Proċedura : 2018/2632(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0165/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0165/2018

Dibattiti :

PV 15/03/2018 - 8.3
CRE 15/03/2018 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0081

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 442kWORD 52k
14.3.2018
PE616.111v01-00}
PE616.112v01-00}
PE616.113v01-00}
PE616.116v01-00}
PE616.119v01-00} RC1
 
B8-0165/2018}
B8-0166/2018}
B8-0167/2018}
B8-0170/2018}
B8-0173/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0165/2018)

PPE (B8-0166/2018)

GUE/NGL (B8-0167/2018)

ALDE (B8-0170/2018)

S&D (B8-0173/2018)


dwar il-qtil għall-mogħdrija fl-Uganda (2018/2632(RSP))


Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, Csaba Sógor, Tunne Kelam, Milan Zver, Patricija Šulin, Romana Tomc, Željana Zovko, David McAllister, Eva Maydell, Elisabetta Gardini, Bogdan Brunon Wenta, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Krzysztof Hetman, Pavel Svoboda, Inese Vaidere, Roberta Metsola, Deirdre Clune, Ivana Maletić, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Lorenzo Cesa, Dubravka Šuica, Seán Kelly, Anna Záborská, Manolis Kefalogiannis, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Elmar Brok, László Tőkés, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyr f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Norbert Neuser f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Anna Elżbieta Fotyga, Branislav Škripek, Ryszard Czarnecki, Pirkko Ruohonen-Lerner, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Barbara Spinelli

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil għall-mogħdrija fl-Uganda (2018/2632(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Uganda hi pajjiż firmatarju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), adottata fl-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 tagħha, li b'mod espliċitu jistipulaw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabilità, u d-dritt għall-ħajja;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), adottata fl-2006, u b'mod partikolari l-Artikolu 32 tagħha, li jgħid li l-partijiet kollha jridu jinkludu d-diżabilità u l-persuni b'diżabilità fl-isforzi tagħhom ta' kooperazzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità, tal-14 ta' April 2014 u tal-14 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jipprojbixxu kull forma ta' diskriminazzjoni, kif ukoll l-Artikoli 21 u 26 tal-Konvenzjoni, li jiddeskrivu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, adottata fit-23 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar id-Diżabilità, ippubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Bank Dinji f'Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' April 2016, bit-titlu "Committee on the Rights of Persons with Disabilities considers report of Uganda" (Il-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità jeżamina r-rapport tal-Uganda),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 65/186 u 64/131 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) bl-isem "Realising the Millennium Development Goals for persons with disabilities towards 2015 and beyond" (Nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-Persuni b'Diżabilità sas-sena 2015 u lil hinn minnha),

–  wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida tal-UE dwar id-Diżabilità u l-Iżvilupp għad-Delegazzjonijiet u s-Servizzi tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati fi New York fil-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' analiżi tal-Uganda tal-1 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 bit-titolu "Ensuring that no one is left behind" (Niżguraw li ħadd ma jibqa' lura), li ġie ppreżentat lill-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-NU fi New York,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006(1) dwar id-diżabilità u l-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-"qtil għall-mogħdrija" fl-Uganda hu prattika fejn il-ġenituri ta' tfal b'diżabilità joqtluhom, iħalluhom imutu bil-ġuħ jew iċaħħduhom mill-attenzjoni medika għax jemmnu li dawn it-tfal aħjar mejtin milli jkollhom jissaportu diżabilità doloruża u inkurabbli;

B.  billi l-Uganda mhijiex l-uniku pajjiż li qed tissielet ma' din il-problema; billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għamlu progress sinifikanti, għalkemm mhux komplut, rigward l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fi proġetti għall-iżvilupp;

C.  billi xi ġenituri ammettew li l-att tal-"qtil għall-mogħdrija" hu meħtieġ biex isalva lit-tfal b'diżabilità minn tbatija kbira matul ħajjithom kollha; billi minkejja x-xhieda ta' xi ommijiet jew superstiti, il-prattika għadha tabù;

D.  billi l-istigma soċjali fl-Uganda tant hi qawwija li l-ommijiet u t-tfal jiġu miċħuda mill-komunità, li tattribwilhom status soċjali baxx u ma tippermettilhomx jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà; billi teżisti pressjoni fuq l-ommijiet biex joqtlu lil uliedhom wara li jkunu qattgħu snin jissieltu mal-isforz u s-sagrifiċċji relatati mal-indokrar ta' tifel jew tifla b'diżabilità;

E.  billi t-twemmin dwar tfal li jitwieldu b'diżabilità jpoġġihom f'riskju akbar ta' vjolenza u ta' qtil meta mqabbla ma' tfal mingħajr diżabilità; billi t-tfal b'diżabilità għadhom soġġetti għal bosta forom ta' vjolenza, diskriminazzjoni u emarġinazzjoni minħabba l-attitudni negattiva, is-superstizzjoni, in-negliġenza u n-normi u l-prattiki soċjali; billi l-akbar theddida għat-tfal b'diżabilità tinħoloq minn twemmin qarrieq dwar il-kundizzjoni tagħhom, fosthom it-twemmin li l-preżenza tat-tifel jew tifla b'diżabilità se twassal għal aktar tfal li jbatu minn xi diżabilità;

F.  billi l-klannijiet u l-familji estiżi jagħmlu ħafna pressjoni fuq l-ommijiet, filwaqt li jfittxu li jifhmu l-kawżi tad-diżabilità u jitfgħu l-ħtija fuq l-omm; billi, f'xi każijiet, l-ommijiet tkeċċew mid-djar ta' żwieġhom talli kellhom tfal b'diżabilità;

G.  billi t-tobba u l-ħaddiema mediċi ma jistgħux jifhmu jew jispjegaw in-natura u l-kawża tal-fraġilità tat-tfal, u billi s-sistema tal-kura tas-saħħa mhix mgħammra biżżejjed biex jiġu ddjanostikati u ttrattati ħafna tipi ta' diżabilità li jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati; billi ċ-ċaħda ta' drittijiet bażiċi għat-tfal b'diżabilità, bħalma huma l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-appoġġ u r-riabilitazzjoni, ixxekkel ħafna l-ħila tagħhom li jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom;

H.  billi l-Uganda hi wieħed mill-162 stat parti tas-CRPD; billi l-Uganda rratifikat il-Konvenzjoni u l-Protokoll Fakultattiv tagħha fil-25 ta' Settembru 2008 mingħajr riżervi; billi l-Uganda impenjat ruħha li tagħti lill-persuni b'diżabilità l-istess drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini l-oħra kollha;

I.  billi f'April 2016, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità analizza l-imġiba tal-Uganda fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-CRPD, u fassal osservazzjonijiet konklużivi u rakkomandazzjonijiet, li skonthom, il-Kumitat innota bi tħassib li l-leġiżlazzjoni u l-politiki jonqsu milli jipprovdu protezzjoni għad-drittijiet tat-tfal b'diżabilità, u li l-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' informazzjoni rigward is-sitwazzjoni ta' tfal neqsin mis-smigħ u ta' tfal neqsin mis-smigħ u mid-dawl, u dwar miżuri li jiżguraw il-protezzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà;

J.  billi l-Gvern tal-Uganda għandu għadd ta' liġijiet u politiki li fihom klawsoli dwar id-diżabilità; billi l-pajjiż għandu leġiżlazzjoni speċifika relatata mad-diżabilità; billi d-definizzjoni ta' diżabilità tista' tvarja bejn leġiżlazzjoni u oħra;

K.  billi tnejn mill-ikbar ostakli għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà fl-Uganda huma l-inviżibilità tagħhom u l-attitudni negattiva lejhom; billi l-fatt li jkollok tfal b'diżabilità hu raġuni għall-esklużjoni soċjali tal-familja, u b'mod partikolari tal-ommijiet, għax it-tfal b'diżabilità huma meqjusa bħala sors ta' għajb u dgħufija għall-familja;

L.  billi jeżistu ftit faċilitajiet ta' appoġġ immexxija mill-istat għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità f'partijiet mill-Uganda rurali, u billi bħala konsegwenza l-familji, b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, sikwit isibuha diffiċli biex jindukraw b'mod adegwat lill-uliedhom b'diżabilità;

M.  billi m'hemm l-ebda figuri uffiċjali disponibbli peress li la l-pulizija u lanqas is-sistema ġudizzjarja fl-Uganda mhuma jinvestigaw dan il-fenomenu; billi n-nuqqas ta' statistika jikkomplika l-ġlieda kontra l-prattika tal-"qtil għall-mogħdrija";

N.  billi l-ħidma tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali biex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-gruppi emarġinati u vulnerabbli; billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Uganda jħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet u ostakli biex jipprovdu servizzi lit-tfal b'diżabilità u l-ġenituri tagħhom; billi l-ħafna ideat żbaljati dwar it-tfal b'diżabilità jirrappreżentaw sfida għall-isforzi ta' żvilupp u għall-ħidma tal-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda;

O.  billi l-assoċjazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità għandhom rwol partikolari x'jiżvolġu billi jirrappreżentaw u jwasslu l-interessi speċifiċi tal-persuni b'diżabilità quddiem il-politiċi u l-pubbliku ġenerali; billi hemm nuqqas ta' informazzjoni disponibbli biex il-pubbliku ġenerali jsir konxju mill-prattiki kulturali li jistigmatizzaw u jfixklu l-iżvilupp tal-persuni b'diżabilità u l-possibilità li dawn igawdu l-istess drittijiet bħal kull persuna oħra fis-soċjetà;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil inġustifikabbli u inuman ta' tfal u trabi tat-twelid b'diżabilità; jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar il-"qtil għall-mogħdrija" mwettaq fuq it-tfal b'diżabilità fl-Uganda u fil-pajjiżi kollha fejn isir; jappella biex jintemmu dawn l-atti ta' vjolenza, moħqrija u tortura fil-konfront tat-tfal;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda u l-pajjiżi kollha fejn isir dan il-qtil ritwalistiku u "għall-mogħdrija" fil-konfront tat-tfal biex jimpenjaw ruħhom sabiex jindirizzaw it-twemmin superstizzjuż li jagħmel il-ħsara u li jipperpetwa dawn l-atti kontra t-tfal;

3.  Ifakkar li r-responsabilità primarja ta' Stat hija li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu, inklużi l-gruppi vulnerabbli; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Uganda fl-obbligu tagħhom li josservaw il-Kostituzzjoni ta' pajjiżhom, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 32, kif ukoll l-Artikolu 35(1) li jgħid li l-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt għar-rispett u d-dinjità tal-bniedem u li l-Istat u s-soċjetà għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jilħqu l-potenzjal mentali u fiżiku sħiħ tagħhom;

4.  Ifakkar id-dover speċifiku tal-Parlament tal-Uganda lejn il-persuni b'diżabilità, inkorporat fl-Artikolu 35(2) tal-Kostituzzjoni, li jgħid li l-Parlament għandu jgħaddi liġijiet xierqa għall-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Gvern tal-Uganda jappoġġja l-azzjonijiet kollha meħuda favur it-titjib tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità;

5.  Jitlob appoġġ għall-familji tal-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jrabbu lil uliedhom f'darhom; jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżviluppa servizzi ta' appoġġ ta' kwalità għall-familji bi tfal b'diżabilità fil-pajjiż kollu kemm hu, inkluż biżżejjed appoġġ finanzjarju u benefiċċji għall-familji biex jieħdu ħsieb it-tfal b'diżabilità tagħhom;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li titqajjem kuxjenza soċjali u tingħata informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll li jiġu organizzati korsijiet ta' taħriġ biex il-ġenituri u l-indokraturi tat-tfal b'diżabilità jingħataw appoġġ, informazzjoni u pariri sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawn it-tfal fil-komunità;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżgura li t-tobba li jiġu f'kuntatt dirett mal-persuni b'diżabilità u l-problemi mediċi tagħhom ikunu mħarrġa u sensibilizzati adegwatament dwar il-bżonnijiet ta' dawn il-pazjenti,

8.  Jilqa' l-ħolqien tal-Att dwar il-Kummissjoni għall-Opportunitajiet Indaqs tal-2007, li għandu l-għan li jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-gruppi emarġinati, inklużi l-persuni b'diżabilità;

9.  Jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Uganda (UHRC) fil-qafas tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda tal-1995; ifakkar ir-rwol tagħha li, fost l-oħrajn, toħloq u ssaħħaħ l-għarfien tas-soċjetà dwar id-dispożizzjonijiet ta' din il-kostituzzjoni bħala l-liġi fundamentali tal-poplu tal-Uganda u twettaq monitoraġġ tal-konformità tal-Gvern mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jistieden lill-UHRC tiżviluppa pjan nazzjonali konkret li jiggwida l-funzjoni ta' monitoraġġ tagħha u jippromwovi interazzjoni aktar strutturata u istituzzjonalizzata mal-organizzazzjonijiet kollha tal-persuni b'diżabilità fil-pajjiż;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-reġistrazzjoni tat-tfal kollha mat-twelid, inklużi dawk b'diżabilità;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jsaħħu l-isforzi biex titqajjem aktar kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dinjità tat-tfal b'diżabilità fl-Uganda; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tal-edukazzjoni biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni; jenfasizza b'insistenza r-rwol ewlieni tal-assoċjazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità biex titqajjem kuxjenza dwar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom;

13.  Jenfasizza li l-midja għandu jkollha rwol aktar attiv fil-ġlieda kontra l-istereotipi u fil-promozzjoni tal-inklużjoni; jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali jiżguraw u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-midja, il-politiki edukattivi u l-kampanji pubbliċi;

14.  Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd dejjem akbar ta' attakki fiżiċi fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, bħalma hu l-Human Rights Awareness and Promotion Forum; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ugandiżi jiggarantixxu s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iressqu l-qorti lil min jattakkahom u jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr theddid u ostakli;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tal-Gvern, tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili tal-Uganda biex jifformulaw u jimplimentaw politiki li jindirizzaw il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, abbażi tan-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u għal servizzi soċjali oħrajn;

16.  Jappella biex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi żviluppati; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma, flimkien ma' donaturi internazzjonali oħrajn, sabiex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin dwar l-inklużjoni tat-tfal b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tonora bis-sħiħ l-impenji tagħha skont l-Artikolu 32 tas-CRPD;

17.  Jistieden lill-UE tisfrutta l-influwenza politika pprovduta mill-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-programmi ta' appoġġ baġitarju, biex issaħħaħ id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk tistax tingħata assistenza aħjar – permezz ta' finanzjament jew permezz tal-koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet lokali – biex titjieb l-għajnuna medika għat-tfal b'diżabilità sabiex il-familji tagħhom jingħataw l-għajnuna urġenti li jeħtieġu;

18.  Jenfasizza li l-politiki tal-inklużjoni għandhom jiġu promossi fil-fora kollha rilevanti internazzjonali u tan-NU, peress li bħalissa l-kwistjoni tad-diżabilità hija nieqsa minn ħafna diskussjonijiet internazzjonali ta' livell għoli u jeħtieġ tingħata prominenza fl-aġenda politika;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Uganda u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.

 

 

(1)

ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 336.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza