Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0351/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0351/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :

P8_TA(2018)0436

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 434kWORD 49k
24.10.2018
PE624.206v01-00}
PE624.200v01-00}
PE624.202v01-00} RC1
 
B8-0351/2018}
B8-0504/2018}
B8-0506/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0351/2018 (PPE)

B8-0504/2018 (ECR)

B8-0506/2018 (ALDE)


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))


Esteban González Pons, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Nuno Melo, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Ivan Štefanec, Fernando Ruas, Anders Sellström f'isem il-Grupp PPE
Charles Tannock, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Javier Nart, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015(3), tat-8 ta' Ġunju 2016(4), tas-27 ta' April 2017(5) u tat-8 ta' Frar 2018(6) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(7) u tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, dwar il-bidu ta' eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjonijiet fil-Filippini u fil-Venezwela, u tas-27 ta' Settembru 2018 dwar ir-riferiment minn grupp ta' sitt Stati partijiet rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-ħatra, fid-19 ta' Settembru 2018, ta' Eduardo Stein bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) u tal-Aġenzija għall-Migrazzjoni tan-NU (IOM) għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-mewt tal-kunsillier muniċipali Fernando Albán fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu rigward il-mewt ta' Fernando Albán,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tiegħu dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora sew; billi l-Venezwela qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent minħabba kriżi politika, li qed tikkawża għadd kbir ħafna ta' mwiet u li wasslet għal madwar 2,3 miljun migrant u rifuġjat;

B.  billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell tal-faqar estrem huwa ta' 61,2 %; billi l-mortalità materna żdiedet b'60 % u l-mortalità infantili żdiedet bi 30 %; billi 89 % tal-popolazzjoni Venezwelana ma għandhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jixtru biżżejjed ikel għall-familji tagħhom; billi skont il-FMI, hemm mbassar li l-inflazzjoni se tilħaq livell ta' 1,4 miljun % fl-2018 u 10 miljun % fl-2019;

C.  billi, minkejja li d-disponibbiltà tal-komunità internazzjonali, il-Gvern Venezwelan sfortunatament għadu stinat fir-rifjut tiegħu li jirċievi b'mod miftuħ u jiffaċilita t-tqassim tal-għajnuna umanitarja internazzjonali, u għalhekk qiegħed jittraskura kull responsabbiltà tiegħu fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu;

D.  billi, fit-8 ta' Ottubru 2018, l-esponent tal-oppożizzjoni politika Venezwelana, Fernando Albán, allegatament ġie ttorturat u maqtul fil-bini tas-Servizz Bolivarjan tal-Intelligence Nazzjonali (SEBIN,) il-pulizija politika Venezwelana; billi, minkejja l-appelli tan-NU u tal-UE, l-awtoritajiet irrifjutaw li jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar il-kawżi ta' mewtu, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; billi Fernando Albán kien miżmum taħt arrest fil-bini tas-SEBIN, u l-awtoritajiet Venezwelani għandhom għalhekk jinżammu responsabbli li jkunu jafu l-post fejn jinsab;

E.  billi fit-13 ta' Ottubru 2018, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Lorent Saleh, ġie liberat, skortat direttament lejn l-ajruport u tkeċċa minnufih lejn Spanja f'att ta' eżilju furzat; billi kien ilu erba' snin il-ħabs fejn sofra tortura orribbli u nżamm mingħajr proċess filwaqt li s-smigħ ġudizzjarju tiegħu ġie pospost għal tal-inqas 53 darba; billi x-xhieda tiegħu, flimkien ma' dawk ta' ħafna vittmi oħra, tikkonferma r-repressjoni sistematika u t-trattament krudili u diżuman tal-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

F.  billi aktar minn mitejn priġunier politiku għadhom il-ħabs fil-Venezwela; billi l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Recasens, ġie arrestat b'mod arbitrarju u ġie ttorturat, u billi għadu f'detenzjoni f'iżolament, bi ksur permanenti u illegali tal-immunità politika tiegħu;

G.  billi l-ex President tal-Assemblea Nazzjonali u r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Julio Jorges, l-ex Prosekutur Ġenerali Luisa Ortega Díaz, u l-ex Prosekutur tal-Ministeru Pubbliku għall-Venezwela Zair Mundaray Rodríguez huma soġġetti għal akkuża infondata ta' involviment f'tentattiv ta' konfoffa ta' omiċidju tal-President tal-Venezwela, Nicolás Maduro; billi l-awtoritajiet tal-Venezwela ħarġu, permezz tal-Interpol, mandati ta' arrest internazzjonali għat-tlieta li huma;

H.  billi hemm klima ta' aktar vjolenza u impunità totali fil-Venezwela, minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jżommu responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-omiċidju, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u trattament degradanti u diżuman ieħor, iżda anke l-vjolenza kriminali;

I.  billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali beda eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela; billi fis-27 ta' Settembru 2018, grupp ta' sitt Stati partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI (l-Arġentina, il-Kanada, il-Kolombja, iċ-Ċilì, il-Paragwaj u l-Perù) talbu li l-Prosekutur jibda investigazzjoni dwar id-delitti kontra l-umanità li ġew kommessi fit-territorju tal-Venezwela; billi Franza u l-Costa Rica appoġġjaw ukoll talbiet għal tali investigazzjonijiet; billi dan ikkostitwixxa l-ewwel riferiment li qatt ġie ppreżentat minn grupp ta' Stati partijiet rigward sitwazzjoni fit-territorju ta' Stat parti ieħor; billi l-Parlament għamel din l-istess talba f'żewġ okkażjonijiet, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Amerika Latina;

J.  billi fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jaf jintuża għal repressjoni interna; billi fit-22 ta' Jannar 2018 iddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li jokkupaw pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, b'reazzjoni għan-nuqqas ta' konformità mal-prinċipji demokratiċi; billi fil-25 ta' Ġunju 2018 is-sanzjonijiet ġew estiżi għal ħdax-il uffiċjal Venezwelan ieħor responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li mmina d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

K.  billi l-UE, flimkien mal-entitajiet demokratiċi oħra, ma rrikonoxxew la l-elezzjonijiet presidenzjali, la l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti, u lanqas lill-awtoritajiet maħtura skont dawn il-proċessi illeġittimi; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali ffissa d-9 ta' Diċembru 2018 bħala d-data għall-elezzjoni tal-kunsilli muniċipali tal-pajjiż; billi l-partiti politiċi tal-oppożizzjoni ewlenin u l-aktar importanti, Acción Democrática (AD), Primero Justicia (PJ), Un Nuevo Tiempo (UNT) u Voluntad Popular, mhumiex se jkunu awtorizzati jieħdu sehem; billi l-komunità internazzjonali mhijiex se taċċetta r-riżultati elettorali jekk il-mexxejja tal-oppożizzjoni jintbagħtu l-ħabs u lill-partiti politiċi jkunilhom projbit jieħdu sehem fl-elezzjonijiet;

L.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018 jinkludu referenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi ta' bħalissa, soluzzjoni li għandha tinkiseb billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt li l-objettiv tiegħu jkun dak li jippromwovi inizjattiva mmexxija b'mod konġunt mis-sħab reġjonali u internazzjonali prinċipali, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li jkunu jistgħu jwasslu għal proċess politiku;

M.  billi żewġ tentattivi biex jinbena djalogu nazzjonali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, iffaċilitati mill-Vatikan u minn medjaturi internazzjonali bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, fallew minħabba n-nuqqas ta' serjetà tal-awtoritajiet Venezwelani, li ffukaw esklussivament fuq li jippruvaw jiggwadanjaw iż-żmien u fuq ir-rikonoxximent internazzjonali;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja u lill-ħbieb ta' Fernando Albán; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Venezwelani u jappella, f'dan il-każ partikolari, għal investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-gvern, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; ifakkar li huwa d-dmir tal-Istat li jiggarantixxi s-sigurtà u l-integrità fiżika tal-persuni kollha miżmuma f'kustodja.

2.  Jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u l-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati eluf ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri eletti tal-oppożizzjoni u organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jiżguraw li l-libertajiet fundamentali kollha u d-drittijiet tal-bniedem jiġu rrispettati bis-sħiħ;

3.  Ifakkar li ż-żewġ tentattivi preċedenti bil-għan li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Venezwela permezz ta' medjazzjoni mal-Vatikan u permezz ta' djalogu politiku nazzjonali li sar fir-Repubblika Dominicana, fallew b'mod ċar;

4.  Ifakkar fil-pożizzjoni ddikjarata preċedentement tal-Unjoni u tal-Parlament li kwalunkwe żvilupp politiku ulterjuri jrid jinkludi dawn it-talbiet essenzjali li ġejjin: il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u t-tmiem tat-tortura, tal-maltrattament u tal-fastidju tal-avversarji politiċi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dimostranti paċifiċi; Kunsill Elettorali Nazzjonali indipendenti ġdid elett mill-Assemblea Nazzjonali; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli li jirrispetta l-pluraliżmu politiku, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali demokratiċi u r-rikonoxximent tas-setgħa tal-Assemblea Nazzjonali leġittima u x-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti;

5.  Jinnota b'interess il-Konklużjonijiet tal-Kunsill rigward it-tnedija possibbli ta' kuntatti ma' sħab reġjonali u internazzjonali biex tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq grupp ta' kuntatt; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-medjazzjoni internazzjonali jew ta' grupp ta' kuntatt ta' faċilitazzjoni jrid ikun imparzjali u jrid jiġi aċċettat miż-żewġ naħat; iqis li dan il-grupp ta' kuntatt esplorattiv għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi biex tinstab soluzzjoni demokratika u politika għall-kunflitt Venezwelan permezz ta' mezzi paċifiċi, deċiża biss mill-poplu Venezwelan; jenfasizza lill-VP/RGħ, waqt li tkun qed teżamina l-possibbiltà li jitnieda l-grupp ta' kuntatt, li jeħtieġ li jsiru kuntatti mar-rappreżentanti leġittimi tal-oppożizzjoni demokratika Venezwelana sabiex tivverifika jekk hemmx maġġoranza favur tali inizjattiva;

6.  Jappoġġja bis-sħiħ id-dikjarazzjoni preliminari tal-QKI dwar id-delitti estensivi u l-atti ta' repressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan kontra ċ-ċittadini tiegħu stess; iħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jissieħbu mal-inizjattiva tal-Istati partijiet tal-QKI sabiex jinvestigaw delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern Venezwelan fit-territorju tal-Venezwela u biex jobbligaw lil dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom; ifakkar fl-impenn tal-UE favur il-multilateraliżmu, fil-qafas tal-prinċipji tan-NU, u r-rwol tal-QKI fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti gravi kontra l-umanità u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

7.  Jilqa' l-impożizzjoni mill-UE ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u reversibbli, li ma jikkawżaw ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, minħabba l-elezzjonijiet li saru fl-20 ta' Mejju 2018 li kienu illeġittimi u mhux rikonoxxuti internazzjonalment; jitlob biex dawn is-sanzjonijiet jissaħħu jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiż tkompli tmur għall-agħar;

8.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil, lill-Perù u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, partikolarment dawk li ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Quito dwar il-Mobbiltà tal-Bniedem taċ-ċittadini Venezwelani, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini fir-reġjun kollu kemm hu għall-għajnuna attiva u s-solidarjetà tagħhom fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; jappella lill-Istati Membri li qegħdin jiffaċċjaw influss ta' Venezwelani sabiex jipprovdulhom aċċess għas-servizzi bażiċi u jagħtuhom status temporanju ta' protezzjoni u drittijiet ta' residenza speċjali;

9.  Itenni s-sejbiet tassew inkwetanti tal-missjoni tiegħu ta' Ġunju 2018 fil-fruntieri tal-art Venezwelani mal-Kolombja u l-Brażil u jitlob li tintbagħat delegazzjoni ad hoc fil-Perù fl-2019 biex tivvaluta l-impatt tal-kriżi migratorja Venezwelana fuq il-post; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Venezwelani biex, b'urġenza, jippermettu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż sabiex jiġi evitat li l-kriżijiet umanitarji u tas-saħħa pubblika jaggravaw u biex jimplimentaw rispons fuq perjodu qasir kontra l-malnutrizzjoni;

10.  Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jimmobilizzaw aktar fondi u assistenza f'koordinament mar-Rappreżentant Speċjali Konġunt maħtur reċentement tal-UNHCR u l-IOM għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun, Eduardo Stein; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħatra tiegħu, li tirrifletti b'mod ċar l-iskala reġjonali u globali tal-kriżi li għaddejja bħalissa fil-Venezwela;

11.  Ifakkar li l-Interpol hija l-organizzazzjoni internazzjonali tal-pulizija inkarigata primarjament bil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali; jistieden lill-Interpol tqis bir-reqqa li t-talbiet tal-Gvern Venezwelan kontra s-Sur Borges, is-Sinjura Ortega Díaz u s-Sur Mundaray Rodríguez huma purament motivati politikament;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

 

 

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(5)

ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza