MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
18.4.2018 - (2018/2663(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8-0191/2018)
S&D (B8-0207/2018)
ALDE (B8-0209/2018)
Verts/ALE (B8-0210/2018)
ECR (B8-0211/2018)
Cristian Dan Preda, Lars Adaktusson, Patricija Šulin, Francis Zammit Dimech, Milan Zver, Csaba Sógor, Tomáš Zdechovský, Jarosław Wałęsa, Romana Tomc, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Elisabetta Gardini, Giovanni La Via, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krzysztof Hetman, Željana Zovko, Bogdan Brunon Wenta, Sandra Kalniete, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Ivana Maletić, Laima Liucija Andrikienė, Seán Kelly, Julia Pitera, Inese Vaidere, László Tőkés, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Norbert Neuser f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga, Anders Primdahl Vistisen f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic f'isem il-Grupp ALDE
Tamás Meszerics, Jakop Dalunde, Bart Staes, Helga Trüpel, Alyn Smith, Rebecca Harms, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Rosa D’Amato, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Agea, Eleonora Evi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u l-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tal-31 ta' Marzu 2018, u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tagħha tal-5 u s-7 ta' April u tad-19 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali António Guterres tal-5 ta' April 2018, u d-dik tal-kelliem tiegħu tat-30 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, tat-8 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU "Gaza Ten Years Later" ("Gaża Għaxar Snin Wara") ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-30 ta' Marzu 2018 fl-Istrixxa ta' Gaża, ingħata bidu għall-"Mixja l-Kbira tar-Ritorn" - protesta tal-massa organizzata kull ġimgħa għal sitt ġimgħat minn gruppi tas-soċjetà ċivili; billi l-Ħamas u fazzjonijiet Palestinjani oħra appellaw lill-popolazzjoni biex tingħaqad mal-mixja; billi l-awtoritajiet Iżraeljani rrapportaw li ntefgħu ġebel u bombi tan-nar kontra l-forzi tad-difiża tagħhom u li xi dimostranti ppruvaw jagħmlu l-ħsara lir-reċint ma' Iżrael;
B. billi fit-30 ta' Marzu, fis-6 ta' April u fit-13 ta' April 2018, il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani fetħu n-nar fuq id-dimostranti bl-użu ta' munizzjon attiv; billi kważi 30 Palestinjan inqatlu u aktar minn 2 000 indarbu, inklużi bosta tfal u nisa;
C. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, il-VP/RGħ Federica Mogherini u għadd ta' atturi internazzjonali oħrajn talbu li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar dawn l-avvenimenti vjolenti, b'mod speċjali fir-rigward tal-użu ta' munizzjon attiv;
D. billi l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi jippermettu l-użu letali tal-armi tan-nar biss fiċ-ċirkostanzi previsti fil-Prinċipju 9 tagħhom;
E. billi l-Ħamas huwa fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u jappella għall-qerda ta' Iżrael; billi l-isparar ta' rockets mill-Istrixxa ta' Gaża lejn it-territorju Iżraeljan għadu għaddej; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fl-attakki terroristiċi kontra Iżrael bl-eskalazzjoni ta' inċidenti militari f'Gaża u fil-madwar;
F. billi, skont data tan-NU, 1,3 miljun ruħ f'Gaża huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, 47 % tal-familji jbatu minn nuqqas gravi jew moderat ta' sigurtà alimentari, 97 % tal-ilma tal-vit mhuwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem, 80 % tal-bżonnijiet tal-enerġija mhumiex ssodisfati, u aktar minn 40 % tal-popolazzjoni fiż-żona jinsabu qiegħda;
G. billi l-Ħamas qed ikompli jżomm lill-popolazzjoni taħt il-kontroll u l-pressjoni tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża, li għadha ċ-ċentru tal-organizzazzjonijiet terroristiċi rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, huma ferm limitati mill-awtoritajiet immexxija mill-Ħamas; billi, lil hinn mill-imblokk, id-distakk bejn il-Palestinjani nfushom ikompli jnaqqas il-kapaċità tal-istituzzjonijiet lokali f'Gaża li jipprovdu servizzi bażiċi; billi l-attentat ta' qtil riċenti tal-Prim Ministru Palestinjan Rami Hamdallah matul iż-żjara tiegħu fiż-żona kompla jaggrava l-istaġnar fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni Palestinjana;
H. billi Avera Mengistu, li emigra lejn Iżrael mill-Etjopja, u Hisham al-Sayed, Bedwin Palestinjan minn Iżrael, li t-tnejn li huma għandhom diżabilitajiet psikosoċjali, hu mifhum li qed jinżammu f'detenzjoni illegali u f'iżolament fl-Istrixxa ta' Gaża; billi l-fdalijiet tas-suldati Iżraeljani Hadar Goldin u Oron Shaul għadhom qed jinżammu mill-Ħamas f'Gaża;
1. Jappella għall-akbar trażżin possibbli u jissottolinja li l-prijorità trid tkun li tiġi evitata l-eskalazzjoni ulterjuri tal-vjolenza u t-telf ta' ħajjiet;
2. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għat-telf ta' ħajjiet; jikkundanna l-qtil u l-korrimenti ta' dimostranti innoċenti Palestinjani fl-Istrixxa ta' Gaża matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat, u jħeġġeġ lill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani biex joqogħdu lura milli jużaw forza letali kontra dimostranti mhux armati; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-ħtieġa li jsir possibbli li tagħmir mediku jitwassal malajr lil dawk li għandhom bżonnu, u li jkunu permessi trasferimenti mediċi lejn sptarijiet barra minn Gaża għal raġunijiet umanitarji;
3. Jirrikonoxxi l-isfidi għas-sigurtà ta' Iżrael u l-ħtieġa għal protezzjoni tat-territorju u l-fruntieri tiegħu filwaqt li jintużaw mezzi proporzjonati; jikkundanna l-attakki terroristiċi mill-Ħamas u l-gruppi militanti oħra kontra Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, inkluż l-isparar ta' rockets, l-infiltrazzjoni fit-territorju Iżraeljan u l-bini ta' mini; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Ħamas jidher li għandu l-għan li jaggrava t-tensjonijiet; jikkundanna bil-qawwa t-tattika persistenti tal-Ħamas li juża ċ-ċivili bl-iskop li jservu ta' tarka għal attivitajiet terroristiċi;
4. Jenfasizza d-dritt tal-Palestinjani għal protesti paċifiċi bħala eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet fundamentali tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jistieden lil dawk li jmexxu l-protesti fl-Istrixxa ta' Gaża jevitaw kull inċitament għall-vjolenza u jiżguraw li kwalunkwe protesta, dimostrazzjoni u assemblea jibqgħu strettament mhux vjolenti u ma jkunux jistgħu jintużaw għal raġunijiet oħra; jistieden lil Iżrael jirrispetta dan id-dritt fundamentali għal protesti paċifiċi;
5. Jappoġġja s-sejħiet għal investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar dawn l-avvenimentivjolenti; jieħu nota tal-Mekkaniżmu ta' Valutazzjoni għas-Sejbien tal-Fatti stabbilit mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani biex jagħmel rieżami tal-azzjonijiet tal-istess Forzi u tal-inċidenti speċifiċi li seħħew fuq il-fruntiera bejn Iżrael u Gaża sa mit-30 ta' Marzu 2018; ifakkar fl-importanza tal-obbligu ta' rendikont u li l-użu intenzjonat ta' forza letali kontra d-dimostranti li ma joħolqux theddida imminenti għall-ħajja jew korriment serjujikser id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntest ta' okkupazzjoni huwa ksur serju tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;
6. Jinnota bi tħassib kbir it-twissija fir-rapporti varji tan-NU li l-Istrixxa ta' Gaża jaf issir inabitabbli sal-2020; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li s-settur tas-saħħa wasal biex jikkollassa, bl-isptarijiet jiffaċċjaw nuqqas sever ta' mediċini, tagħmir u elettriku; jappella għal sforz internazzjonali immedjat u sinifikanti għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta' Gaża, bil-għan li tittaffa l-kriżi umanitarja; ifaħħar il-ħidma tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) fl-għoti ta' għajnuna alimentari, aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u servizzi vitali oħra lill-popolazzjoni ta' 1,3 miljun rifuġjat Palestinjan fiż-żona;
7. Jappella biex jintemmu immedjatament u mingħajr kundizzjoni l-imblokk u l-għeluq tal-Istrixxa ta' Gaża, li rriżultaw fi kriżi umanitarja mingħajr preċedent li qed tiddeterjora fiż-żona;
8. Jitlob għal darb'oħra r-ritorn tal-Awtorità Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża sabiex tkun tista' tassumi l-funzjonijiet governattivi tagħha, li jridu jkunu prijorità; jistieden lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha jerġgħu jibdew l-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, li hija kruċjali wkoll biex titjieb is-sitwazzjoni tan-nies f'Gaża; jenfasizza li r-rikonċiljazzjoni Palestinjana, inklużi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li messhom ilhom li saru, hija importanti biex tinkiseb is-soluzzjoni ta' żewġ stati u għandha tkun appoġġjata mill-UE permezz ta' azzjoni innovattiva; jappella għad-diżarm tal-gruppi militanti kollha fl-Istrixxa ta' Gaża;
9. Jappella biex Avera Mengistu u Hisham al-Sayed jinħelsu u jiġu ritornati lejn Iżrael; jitlob li l-fdalijiet ta' Hadar Goldin u Oron Shaul jiġu ritornati u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jitlob li l-fdalijiet tal-Palestinjani maqtula jiġu ritornati;
10. Jistieden għal darb'oħra lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw għalkollox id-drittijiet tad-detenuti u tal-priġunieri;
11. Ifakkar li s-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża għandha titqies fil-kuntest usa' tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; itenni li l-objettiv primarju tal-UE huwa t-twettiq tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bi Stat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tar-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;
12. Jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali, huma l-uniku mod biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli u paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jemmen ukoll li t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi u l-inċitament favur il-vjolenza huma fundamentalment inkompatibbli mal-progress fir-rigward ta' soluzzjoni ta' żewġ stati paċifiċi; jinnota li, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja u tiġi evitata eskalazzjoni li ddgħajjef ulterjorment il-prospettivi għall-paċi, huwa kritiku li jiġi rispettat l-impenn favur azzjoni effikaċi kontra l-vjolenza, it-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għaliha;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-President u l-Gvern ta' Iżrael, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, u lill-President tal-Awtorità Palestinjana.