Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0259/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0259/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija

30.5.2018 - (2018/2712(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0259/2018 (ECR)
B8-0260/2018 (Verts/ALE)
B8-0261/2018 (EFDD)
B8-0262/2018 (S&D)
B8-0263/2018 (PPE)
B8-0268/2018 (ALDE)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Lefteris Christoforou, Marijana Petir, Tunne Kelam, Csaba Sógor, Laima Liucija Andrikienė, József Nagy, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Roberta Metsola, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Lars Adaktusson, Giovanni La Via, Elisabetta Gardini, Željana Zovko, Bogdan Brunon Wenta, Michaela Šojdrová, Adam Szejnfeld, Joachim Zeller, Seán Kelly, Deirdre Clune, Mairead McGuinness, Francis Zammit Dimech, Dubravka Šuica, Anna Záborská, László Tőkés, Sandra Kalniete, Ivana Maletić, Jiří Pospíšil, Andrey Kovatchev, Elmar Brok, Ramona Nicole Mănescu, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Jana Žitňanská, Notis Marias, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Linnéa Engström, Ana Miranda, Terry Reintke, Jordi Solé, Keith Taylor, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Daniela Aiuto, Aymeric Chauprade, Rolandas Paksas, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2018/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0259/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0259/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija

(2018/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq[1], tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi[2] u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr[3],

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2018 tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aħħar arresti fl-Arabja Sawdija, fosthom id-detenzjoni arbitrarja u l-għajbien, mingħajr proċess ġust, ta' Nawaf Talal Rasheed, prinċep mid-dinastija ta' Al-Rashid, u iben il-mejjet poeta Nawaf Talal bin Abdul Aziz Al-Rashid,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2018 tal-Presidenza tas-Sigurtà Statali tal-Arabja Sawdija dwar l-arrest ta' seba' persuni suspettati,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdida li tipprojbixxi l-fastidju, approvat mill-Kunsill Shura tal-Arabja Sawdija fit-28 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-livell domestiku u kemm fil-livell reġjonali, tas-sanzjonijiet imposti mill-Arabja Sawdija u minn pajjiżi oħra fuq il-Qatar u r-rapport dwar l-impatt tal-Kriżi tal-Golf fuq id-drittijiet tal-bniedem ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) f'Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, kif ukoll is-sħubija futura tagħha fil-Kunsill Eżekuttiv tas-CSW minn Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-Kummissarju Christos Stylianides, f'isem il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fid-dibattitu tal-4 ta' Lulju 2017 fil-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Arabja Sawdija bħala membru tas-CSW,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tad-9 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa rigward it-tielet u r-raba' rapporti perjodiċi dwar l-Arabja Sawdija, ippreżentati flimkien[4],

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni konġunta dwar l-Arabja Sawdija f'isem l-ALQST, iċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem (GCHR) u l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) waqt id-69 sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tas-7 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-15 ta' Mejju 2018 l-awtoritajiet Sawdin arrestaw seba' nisa – Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar – u erba' rġiel – Ibrahim Fahad Al-Nafjan, Ibrahim al-Modeimigh, Mohammed al-Rabiah u Abdulaziz al-Meshaal – għall-attiviżmu tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa; billi, minn dakinhar 'l hawn, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem arrestati ġew mixlija li appoġġjaw l-attivitajiet ta' gruppi barranin, li rreklutaw persuni responsabbli minn karigi governattivi sensittivi u li ffinanzjaw gruppi barranin bil-ħsieb li jiddestabbilizzaw ir-Renju; billi dawn l-attivisti huma magħrufa għall-kampanja tagħhom kontra l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan u favur it-tneħħija tas-sistema ta' tutela mill-irġiel; billi dawn ġew arrestati qabel it-tneħħija tal-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan, prevista għall-24 ta' Ġunju 2018;

B.  billi ġie rrappurtat li Madeha al-Ajroush, Walaa al-Shubbar, Aisha al-Mana u Hessah al-Sheikh inħelsu fl-24 ta' Mejju 2018;

C.  billi l-każ ta' Loujain al-Hathloul hu partikolarment allarmanti, peress li ttieħdet minn Abu Dhabi lejn l-Arabja Sawdija kontra l-volontà tagħha f'Marzu 2018 wara li pparteċipat f'sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa li eżaminat is-sitwazzjoni fl-Arabja Sawdija; billi hi ma tħallietx tivvjaġġa aktar – sakemm ġiet arrestata reċentement – u bħalissa, x'aktarx flimkien ma' attivisti oħrajn, qed tinżamm f'iżolament;

D.  billi l-Arabja Sawdija għandha wħud mill-aktar restrizzjonijiet ibsin imposti fuq in-nisa, minkejja r-riformi governattivi li saru dan l-aħħar biex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-impjiegi; billi s-sistema politika u soċjali Sawdija għadha antidemokratika u diskriminatorja, lin-nisa tqishom ċittadini tat-tieni klassi, ma tippermetti l-ebda libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, tiddiskrimina serjament kontra l-ħafna ħaddiema barranin fil-pajjiż u trażżan severament kwalunkwe vuċi dissidenti;

E.  billi l-ħidma u l-investigazzjoni fuq il-każ għadhom għaddejjin u huwa diffiċli tinkiseb informazzjoni dwar l-arresti minħabba l-informazzjoni limitata rilaxxata mill-awtoritajiet Sawdin;

F.  billi, fil-25 ta' Mejju 2018, l-awtoritajiet Sawdin arrestaw lil Mohammed al-Bajadi, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi Sawdija – issa interdetta – li akkużat lill-forzi tas-sigurtà b'abbużi;

G.  billi ftit jiem wara l-arresti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-mezzi tax-xandir u l-pjattaformi tal-media soċjali li jappoġġjaw lill-gvern nedew kampanja ta' malafama kontrihom, u akkużawhom li kienu "tradituri" u li kienu ta' theddida għas-sigurtà tal-Istat; billi l-esperti jemmnu li l-kampanja ta' malafama li għaddejja bħalissa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tindika l-intenzjoni li jingħataw pieni ħorox ħafna;

H.  billi s-soċjetà Sawdija qed tinbidel bil-mod il-mod iżda l-ħin kollu, u billi l-awtoritajiet Sawdin adottaw għadd ta' miżuri biex jitjieb ir-rikonoxximent dovut tan-nisa bħala ċittadini ugwali, pereżempju billi ngħatalhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali, ingħatalhom aċċess għall-Kunsill Shura konsultattiv u għall-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, se jibdew jitħallew isuqu, u ngħatalhom aċċess għal avvenimenti sportivi pubbliċi;

I.  billi l-aġenda ta' riforma "Vision 2030", li għandha tittrasforma lill-pajjiż ekonomikament u soċjalment abbażi tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa, għandha tkun opportunità reali għan-nisa Sawdin biex jiżguraw l-emanċipazzjoni legali tagħhom, li hi assolutament kruċjali għat-tgawdija sħiħa ta' drittijiethom fil-qafas tas-CEDAW; billi, madankollu, il-mewġa reċenti ta' arresti ta' attivisti tad-drittijiet tan-nisa jidher li tmur kontra dan l-objettiv u tista' tfixkel l-aġenda ta' riforma;

J.  billi l-Prinċep Eredi Sawdi Mohammed bin Salman Al Saud offra appoġġ retoriku għar-riformi tad-drittijiet tan-nisa, speċjalment matul iż-żjara tiegħu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, iżda s'issa dawn ir-riformi kienu limitati, u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, l-aktar xkiel serju għad-drittijiet tan-nisa, għadha fil-biċċa l-kbira intatta; billi, barra minn hekk, bil-barka tiegħu seħħet repressjoni estensiva fil-konfront ta' attivisti, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti, li żdiedet mindu beda jikkonsolida l-kontroll fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż;

K.  billi l-Arabja Sawdija għandha sensiela ta' liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet ġuridiċi marbuta mal-istatus personali, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti nisa, il-Kodiċi tal-Istatus Ċivili, il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Att dwar in-Nazzjonalità u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tissuġġetta t-tgawdija ta' ħafna mid-drittijiet tan-nisa skont is-CEDAW għall-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel;

L.  billi l-Arabja Sawdija għandha komunità attiva ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem online kif ukoll l-ogħla numru ta' utenti ta' Twitter fil-Lvant Nofsani; billi l-Arabja Sawdija qiegħda fil-lista tal-"Għedewwa tal-Internet" ta' Reporters Without Borders minħabba ċ-ċensura tal-media Sawdija u tal-internet u l-ikkastigar ta' dawk li jikkritikaw il-gvern jew ir-reliġjon; billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-media, kemm online kif ukoll offline, huma prekundizzjonijiet kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi r-Rebbieħ tal-2015 tal-Premju Sakharov, Raif Badawi, għadu l-ħabs għall-unika raġuni li esprima l-fehmiet tiegħu b'mod paċifiku;

M.  billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU għall-Arabja Sawdija għall-2015 huwa ta' 0,847, u għalhekk hija kklassifikata fit-38 post minn 188 pajjiż u territorju; billi l-Arabja Sawdija għandha Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU ta' 0,257, u għalhekk hija kklassifikata fil-50 post minn 159 pajjiż fl-indiċi tal-2015; billi l-Arabja Sawdija kienet ikklassifikata fil-138 post minn 144 pajjiż fir-Rapport Globali tal-2017 dwar id-Disparità bejn is-Sessi ppubblikat mill-Forum Ekonomiku Dinji;

N.  billi r-riżerva ġenerali tal-Arabja Sawdija għas-CEDAW, skont il-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, hija inkompatibbli mal-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni u mhijiex permessa skont l-Artikolu 28 tagħha; billi l-Arabja Sawdija wiegħdet li "tosserva l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" meta applikat b'suċċess għal sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin iwaqqfu kull forma ta' fastidju, anke fil-livell ġudizzjarju, kontra Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar, Mohammed al-Rabiah, u Ibrahim al-Mudaimeegh u kontra d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel mhux ġustifikat u mingħajr biża' ta' tpattija;

2.  Jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li tikkomprometti l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lil priġunieri oħra minħabba twemmin li ġew arrestati u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta' espressjoni u talli wettqu xogħolhom b'mod paċifiku favur id-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja d-diskriminazzjoni kontinwa u sistematika kontra n-nisa u l-bniet fl-Arabja Sawdija;

3.  Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn in-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa Sawdin li qed jippruvaw jegħlbu kwalunkwe trattament inġust u diskriminatorju u lejn dawk li ddefendew id-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom;

4.  Jilqa' l-wiegħda li titneħħa l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan fir-Renju bħala parti mill-aġenda ta' "Vision 2030";

5.  Jenfasizza li t-trattament tad-detenuti kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, waqt li jkunu detenuti, irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 43/173 tad-9 ta' Diċembru 1988;

6.  Jinnota li l-kumpaniji awtomobilistiċi internazzjonali, b'mod partikolari dawk ibbażati fl-UE, diġà bdew joħorġu riklami mmirati għan-nisa qabel ma tneħħiet il-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan;

7.  Huwa mħasseb ferm dwar il-prevalenza ta' vjolenza sessista fl-Arabja Sawdija, li fil-biċċa l-kbira tagħha għadha mhijiex irrappurtata u ddokumentata biżżejjed u hija ġustifikata b'raġunijiet bħall-ħtieġa li n-nisa taħt it-tutela tal-irġiel jiġu dixxiplinati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva biex jiddefinixxu u jikkriminalizzaw b'mod speċifiku kull forma ta' vjolenza sessista kontra n-nisa, b'mod partikolari l-istupru, inkluż l-istupru fiż-żwieġ, l-attakki sesswali u l-fastidju sesswali, u jneħħu l-ostakli kollha għall-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja;

8.  Huwa diżappuntat ferm dwar l-eżistenza tas-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel f'numru ta' oqsma, inklużi l-vjaġġi internazzjonali, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għażla tar-residenza, iż-żwieġ, it-tressiq ta' lmenti fis-sistema ġudizzjarja, it-tluq minn ċentri ta' akkoljenza tal-istat għan-nisa abbużati, u t-tluq minn ċentri ta' detenzjoni; jissottolinja li din is-sistema hija riflessjoni tas-sistema patrijarkali b'għeruq b'saħħithom li tiddomina fil-pajjiż;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jirrevedu l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet ta' Diċembru 2015 sabiex jippermettu lill-attivisti nisa jorganizzaw ruħhom u jaħdmu b'mod liberu u indipendenti mingħajr indħil indebitu min-naħa tal-awtoritajiet; iħeġġeġ ukoll ir-reviżjoni tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, tal-Liġi Kontra l-Kriminalità Ċibernetika u l-Liġi dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li qed jintużaw ripetutament biex difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jittellgħu l-qorti, kif ukoll ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha li jinsabu fis-sistema ġuridika;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, jirtiraw ir-riżervi li għamlu għas-CEDAW u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tas-CEDAW, sabiex in-nisa Sawdin ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet minquxa fil-Konvenzjoni, u biex itemmu ż-żwiġijiet prekoċi, iż-żwiġijiet furzati u l-kodiċi ta' lbies obbligatorju għan-nisa; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija toħroġ stedina permanenti biex il-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jkunu jistgħu jżuru l-pajjiż;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jippermettu l-indipendenza tal-istampa u tal-media u jiżguraw il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti meta jipprotestaw b'mod paċifiku; jenfasizza li kampanji paċifiċi favur id-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-użu ta' kummenti kritiċi permezz tal-media soċjali huma espressjonijiet ta' dritt indispensabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet imqiegħda fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbuhom milli jitkellmu fil-media soċjali u mal-media internazzjonali;

12.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jestendu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jitlob lill-UE biex, fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tressaq riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmiss u fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija tal-istati b'rekords dubjużi rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tipproponi l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija;

14.  Jitlob lill-UE tinkludi diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, bħala punt permanenti fl-aġenda tas-summit annwali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kif ukoll f'fora bilaterali u multilaterali oħra; jistieden lill-Kunsill tikkunsidra l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li r-regoli għall-għoti tal-Premju Chaillot għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jillimitaw l-applikazzjonijiet għal dawk li huma legalment irreġistrati u attivi "fi djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet";

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, anke permezz tal-arranġament ta' żjarat fil-ħabs, ta' monitoraġġ tal-proċessi kriminali u ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi;

16.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jkollu djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet Sawdin, inklużi d-deputati parlamentari, dwar l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal skambju ta' għarfien espert dwar il-ġustizzja u kwistjonijiet ġuridiċi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fl-Arabja Sawdija;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu aktar flaġellazzjonijiet fil-konfront ta' Raif Badawi, u jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier minħabba t-twemmin tiegħu, li ġie arrestat u kkundannat għall-unika raġuni li eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; jitlob lill-UE tkompli tqajjem il-każ tiegħu fi kwalunkwe kuntatt ta' livell għoli li jista' jkollha;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin itemmu l-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, u kontra l-individwi u l-gruppi l-oħra kollha soġġetti għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom mill-Arabja Sawdija, inklużi ċ-ċittadini barranin minn pajjiżi ta' reġjuni oħra;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Maestà Tiegħu, ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza