Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0388/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0388/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE

12.9.2018 - (2018/2847(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0388/2018 (ECR)
B8-0390/2018 (ALDE)
B8-0391/2018 (Verts/ALE)
B8-0392/2018 (S&D)
B8-0393/2018 (GUE/NGL)
B8-0394/2018 (PPE)

Maria Spyraki, Lambert van Nistelrooij, Elisabetta Gardini, Manolis Kefalogiannis, Georgios Kyrtsos, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Theodoros Zagorakis f'isem il-Grupp PPE
Nikos Androulakis, Eva Kaili, Miltiadis Kyrkos, Giorgos Grammatikakis, Demetris Papadakis, Constanze Krehl, Miriam Dalli f'isem il-Grupp S&D
Ruža Tomašić, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR
Matthijs van Miltenburg f'isem il-Grupp ALDE
Sofia Sakorafa, Nikolaos Chountis, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Marisa Matias, Maria Lidia Senra Rodríguez, Luke Ming Flanagan, Martina Michels, Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL
Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Piernicola Pedicini, Rosa D’Amato f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2018/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0388/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0388/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE

(2018/2847(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2017)0772),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi, adottati permezz tad-Deċiżjoni 1/CP.21 fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC (COP 21), kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-reġjun ta' Attika fil-Greċja traġikament irriżulta fil-mewt ta' 99 ruħ u ħalla mijiet ta' persuni feruti;

B.  billi dawn in-nirien qerdu d-djar, hekk li bosta mijiet ta' persuni kellhom jiġu evakwati, għamlu ħsarat kbar fl-infrastruttura lokali u reġjonali u fl-ambjent, ħallew impatt fuq l-agrikoltura u affettwaw attivitajiet ekonomiċi, inklużi s-setturi tat-turiżmu u tal-ospitalità;

C.  billi sitwazzjonijiet ta' nixfa estrema u nirien fil-foresti saru aktar frekwenti, gravi u kumplessi, u qed ikollhom impatt akbar madwar l-Ewropa kollha, u billi dawn is-sitwazzjonijiet, filwaqt li huma aggravati mit-tibdil fil-klima, sa ċertu punt huma kemm imprevedibbli u kemm inevitabbli;

D.  billi l-Greċja, l-Iżvezja u l-Latvja lkoll talbu appoġġ mill-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fis-sajf tal-2018 minħabba nirien;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji ta' dawk kollha li tilfu ħajjithom fin-nirien fir-reġjun ta'Attika;

2.  Jesprimi s-simpatiji tiegħu lir-residenti kollha li ġew affettwati min-nirien fir-reġjun ta'Attika;

3.  Jagħti ġieħ lid-dedikazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, tal-gwardji tal-kosta, tal-voluntiera u ta' oħrajn li ssograw ħajjithom biex jitfu n-nirien u jsalvaw liċ-ċittadini sħabhom;

4.  Jirrileva r-rwol tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fil-forniment ta' ajruplani, vetturi, persunal mediku u ħaddiema tat-tifi tan-nar minn madwar l-Unjoni Ewropea;

5.  Ifakkar li diversi fondi tal-UE, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, jistgħu jintużaw għat-tiswija ta' infrastrutturi essenzjali u għall-operazzjonijiet ta' tindif wara diżastru naturali;

6.  Itenni l-importanza tal-appoġġ mill-fondi ta' koeżjoni tal-UE għall-prevenzjoni tan-nirien u r-reazzjoni ta' emerġenza, u jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw dan il-finanzjament bis-sħiħ u jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riskji tan-nirien fil-foresti;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir aktar riċerka xjentifika fuq mekkaniżmi ta' valutazzjoni tar-riskju, sistemi ta' prevenzjoni u ta' identifikazzjoni bikrija, u fuq mezzi oħra għall-ġlieda kontra dawn il-fenomeni, kif ukoll li jittejbu l-iskambju ta' esperjenzi u l-qsim tal-aħjar prattiki fost ir-reġjuni u l-Istati Membri;

8.  Jenfasizza li dokument ippubblikat fl-1 ta' Awwissu 2018 mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija[2] jipprovdi evidenza li l-mewġa ta' sħana fl-Ewropa fl-2018 hija marbuta mat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u jimplimentaw politiki dwar il-klima li jissodisfaw l-impenji magħmula fil-ftehim ta' Pariġi COP 21;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-prevenzjoni tal-għargħar tkun żgurata fiż-żoni affettwati min-nirien tal-foresti, sabiex jiġu evitati aktar diżastri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ġestjoni tar-riskju ta' nirien fil-foresti u l-ġestjoni tal-foresti u tal-pajsaġġi abbażi tal-ekosistema meta tevalwa miżuri kurrenti tal-UE, bħall-istrateġija tal-UE għall-foresti u l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, u jistedinha taġġusta dawn l-istrateġiji jekk tidentifika xi lakuni;

11.  Jitlob li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiffinalizzaw mal-Parlament in-negozjati interistituzzjonali dwar il-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni u l-ħolqien ta' rescEU sa tmiem l-2018;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali taż-żoni affettwati min-nirien.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza