Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0198/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0198/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Filippini

18.4.2018 - (2018/2662(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8-0198/2018)
S&D (B8-0202/2018)
ECR (B8-0203/2018)
ALDE (B8-0205/2018)
Verts/ALE (B8-0206/2018)
GUE/NGL (B8-0208/2018)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin, Francis Zammit Dimech, Milan Zver, Csaba Sógor, Mairead McGuinness, Romana Tomc, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Elisabetta Gardini, Giovanni La Via, Adam Szejnfeld, Michaela Šojdrová, Tunne Kelam, Bogdan Andrzej Zdrojewski, David McAllister, Lars Adaktusson, Krzysztof Hetman, Željana Zovko, Bogdan Brunon Wenta, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Ivana Maletić, Laima Liucija Andrikienė, Seán Kelly, Deirdre Clune, Andrey Kovatchev, Julia Pitera, Marijana Petir, Inese Vaidere, László Tőkés, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Notis Marias, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek, Pirkko Ruohonen-Lerner, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Jakop Dalunde, Davor Škrlec, Heidi Hautala, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Miguel Urbán Crespo, Anne-Marie Mineur, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Tania González Peñas, Dimitrios Papadimoulis, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Malin Björk, Stelios Kouloglou, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2018/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0198/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0198/2018
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Rizoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Filippini

(2018/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016[1] u tas-16 ta' Marzu 2017[2],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliema tas-SEAE tas-16 ta' Marzu 2018 dwar il-Filippini u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE u tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal dwar il-valutazzjoni tal-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) tal-Filippini għall-perjodu 2016-2017, tad-19 ta' Jannar 2018 (SWD(2018)0032),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar l-akkużi magħmula mill-Gvern tal-Filippini li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem kienu involuti f'attivitajiet terroristiċi,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit kommemorattiv ASEAN-UE fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet ta' djalogu bejn l-ASEAN u l-UE, kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni ASEAN-UE (2018-2022),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2018 tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) tal-Parlament Ewropew, li qal li mhuwiex aċċettabbli li s-Senatur De Lima tinżamm il-ħabs mingħajr akkuża,

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

B.  billi mill-1 ta' Lulju 2016 'l hawn, ġie rrappurtat li fil-Filippini nqatlu madwar 12 000 persuna, fosthom nisa u tfal, waqt il-kampanja li għaddejja kontra d-droga, magħrufa internazzjonalment bħala "l-gwerra kontra d-droga" tal-President Duterte; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu fl-2022; billi l-UE għadha mħassba ferm dwar l-għadd kbir ta' persuni li nqatlu b'rabta mal-kampanja kontra d-droga fil-Filippini;

C.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, Victoria Tauli-Corpuz, ċittadina Filippina, ġiet akkużata b'terroriżmu u, flimkien ma' 600 individwu ieħor – fosthom mexxejja indiġeni u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – f'Marzu 2018 tpoġġiet fuq lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi mill-Gvern tal-Filippini; billi l-esperti tan-NU jgawdu mill-immunità legali; billi l-akkużi saru wara li Tauli-Corpuz ikkundannat l-attakki tal-armata fuq il-popli indiġeni Lumad f'Mindanao; billi Tauli-Corpuz innutat l-użu tal-fastidju, it-tortura u l-arresti fil-konfront ta' nies indiġeni li kienu qed iħarsu l-proprjetà tagħhom b'mod paċifiku;

D.  billi s-Senatur Leila de Lima, attivista tad-drittijiet tal-bniedem u l-aktar kritiku prominenti tal-kampanja kontra d-droga tal-President Duterte, tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat tas-Senat dwar il-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Settembru 2016 u ġiet arrestata fit-23 ta' Frar 2017; billi s-Senatur De Lima mexxiet l-investigazzjonijiet dwar il-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju f'Davao, fiż-żmien meta l-President Duterte kien sindku tal-belt; billi hemm tħassib serju li r-reati li ġiet mixlija bihom is-Senatur De Lima huma kważi għalkollox ivvintati u politikament motivati;

E.  billi l-attakki fil-konfront tal-popli indiġeni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini huma ta' tħassib serju; billi, fl-aħħar ta' Diċembru, in-NU wissiet dwar il-ksur massiċċ tad-drittijiet tal-bniedem li sofrew il-Lumad fil-gżira Filippina ta' Mindanao; billi l-esperti tan-NU jikkalkulaw li, minn Ottubru 2017 'l hawn, mill-inqas 2 500 Lumad sfaw spostati; billi hemm il-biża' li xi wħud minn dawn l-attakki huma motivati minn suspetti infondati li l-Lumad huma involuti fi gruppi terroristiċi, jew mir-reżistenza tagħhom għal attivitajiet minerarji fl-artijiet tal-antenati tagħhom;

F.  billi l-Filippini ffirmaw l-Istatut ta' Ruma fit-28 ta' Diċembru 2000 u rratifikawh fit-30 ta' Awwissu 2011; billi l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta bidu għal eżami preliminari tas-sitwazzjoni fil-Filippini, li fih se jiġu analizzati d-delitti li allegatament twettqu fil-pajjiż, tal-inqas mill-1 ta' Lulju 2016 'l hawn, fil-kuntest tal-"gwerra kontra d-droga" varata mill-Gvern tal-Filippini;

G.  billi fid-19 ta' Marzu 2018 il-QKI ġiet notifikata uffiċjalment min-NU li, fis-17 ta' Marzu 2018, il-Filippini kienu ddepożitaw notifika bil-miktub li biha rtiraw mill-Istatut ta' Ruma;

H.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini approvat abbozz ta' liġi biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi l-abbozz ta' liġi għad irid jirċievi l-approvazzjoni tas-Senat qabel ma l-President ikun jista' jiffirmah f'liġi; billi l-President Duterte ħadem attivament biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini ilhom parti fih mill-2007;

I.  billi l-Filippini jinsabu fil-111-il post minn fost 180 pajjiż, f'termini ta' korruzzjoni fil-Klassifikazzjoni tal-Korruzzjoni ppubblikata ta' kull sena minn Transparency International;

J.  billi s-soċjetà ċivili qed tingħata spazju dejjem iċken; billi huwa rrappurtat li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma' ambjent dejjem iktar ostili fil-Filippini; billi l-President Duterte għamel dikjarazzjonijiet fejn ħeġġeġ attakki mill-pulizija kontra gruppi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-persuni li jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-qtil extraġudizzjarju jiffaċċjaw ir-riskju li ma jitħallewx jidħlu fil-Filippini;

L.  billi l-President Duterte għamel għadd ta' dikjarazzjonijiet derogatorji u degradanti dwar in-nisa, u huwa rrappurtat li kemm-il darba ġġustifika l-istupru u ordna li jiġu sparati tiri fil-konfront tan-nisa;

M.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti regolarment iħabbtu wiċċhom ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza talli jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini; billi l-komunità LGBTI tħabbat wiċċha ma' fastidju kontinwu;

N.  billi l-Filippini huma benefiċjarji tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+) tal-Unjoni Ewropea;

O.  billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Filippini jitlob l-istabbiliment ta' djalogu sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-għamla ta' Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

1.  Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jwaqqaf immedjatament il-qtil extraġudizzjarju bl-iskuża tal-"gwerra kontra d-droga"; jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi armati u mill-gruppi ta' viġilanza b'rabta mal-kampanja kontra d-droga; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi tħassib serju dwar rapporti kredibbli li jgħidu li l-korp tal-pulizija tal-Filippini qed jiffalsifika l-evidenza biex jiġġustifika l-qtil extraġudizzjarju, u li dawk li qed jisfaw l-aktar fil-mira huma l-foqra taż-żoni urbani;

2.  Jinnota l-inizjattivi reċenti tal-gvern biex jiżgura approċċ aktar unifikat u integrat għall-isforzi kontra d-droga, abbażi tal-infurzar, il-ġustizzja, il-promozzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni; jilqa' r-Riżoluzzjoni tas-Senat Nru 516 irreġistrata fil-Filippini fil-25 ta' Settembru 2017, li fiha l-awtoritajiet jitħeġġu "jieħdu l-passi meħtieġa biex iwaqqfu s-sensiela ta' qtil, speċjalment ta' wliedna"; jistieden lill-gvern jagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar tad-droga u l-barunijiet il-kbar tad-droga, minflok ma jikkonċentra fuq il-konsumaturi żgħar; jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Filippini għandhom ikomplu l-ġlieda tagħhom kontra d-drogi illeċiti b'enfasi fuq is-saħħa pubblika u f'konformità sħiħa ma' proċess ġust, bi qbil mad-dritt nazzjonali u internazzjonali; jistieden lill-gvern jadotta politiki speċifiċi mhux vjolenti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu immedjatament investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi fir-rigward ta' dan il-qtil extraġudizzjarju u jieħdu passi kontra l-awturi tad-delitti u jressquhom quddiem il-ġustizzja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw investigazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti dwar il-qtil fil-Filippini, u biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex jeħilsu lis-Senatur Leila de Lima u biex jipprovdulha kundizzjonijiet ta' sigurtà u sanitarji adegwati matul id-detenzjoni; barra minn hekk, itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu proċess ġust u biex iwaqqgħu l-akkużi kollha politikament motivati miġjuba kontriha; jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ kontra s-Senatur De Lima;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jneħħu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mil-lista ta' terroristi, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u jippermettulhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-paċi; ifakkar lill-awtoritajiet Filippini li s-Sinjura Victoria Tauli-Corpuz tibbenefika mill-immunità skont il-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-1946;

6.  Jilqa' l-inizjattiva tal-QKI li tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' delitti kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil waqt il-"gwerra kontra d-droga"; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-eżami preliminari tiegħu dwar il-Filippini; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jagħti bidu għall-irtirar tiegħu mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni;

7.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti li terġa' ddaħħal il-piena tal-mewt; jistieden għal darb'oħra lill-awtoritajiet tal-Filippini jwaqqfu immedjatament il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena tal-mewt bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għal imġiba kriminali; jistieden lill-Gvern Filippin ma jbaxxix l-età minima għar-responsabilità kriminali;

8.  Jinsab allarmat dwar iż-żieda fil-livelli ta' korruzzjoni taħt l-amministrazzjoni Filippina attwali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan ir-rigward;

9.  Jikkundanna kull theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza kontra dawk li qed ifittxu li jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom f'ambjent favorevoli u mingħajr biża' ta' tpattija;

10.  Iħeġġeġ lill-Filippini ma jibqgħux jipprojbixxu d-dħul fil-pajjiż ta' persuni li huma pperċepiti bħala kritiċi tal-politiki tal-President Duterte;

11.  Iħeġġeġ lill-Filippini josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż fil-kuntest ta' kunflitt armat;

12.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet degradanti u misoġeni tal-President Duterte dwar il-ġellieda nisa; ifakkar lill-President li min jinkoraġġixxi lill-forzi statali jwettqu vjolenza sesswali waqt kunflitt armat ikun qed imur kontra d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-President jittratta lin-nisa b'rispett u jżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontra n-nisa;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu li jitolbu li r-Repubblika tal-Filippini titneħħa mill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti qabel jiskadi l-mandat attwali ta' sħubija tagħha fi tmiem l-2018;

14.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Filippini dwar l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-iskema SĠP+ u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' konformità; jenfasizza li, filwaqt li l-progress fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet SĠP+ huwa pożittiv ħafna, għad hemm tħassib qawwi b'rabta mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-gwerra kontra d-droga; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Filippini tas-16 ta' Marzu 2017, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jużaw l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, biex jikkonvinċu lill-Filippini jtemmu l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga u, fin-nuqqas ta' titjib sostantiv, jieħdu l-passi proċedurali li jistgħu jwasslu għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+; iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Filippini, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza