettati u protetti mill-garanti; billi l-Kungress tad-Djalogu Nazzjonali Sirjan li sar Sochi fit-30 ta' Jannar 2018 ħabbar il-ħolqien ta' Kumitat Kostituzzjonali, li ma ġiex aċċettat mill-partijiet kollha;

N.  billi s-sitwazzjoni fis-Sirja u n-nuqqas ta' tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva għadhom jimpedixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja u, b'mod partikolari, l-assistenza sostanzjali li l-Unjoni tista' tipprovdi għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż;

O.  billi, mindu faqqgħet il-gwerra, l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 10,4 biljun biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw mill-kriżi Sirjana, kemm internament kif ukoll esternament fir-reġjun tal-madwar, u b'hekk l-UE hija l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat u faħħret ukoll b'mod sostanzjali lill-pajjiżi ġirien li jospitaw lir-rifuġjati;

1.  Jikkundanna, għal darb'oħra u bl-akbar qawwa, l-atroċitajiet kollha u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali kommessi matul il-kunflitt, u b'mod partikolari l-atti mwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad, anki bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU; jiddeplora l-fatt li mill-inqas 400 000 ruħ inqatlu u eluf aktar sfaw midruba minħabba l-bumbardamenti, l-attakki tal-artillerija u mezzi militari oħra fis-Sirja tul is-seba' snin ta' kunflitt, u li miljuni ġew spostati, filwaqt li ċ-ċivili ma tħallewx ikollhom aċċess għal ikel, ilma, sanità u kura tas-saħħa bħala konsegwenza tal-assedji twal ta' żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda esponenzjali fil-vjolenza f'ħafna nħawi tal-pajjiż, bħalma huwa l-każ fil-Lvant ta' Ghouta, f'Afrin u f'Idlib;

2.  Jiddispjaċih ħafna għall-falliment tal-isforzi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali mġedda u intensiva sabiex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt; jenfasizza li l-komunità internazzjonali ma appoġġjatx biżżejjed lill-oppożizzjoni demokratika; jafferma mill-ġdid il-primat tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, biex tinkiseb tranżizzjoni politika ġenwina u inklużiva, skont ir-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, innegozjata mill-partijiet Sirjani kollha u bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jissottolinja l-importanza li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jibqa' impenjat favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Lvant ta' Ghouta, minkejja l-adozzjoni unanima tar-riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jistieden b'urġenza lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lir-reġim ta' Assad, lir-Russja u lill-Iran, jimplimentaw bis-sħiħ u b'urġenza din ir-riżoluzzjoni u jirrispettawha, filwaqt li jiżguraw il-forniment sikur, kontinwu u mingħajr ostaklital-assistenza umanitarja u l-evakwazzjoni ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku u t-tnaqqis tat-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana; jappoġġja bis-sħiħ l-appell biex il-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu minnufih l-ostilitajiet għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv; itenni l-appell lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Sirjani, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu lill-popolazzjoni Sirjana u jwaqqfu minnufih l-attakki kollha kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; jistieden lill-garanti kollha tal-waqfien mill-ġlied fiż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bil-għan li jintemmu l-vjolenza u d-delitti kommessi u li jiġi permess u ggarantit aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal dawn iż-żoni; jieħu nota tad-deċiżjoni mit-tliet pajjiżi tal-Proċess ta' Astana li jorganizzaw summit ġdid f'April biex jiddiskutu s-Sirja u l-passi potenzjali fir-reġjun; jenfasizza li dawn il-passi ma għandhom bl-ebda mod jikkontradixxu jew jimminaw it-taħditiet sponsorizzati min-NU / il-proċess ta' Ġinevra;

4.  Ifakkar lir-reġimi tas-Sirja, tar-Russja u tal-Iran li huma responsabbli fil-qafas tad-dritt internazzjonali għad-delitti faħxija li qed ikomplu jikkommettu fis-Sirja, u li l-awturi ta' dawn id-delitti, kemm jekk Stati jew individwi, ikollhom jagħtu kont ta' għemilhom;

5.  Jiddispjaċih bil-qawwa għall-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà u għall-fatt li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU qabel ma skada fis-17 ta' Novembru 2017; iqis li din l-attitudni minn membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà b'responsabbiltà speċjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali hija waħda tal-mistħija; jenfasizza li, f'għajnejn id-dinja, l-ostakolar tal-investigazzjonijiet internazzjonali mhuwa xejn ħlief sinjal ta' ħtija;

6.  Għadu serjament inkwetat bis-sitwazzjoni f'Afrin li sejra għall-agħar, inkluż dwar il-possibbiltà ta' konfront bejn il-forzi Torok u dawk ta' Assad jew tar-Russja, u bit-tensjonijiet dejjem akbar mal-Istati Uniti; jistieden lill-Gvern Tork jirtira t-truppi tiegħu u jiżvolġi rwol kostruttiv fil-kunflitt Sirjan, fatt li huwa wkoll fl-interessi nazzjonali tat-Turkija; itenni l-pożizzjoni tal-VP/RGħ li l-ftuħ ta' fronti ġodda fis-Sirja mhuwiex fl-interess tas-sigurtà tat-Turkija u jwissi kontra deterjorament ulterjuri tal-kriżi umanitarja tal-pajjiż; jeżiġi r-rispett sħiħ tad-dritt umanitarju, b'mod partikolari l-protezzjoni taċ-ċivili, u jitlob waqfien mill-ġlied fis-Sirja kollha, u għalhekk anki f'Afrin;

7.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu favur l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra Da'esh; jissottolinja li s-sħab tal-forzi tal-Koalizzjoni u tas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb Da'esh fis-Sirja; ifakkar li kwalunkwe miżura meħuda biex jiġu miġġielda Da'esh u gruppi terroristiċi oħra rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU trid tirrispetta b'mod rigoruż id-dritt internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri u lill-alleati tagħhom jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ, għal darba oħra, li jkun hemm aċċess umanitarju sikur, f'waqtu u mingħajr restrizzjonijiet fit-territorju kollu tas-Sirja u jilqa' r-riżoluzzjoni 2393 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet l-awtorizzazzjoni tal-aċċess umanitarju li jaqsam il-fruntieri u l-fronti tal-kunflitt fis-Sirja għal 12-il xahar ieħor (sal-10 ta' Jannar 2019); jinkoraġġixxi lin-NU u lil sħabha fl-implimentazzjoni biex jibqgħu jieħdu passi ħalli jkattru l-kunsinni umanitarji f'żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu, inkluż billi jużaw, bl-aktar mod effikaċi possibbli, il-postijiet tal-qsim tal-fruntieri skont ir-riżoluzzjoni 2165 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; isostni l-appell biex tkun aċċelerata b'urġenza l-azzjoni umanitarja relatata mal-mini fis-Sirja kollha u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti mid-dritt umanitarju internazzjonali; jiddeplora d-diversi każijiet ta' abbuż sesswali u mġiba ħażina li nstab li twettqu fi ħdan organizzazzjonijiet tal-għajnuna internazzjonali, inkluż l-isfruttament sesswali tar-rifuġjati Sirjani minn dawk li kienu qed jagħtu l-għajnuna f'isem in-NU u f'isem organizzazzjonijiet internazzjonali magħrufa; jiddikjara bil-qawwa li ma għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal tali atti; iħeġġeġ li ssir investigazzjoni bir-reqqa u jenfasizza li l-persuni responsabbli jeħtiġilhom jiġu kkastigati;

9.  Jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti tal-waħx li ġew kommessi fis-Sirja, fosthom dawk kommessi fil-konfront tal-gruppi u tal-minoranzi reliġjużi, etniċi u ta' tip ieħor; itenni l-appell tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli, kif ukoll prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli, u jappoġġja l-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar delitti internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012; jinnota b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-UE li tagħti EUR 1,5 miljun f'appoġġ finanzjarju lill-mekkaniżmu permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-appoġġ se jkun meħtieġ lil hinn mit-18-il xahar li jdum il-programm; jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom, u jistenna li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-MIII titqajjem u tiġi riżolta fit-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun; jitlob, barra minn hekk, li jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs, li qed jiġbru l-provi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ksur tad-dritt umanitarju u jgħinu biex jippreservawhom;

10.  Għadu konvint li ma jista' jkun hemm l-ebda riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitt jew paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr responsabbiltà għad-delitti kommessi u jitlob l-adozzjoni ta' strateġija tal-UE dwar l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tad-delitti atroċi kommessi fis-Sirja; itenni l-appoġġ tiegħu għall-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fl-indirizzar tal-impunità u jilqa' l-passi meħuda minn għadd ta' Stati Membri tal-UE f'dan is-sens; jilqa' pożittivament ukoll l-inizjattivi min-naħa tal-Istati Membri biex jagħmlu l-vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali reat skont id-dritt nazzjonali tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jeżaminaw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-possibbiltà li jinħoloq tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sa ma jsir b'suċċess riferiment lill-QKI; josserva l-ħidma importanti tan-netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u jistieden lill-VP/RGħ u lid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi jsostnu u jinkludu lin-netwek fl-isforzi futuri ta' rendikont rigward is-Sirja;

11.  Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-gruppi u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara u l-persuni spostati, biex ikomplu jgħixu jew jirritornaw fit-territorji li fihom joqogħdu storikament u tradizzjonalment, b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u biex jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġja d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

12.  Huwa mwaħħax bl-għajbien ta' Razan Zaitouneh, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, li, skont rapporti, inħatfet f'Douma f'Diċembru 2013 mill-grupp armat Jaysh al-Islam; jitlob il-ħolqien ta' task force tal-UE inkarigata li tikkoordina u tintensifika l-isforzi biex jinstab il-post fejn hi miżmuma u tiżgura r-rilaxx tagħha;

13. Jistieden lill-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tagħti spinta lit-taħditiet ta' paċi bil-medjazzjoni tan-NU, u teżiġi rwol aktar attiv f'dawn in-negozjati, billi tuża l-kapaċità finanzjarja u r-rieda tal-UE li talloka riżorsi sinifikanti għar-rikostruzzjoni tas-Sirja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tinvolvi aktar mill-qrib u tappoġġja attivament lis-soċjetà ċivili Sirjana u lil dawk li jridu Sirja demokratika, pluralistika u inklużiva, fl-isforzi tagħha għall-futur tal-poplu Sirjan, u dan għandu jibda jsir mit-tieni Konferenza ta' Brussell li se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018; iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem mal-poplu Sirjan favur l-iżvilupp ta' strateġiji lokalizzati għar-rikostruzzjoni tad-diversi reġjuni tas-Sirja; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-opzjonijiet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, inklużi l-paraxutaġġ ta' kunsinni tal-għajnuna u l-istabbiliment ta' żoni ta' divjet ta' titjiriet abbażi ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

14.  Jilqa' ż-żamma tat-tieni Konferenza ta' Brussell ospitata mill-UE bil-għan li jiġi espress u implimentat l-appoġġ politiku u ekonomiku sħiħ tal-komunità internazzjonali għall-proċess ta' Ġinevra għas-Sirjani fil-bżonn u għall-pajjiżi li jospitaw rifuġjati Sirjani; jirrikonoxxi s-solidarjetà impressjonanti li l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija wrew mar-rifuġjati u jitlob li jitqawwa l-potenzjal tal-appoġġ finanzjarju min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri maħsub biex jindirizza l-bżonnijiet urġenti tar-rifuġjati u tal-komunitajiet ta' akkoljenza; iwissi kontra l-bidu ta' kwalunkwe sforz ta' rikostruzzjoni qabel ma jkun hemm fis-seħħ ftehim politiku nnegozjat min-NU li jinvolvi lill-partijiet kollha; jistieden lill-VP/RGħ tinkludi b'mod aktar sħiħ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'din il-konferenza; jitlob, f'dan ir-rigward, żieda tal-appoġġ favur l-organizzazzjonijiet paċifiċi u demokratiċi tas-soċjetà ċivili Sirjana u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-Fond Madad, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji pendenti tagħha ta' appoġġ umanitarju fis-Sirja u fil-pajjiżi tal-madwar;

15.  Jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tagħi appoġġ umanitarju u tippjana l-ġejjieni tas-Sirja huma ta' min ifaħħarhom; ifakkar li, konformement mal-istrateġija tagħha, l-UE impenjat ruħha li ma tagħtix assistenza inkundizzjonata lir-rikostruzzjoni tas-Sirja, iżda tagħtiha biss meta tkun bdiet b'mod sod tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva, innegozjata mill-partijiet Sirjani fil-kunflitt abbażi tar-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Komunikat ta' Ġinevra; jissottolinja li r-reġim ta' Assad, ir-Russja ta' Putin u l-Iran għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-interventi militari tagħhom; josserva li kwalunkwe impenn għar-rikostruzzjoni, ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq u fuq ir-responsabilizzazzjoni tal-atturi lokali – u b'hekk ikunu esklużi gruppi terroristiċi magħrufa – irid jintuża biex jikkontribwixxi għall-paċi u għall-obbligu ta' rendikont;

16.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tfal fil-ġlied jew f'attakki terroristiċi; jisħaq fuq l-importanza fundamentali li t-tfal jiġu protetti u li tingħata prijorità lill-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, inklużi t-tfal rifuġjati f'pajjiżi tal-madwar, kif ukoll li tiġi appoġġjata r-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati;

17.  Jesprimi tħassib dwar ir-ritorn irrapportat ta' 66 000 rifuġjat lejn is-Sirja fl-2017 u jissottolinja l-ħtieġa li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rrispettat bis-sħiħ; jenfasizza li s-Sirja mhijiex pajjiż sikur għar-ritorn tar-rifuġjati u li l-UE jeħtiġilha ma tappoġġjax tali ritorni; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom, inklużi dawk stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' New York, u jiżguraw il-qsim tar-responsabbiltà, b'tali mod li jħallu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-madwar dirett, inkluż permezz ta' skemi ta' risistemazzjoni u ta' ammissjoni umanitarja;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda mal-lista tal-persuni fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan, fis-26 ta' Frar 2018, ta' żewġ ministri Sirjani li nħatru f'Jannar 2018 u li għandhom responsabbiltà għal azzjoni repressiva kontra l-poplu tas-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, partikolarment l-iffriżar tal-assi tal-individwi elenkati fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh; jikkundanna r-rapporti reċenti ta' vjolazzjonijiet ta' din id-deċiżjoni u jfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom, fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, li jiżguraw l-arrest u d-detenzjoni tas-suspetti ta' delitti atroċi preżenti fit-territorju tagħhom; jappella biex jiġu imposti sanzjonijiet immirati fuq l-uffiċjali Russi u Iranjani wara l-azzjonijiet immirati u deliberati tagħhom kontra l-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant ta' Ghouta kif ukoll fil-bqija tas-Sirja;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, filwaqt li tkun żgurata wkoll traduzzjoni Għarbija ta' dan it-test.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza