Proċedura : 2018/2783(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0322/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0322/2018

Dibattiti :

PV 05/07/2018 - 4.1
CRE 05/07/2018 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0303

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 439kWORD 55k
4.7.2018
PE621.750v01-00}
PE621.754v01-00}
PE621.756v01-00}
PE621.758v01-00}
PE621.760v01-00} RC1
 
B8-0322/2018}
B8-0326/2018}
B8-0328/2018}
B8-0330/2018}
B8-0332/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0322/201/ (PPE)

B8-0326/2018 (ECR)

B8-0328/2018 (Verts/ALE)

B8-0330/2018 (ALDE)

B8-0332/2018 (GUE/NGL)


dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău (2018/2783(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Jaromír Štětina, Željana Zovko, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Pavel Svoboda, Anna Záborská, Patricija Šulin, Lorenzo Cesa, Elisabetta Gardini, Tunne Kelam, Brian Hayes, Milan Zver, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Siegfried Mureşan, David McAllister, Mairead McGuinness, Adam Szejnfeld, Romana Tomc, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Lefteris Christoforou, Deirdre Clune, Seán Kelly, Dubravka Šuica, Sandra Kalniete, Ivana Maletić, Ivo Belet, Joachim Zeller, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Michał Boni, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Krzysztof Hetman, László Tőkés, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Charles Tannock, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga, Notis Marias, Monica Macovei, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, María Teresa Giménez Barbat, Charles Goerens, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Viktor Uspaskich, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Renate Weber, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Jordi Solé, Margrete Auken f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău  (2018/2783(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova, u b'mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prekundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-4 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Lulju 2017 li permezz tagħha adotta bidliet fis-sistema elettorali,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Ġunju 2018 tal-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Barranin, tar-rapporteur tiegħu dwar il-Moldova u tal-Kopresident tal-Euronest, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-20 ta' Ġunju 2018 u tas-27 ta' Ġunju 2018 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-validazzjoni tal-elezzjoni tas-Sindku ta' Chișinău,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, li jgħid li "r-rispett [...] għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali [...] għandu jifforma l-bażi tal-politiki interni u esterni tal-partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Andrei Nastase rebaħ l-elezzjonijiet bikrija għall-kariga ta' sindku f'Chișinău, wara kuntest fuq żewġ rawnds fl-20 ta' Mejju u fit-3 ta' Ġunju 2018, u kiseb 52,57 % tal-voti u rebaħ lil Ion Ceban, li kiseb 47,43 %;

B.  billi l-osservaturi internazzjonali tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău rrikonoxxew ir-riżultati u n-natura kompetittiva tal-elezzjoni;

C.  billi fid-19 ta' Ġunju 2018, qorti f'Chișinău annullat ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku, minħabba li ż-żewġ kandidati kienu indirizzaw lill-votanti fuq il-midja soċjali fil-jum tal-elezzjoni, wara t-tmiem legali tal-kampanja; billi l-ebda wieħed mill-kontestanti fil-proċess elettorali ma talab l-annullament tal-elezzjonijiet;

D.  billi, fil-21 ta' Ġunju, qorti tal-appell f'Chișinău ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti inferjuri u kkonkludiet li l-komunikazzjoni mal-votanti fuq il-midja soċjali kienu affettwaw illegalment l-eżitu tal-elezzjonijiet;

E.  billi fil-25 ta' Ġunju, il-Qorti Suprema tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri li jinvalidaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;

F.   billi fid-29 ta' Ġunju l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Moldova kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tinvalida l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku f'Chișinău;

G. billi l-istedina għall-poplu biex "joħroġ jivvota", li l-qrati qiesu bħala pressjoni u influwenza żejda fuq il-votanti, kienet prattika komuni f'elezzjonijiet preċedenti fil-Moldova u qatt ma wasslet biex jiġu kkanċellati;

H.  billi dan l-iżvilupp tal-pajjiż qed jirriskja li jpoġġi fil-periklu l-aderenza tal-pajjiż mal-valuri u l-prinċipji Ewropej u jkompli jdgħajjef il-fiduċja diġà dgħajfa taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet tal-istat; billi l-partiti politiċi Moldovani ddikjaraw li dan jistabbilixxi preċedent perikoluż għal elezzjonijiet futuri u eluf ta' nies qed jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-qrati f'Chișinău;

I.  billi l-komunità internazzjonali, inklużi l-Unjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, ikkritikat id-deċiżjoni, u enfasizzat li r-rieda tal-votanti jeħtieġ li tiġi rrispettata;

J.  billi l-UE u l-Moldova ħadu l-impenn konġunt li javvanzaw l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħhom, li huwa proċess li jimplika li l-pajjiż jadotta u jimplimenta riformi strutturali u riformi sostanzjali oħrajn skont id-dispożizzjonijiet tal-AA/DCFTA u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni, u jinvolvi wkoll impenn mill-Moldova li tissalvagwardja l-valuri Ewropej, inkluż ir-rispett lejn il-valuri u l-libertajiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;

K.  billi l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet hija sinjal inkwetanti u sinifikanti tad-deterjorament kontinwu tal-applikazzjoni tal-istandards demokratiċi fil-Moldova, filwaqt li b'mod partikolari jfakkar li ġudikatura indipendenti u trasparenti hija pilastru ewlieni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi din l-invalidazzjoni turi t-tendenza dejjem akbar lejn tmexxija arbitrarja u awtoritarja u t-tnaqqis sinifikanti tal-fiduċja tal-poplu fl-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tiegħu;

L.  billi l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja, adotta bidla kontroversjali fil-liġi elettorali f'Lulju 2017, li qajmet tħassib dwar ir-riskju ta' influwenza mhux xierqa fuq il-kandidati, dwar id-delimitazzjoni tal-kostitwenzi b'membru uniku, dwar il-limiti minimi eċċessivi għar-rappreżentanza parlamentari fil-komponent proporzjonali u r-riskju ta' rappreżentanza inadegwata tal-minoranzi u tan-nisa; billi l-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat ukoll li l-polarizzazzjoni eżistenti madwar din l-inizjattiva leġiżlattiva ma kinitx sinjal ta' konsultazzjoni sinifikattiva u kunsens wiesa' fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin;

M.  billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Moldova d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma vittmi ta' kampanji ta' stigmatizzazzjoni u jiffaċċjaw akkużi kriminali politikament motivati jew jiġu mhedda meta jiddefendu persuni dissidenti, filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni għall-ġurnalisti huwa ristrett;

N.  billi f'Ottubru 2017, minħabba n-nuqqas ta' progress fir-riforma tal-ġudikatura fil-Moldova u minħabba li l-pajjiż naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-UE, l-UE ħadet id-deċiżjoni li tissospendi l-ħlas ta' EUR 28 miljun fil-qafas tal-programm ta' riforma tal-ġustizzja tal-UE;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Moldova li tinvalida r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău, liema deċiżjoni kienet ibbażata fuq raġunijiet dubjużi u ttieħdet mingħajr trasparenza, ħaġa li mminat ferm l-integrità tal-proċess elettorali;

2.  Ifakkar li elezzjonijiet kredibbli, trasparenti, ġusti u inklużivi – kif ukoll l-imparzjalità u l-indipendenza tal-ġudikatura quddiem kwalunkwe tip ta' influwenza politika – huma l-pedament ta' kull sistema demokratika u tal-fiduċja fis-sistema politika tal-pajjiż, u li l-indħil politiku fil-ġudikatura u fil-proċess elettorali jmur kontra l-istandards Ewropej li ntrabtet bihom il-Moldova, b'mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova;

3.  Jesprimi solidarjetà qawwija mal-eluf ta' persuni li ħarġu jipprotestaw fit-toroq ta' Chișinău u jikkondividi l-appell tagħhom biex l-awtoritajiet tal-Moldova jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău – li jirriflettu r-rieda tal-votanti u huma rikonoxxuti anki minn osservaturi nazzjonali u internazzjonali – jiġu rispettati; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal protesti paċifiċi;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jiggarantixxu l-funzjonament tal-mekkaniżmi demokratiċi u jinsisti li kemm il-fergħa eżekuttiva u kemm il-fergħa ġudizzjarja tal-poter jirrispettaw reċiprokment is-separazzjoni tal-poteri, iħaddnu bis-sħiħ il-prinċipji demokratiċi u jbaxxu rashom għall-istat tad-dritt;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament ulterjuri tal-istandards demokratiċi fil-Moldova; jirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal-qrati, li diġà ssemma ħafna drabi kemm huma influwenzati u motivati politikament, hija eżempju ta' manipulazzjoni tal-istat u turi l-kriżi profonda tal-istituzzjonijiet fil-Moldova; jiddispjaċih li, minkejja l-bosta appelli li saru mill-komunità internazzjonali, l-awtoritajiet qed ikomplu jdgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġustizzja u fl-imparzjalità tal-istituzzjonijiet tal-istat;

6.  Jemmen li fid-dawl tad-deċiżjoni li l-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău jiġu ddikjarati invalidi, il-kundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ma ġewx issodisfati, u jfakkar li "prekundizzjoni għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem";

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lill-Moldova; jemmen li kwalunkwe deċiżjoni dwar finanzjamenti futuri għandha tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari ppjanati u bil-kundizzjoni li dawn isiru f'konformità ma' standards rikonoxxuti internazzjonalment u jiġu vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati, u li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-assistenza makrofinanzjarja;

8.  Jesiġi li l-Kummissjoni tissospendi l-appoġġ baġitarju għall-Moldova, bħalma ġara f'Lulju 2015 meta ngħatat sospensjoni bħal din fil-perjodu ta' wara l-kriżi bankarja; iqis li b'reazzjoni għall-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet għall-kariga ta' sindku ta' Chișinău għandu jiġi adottat il-mekkaniżmu għas-sospensjoni tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li għandu jinkludi lista ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Moldova, fosthom il-validazzjoni tal-elezzjonijiet f'Chișinău u investigazzjonijiet konkreti, orjentati lejn ir-riżultati u trasparenti għalkollox, kif ukoll l-irkupru tal-assi u t-tressiq tal-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja, f'każ ta' frodi bankarja;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma elettorali;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku u politiku f'idejn grupp ristrett ta' persuni, id-deterjorament tal-istat tad-dritt, tal-istandards demokratiċi u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-politiċizzazzjoni eċċessiva tal-istituzzjonijiet tal-istat, il-korruzzjoni sistemika, in-nuqqas ta' investigazzjoni dwar il-frodi bankarja tal-2014, u l-pluraliżmu limitat tal-midja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura, u partikolarment il-każijiet fejn il-ġustizzja selettiva tintuża bħala għodda biex issir pressjoni fuq l-avversarji politiċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirriformaw is-sistema ġudizzjarja, anki bil-ħatra ta' mħallfin ġodda, sabiex jiġi evitat li l-ġudikatura tintervjeni fil-proċess elettorali u politiku jew timmina mod ieħor ir-rieda li jkun esprima demokratikament il-poplu tal-Moldova;

11.  Jinsab imħasseb li l-avversarji politiċi u l-avukati tagħhom qed jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Moldova permezz ta' proċedimenti kriminali u akkużi vvintati, u jwissi li, b'dan il-mod, l-awtoritajiet qed iżebilħu l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-avversarji politiċi u l-avukati;

12.  Jiddispjaċih li wara l-frodi bankarja tal-2014, meta total ta' madwar USD 1 biljun insterqu mis-sistema finanzjarja tal-Moldova, l-awtoritajiet ftit li xejn għamlu progress fit-twettiq ta' investigazzjoni imparzjali u bir-reqqa dwar il-kwistjoni; iħeġġeġ li jsiru sforzi determinati bil-għan li jiġu rkuprati l-fondi misruqa u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom; jemmen li dan hu indispensabbli biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini Moldovani fl-istituzzjonijiet u tiġi restawrata l-kredibbiltà tal-awtoritajiet;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jirrispettaw il-prinċipji u l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali u jiggarantixxu ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili; jesprimi tħassib partikolari dwar il-fatt li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-NGOs, li qed jiġi diskuss bħalissa fil-parlament, fih dispożizzjonijiet li lill-NGOs Moldovani jistgħu jaqtgħulhom il-fondi minn barra l-pajjiż;

14.  Jistieden lill-Parlament tal-Moldova jikkonsulta mas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir indipendenti qabel l-adozzjoni finali tal-Kodiċi Awdjoviżiv, u jirrifjuta r-"riforma fuq żewġ binarji" tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar jekk il-mezzi tax-xandir indipendenti, lokali u tal-oppożizzjoni fil-Moldova, li fost affarijiet oħra m'għandhomx biżżejjed riżorsi, humiex se jkunu jistgħu jimplimentaw l-obbligi l-ġodda tal-Kodiċi dwar il-kontenut lokali;

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi f'dawn l-oqsma kollha u jżommu lill-Parlament infurmat kif xieraq;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-President tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, lill-OSKE/ODIHR u lill-Kummissjoni ta' Venezja.

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0018.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0283.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza