Proċedura : 2018/2861(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0451/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0451/2018

Dibattiti :

PV 04/10/2018 - 5
PV 04/10/2018 - 5.1
CRE 04/10/2018 - 5.1

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2018 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0375

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 437kWORD 51k
3.10.2018
PE624.129v01-00}
PE624.130v01-00}
PE624.131v01-00}
PE624.132v01-00}
PE624.135v01-00} RC1
 
B8-0451/2018}
B8-0452/2018}
B8-0453/2018}
B8-0454/2018}
B8-0457/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin B8‑0451/2018 (ECR)

B8‑0452/2018 (ALDE)

B8‑0453/2018 (Verts/ALE)

B8‑0454/2018 (S&D)

B8‑0457/2018 (PPE)


dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (2018/2861(RSP))


Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, David McAllister, Elmar Brok, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Thomas Mann, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Pavel Svoboda, Marijana Petir, Lefteris Christoforou, Csaba Sógor, Željana Zovko, Tomáš Zdechovský, Tunne Kelam, Mairead McGuinness, Patricija Šulin, Adam Szejnfeld, Giovanni La Via, Joachim Zeller, Michaela Šojdrová, Francis Zammit Dimech, Krzysztof Hetman, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Deirdre Clune, Laima Liucija Andrikienė, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Romana Tomc, László Tőkés, Geoffroy Didier, Ramona Nicole Mănescu, Inese Vaidere

f'isem il-Grupp PPE

Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Clare Moody

f'isem il-Grupp S&D

Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Charles Tannock, Monica Macovei

f'isem il-Grupp ECR

Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

Heidi Hautala, Rebecca Harms, Bronis Ropė, Bodil Valero, Jordi Solé

f'isem il-Grupp Verts/ALE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (2018/2861(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fi Frar 2016, l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi bħala ġest ta' rieda tajba bil-għan li tinbeda politika ta' involviment bil-ħsieb li tħeġġeġ lill-Belarussja tirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

B.  billi l-UE ripetutament tenniet li r-relazzjonijiet UE-Belarussja jistgħu jkomplu jimxu 'l quddiem ġaladarba jkunu bbażati fuq il-fiduċja u l-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi l-politiki attwali fil-Belarussja jimminaw dawn il-valuri, u b'hekk iżommu lill-UE milli toffri lill-Belarussja parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant u relazzjonijiet eqreb, jew milli tiffirma l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

D.  billi s-sitwazzjoni f'termini tal-libertà tal-mezzi tax-xandir u l-libertà tal-kelma qed tkompli tiddeterjora fil-Belarussja, kif juri l-fastidju gravi ta' portals tal-aħbarijiet indipendenti u ta' ġurnalisti, bħal fil-"każ BelTA";

E.  billi l-awtoritajiet Belarussi reċentement taw bidu għal mewġa ta' fastidju u intimidazzjoni mill-pulizija kontra l-ġurnalisti;

F.  billi Reporters mingħajr Fruntieri kkonkludiet li aktar minn 100 ġurnalist ġew arrestati fl-2017, il-parti l-kbira waqt li kienu qed ikopru l-protesti tal-oppożizzjoni; billi l-fastidju ta' ġurnalisti freelance li jaħdmu għal outlets tax-xandir indipendenti bbażati barra mill-pajjiż laħaq livelli bla preċedent, u l-ġurnalisti ma jistgħux jiksbu akkreditazzjoni;

G.  billi Charter 97.org, is-sit web ewlieni indipendenti tal-aħbarijiet li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-kawżi tal-oppożizzjoni u li ħa ismu mid-dikjarazzjoni tal-1997 b'talba għad-demokrazija fil-Belarussja li kienet ġiet iffirmata minn ġurnalisti, politiċi tal-oppożizzjoni u attivisti fil-qasam tad-drittijiet, ġie mġiegħel iġorr lejn Varsavja fil-Polonja, fejn ilu jopera mill-2011, wara li ġie bblukkjat diversi drabi mill-awtoritajiet Belarussi, waqt li l-pulizija wettqu rejd fuq l-uffiċċji tiegħu u kkonfiskaw it-tagħmir tiegħu fl-istess sena;

H.  billi mill-24 ta' Jannar 2018, l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie blukkjat fil-Belarussja, għal tul ta' żmien indefinit, mingħajr proċess legali u fost allegazzjonijiet vagi ta' "theddidiet għall-interess nazzjonali"; billi skont il-kap editur ta' Charter 97, Natalya Radina, fix-xahar wara l-ibblukkjar tas-sit web ta' Charter 97, l-għadd ta' viżitaturi għas-sit mill-Belarussja naqas b'70 %;

I.  billi s-Sa Radina rċeviet theddidiet ta' mewt;

J.  billi fis-16 ta' April 2018 l-aċċess għas-sit web ta' Charter 97 ġie bblukkjat ukoll mill-awtoritajiet Russi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa;

K.  billi l-fundatur tad-dikjarazzjoni Charter 97, Aleh Byabenin, instab mgħallaq f'daru qrib Minsk f'Settembru 2010; billi Pavel Sheremet, kelliem tal-organizzazzjoni Charter 97 imwieled fil-Belarussja, inqatel fi splużjoni ta' karozza bomba f'Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, f'Lulju 2016;

L.  billi fil-bidu ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Belarussi wettqu rejds fl-uffiċji editorjali ta' diversi outlets indipendenti Belarussi, li bdew bis-sit Tut.by u komplew bi tfittxijiet f'BelaPAN, realty.by, Belaruskaya Navuka u Kultura; billi r-rejds irriżultaw fl-arresti u d-detenzjoni ta' diversi ġurnalisti, inkluż l-editur kap ta' Tut.by, fuq allegazzjonijiet li kienu aċċessaw b'mod illegali u użaw informazzjoni online provduta mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat BelTA;

M.  billi fis-7 ta' Awwissu 2018, il-Kumitat Investigattiv tal-Belarussja fetaħ kawża kriminali taħt il-Parti 2 tal-Artikolu 349 tal-Kodiċi Kriminali li ġġorr piena massima ta' sentejn priġunerija (aċċess illegali għall-informazzjoni f'kompjuter imwettaq b'interess personali ieħor li kkawża dannu sostanzjali) kontra ġurnalisti u edituri ta' għadd ta' riżorsi online u arresta 18-il ġurnalist, li seba' minnhom ġew detenuti bħala suspettati għal tlett ijiem; billi kien hemm każijiet fejn saret pressjoni fuq ġurnalisti u qraba tagħhom u li ġew imġiegħla jikkoperaw mas-servizzi tal-intelligence u l-pulizija;

N.  billi l-aħħar emendi għal-Liġi tal-Mezzi tax-Xandir tal-Massa, adottati f'Ġunju 2018, jestendu l-kontroll tal-gvern għall-outlets tal-mezzi tax-xandir online; billi l-bidliet, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2018, se jimponu aktar ostakoli burokratiċi għal siti web li jkunu jixtiequ jirreġistraw bħala outlets uffiċjali tal-mezzi tax-xandir online;

O.  billi s-siti web li jagħżlu li ma jirreġistrawx, minkejja l-leġiżlazzjoni l-ġdida, jew li ma jissodisfawx il-kriterji l-ġodda, qed jiġu miċħuda akkreditazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-gvern, u b'hekk l-istampa qed tiġi ċċensurata saħansitra aktar; billi l-outlets tal-mezzi tax-xandir online, kemm dawk reġistrati kif ukoll dawk li mhumiex, se jkunu obbligati wkoll li jirreġistraw l-ismijiet tal-persuni li jissottomettu kummenti; billi s-sidien tal-outlets tal-mezzi tax-xandir online reġistrati se jkunu wkoll responsabbli legalment għall-kontenut ta' tali kummenti;

P.  billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida se tirrikjedi li l-awturi tal-kitbiet u l-kummenti kollha fuq fora online jiġu identifikati u li s-sidien tas-sit web jikkontrollaw tali kummenti;

Q.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u r-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Media, Harlem Désir, esprimew il-fehma li dawn il-bidliet leġiżlattivi jikkostitwixxu restrizzjoni inaċċettabbli tal-libertà tal-kelma u tal-aċċess għall-informazzjoni;

R.  billi l-Belarussja tinsab fil-155 post fl-indiċi dinji tal-libertà tal-istampa tal-2017 ta' Reporters mingħajr Fruntieri, li tevalwa l-livell ta' libertà tal-istampa f'180 pajjiż kull sena;

S.  billi mill-bidu tal-2018, ġurnalisti Belarussi, li d-dritt tagħhom li jiġbru, jaħżnu u jxerrdu l-informazzjoni huwa garantit bil-Kostituzzjoni, ġew immultati aktar minn 70 darba għal kooperazzjoni ma' mezzi tax-xandir tal-massa barranin mingħajr akkreditazzjoni, b'multi li jammontaw għal RUB 60000; billi l-Artikolu 22.9 tal-Kodiċi ta' Ksur Amministrattiv sar għodda effiċjenti għall-fastidju tal-ġurnalisti indipendenti u outlets tal-mezzi tax-xandir bħal Belsat TV, li ilu mill-2011 jopera mill-Polonja;

T.  billi l-Belarussja hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu jipprattika l-piena kapitali;

U.  billi kategoriji speċifiċi ta' nies fil-Belarussja qed jiġu soġġetti għal priġunerija falza u detenzjoni arbitrarja, iċ-ċaħda tal-kura xierqa u tal-kuntatt mal-qraba waqt id-detenzjoni, vjolenza fiżika u psikoloġika organizzata mill-istat, prosekuzzjoni u kundanni għal akkużi invalidi u falsifikati, penali finanzjarji sproporzjonati, sanzjonijiet amministrattivi u forom oħra ta' repressjoni mill-awtoritajiet Belarussi; billi dawn il-kategoriji jinkludi l-priġunieri politiċi (notevolment Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka), avversarji politiċi magħrufa, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, atturi tas-soċjetà ċivili, attivisti ta' organizzazzjonijiet ambjentali, mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, bloggers indipendenti, ġurnalisti u edituri, dimostranti paċifiċi mill-faxex kollha tas-soċjetà, u b'mod partikolari, attivisti ta' għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema (notevolment Henadz Fiadynich u Ihar Komlik);

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u d-detenzjoni tal-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Belarussja; iħeġġeġ l-awtoritajiet itemmu l-fastidju ġudizzjarju, l-intimidazzjoni u t-theddid kontral-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir indipendenti u li jippermettu l-portals kollha tal-aħbarijiet joperaw liberament;

2.  Jikkunsidra bħala inaċċettabbli l-ibblukkjar, minn Jannar 2018, tas-sit web tal-aħbarijiet Charter 97 mill-awtoritajiet Belarussi; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat u bla kundizzjonijiet ineħħi l-ibblukkar impost fuq l-aċċess bl-internet għas-sit web tal-aħbarijiet fil-Belarussja;

3.  Jikkundanna b'qawwa l-emendi adottati għal-liġi tal-mezzi tax-xandir, li qed jintużaw biex iżidu l-kontroll fuq l-internet; itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-klima li qed teħżien għas-siti web u l-outlets tal-mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti fil-Belarussja;

4.  Hu tal-fehma li l-mezzi tax-xandir indipendenti ma jikkostitwixxux theddida għall-awtoritajiet iżda saħansitra huma element importanti tas-sistema ta' kontrolli u bilanċi u għaldaqstant għandhom jitqiesu mill-gvern bħala sieħeb kritiku potenzjali, u mhux bħala għadu;

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Belarussja qed tkompli tippersisti b'politika ta' trażżin u mhux demokratika kontra l-ġurnalisti, l-avukati, l-attivisti politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-protagonisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema u oħrajn li jitqiesu bħala theddida għal dawk li għandhom il-poter politiku; jenfasizza li tali trażżin jostakola kwalunkwe relazzjoni eqreb mal-UE u parteċipazzjoni usa' fis-Sħubija tal-Lvant;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex isaħħu r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż ir-rispett għall-ġurnaliżmu ġenwin u imparzjali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali ratifikati mill-Belarussja;

7.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja referenzi sodi għall-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri jiżguraw li l-programmi ta' assistenza tal-UE u forom oħra ta' kooperazzjoni bilaterali, inkluża l-assistenza finanzjarja, iridu jkunu marbuta ma' passi ċari u tanġibbli lejn id-demokratizzazzjoni u l-ftuħ, inkluża riforma elettorali komprensiva u rispett sħiħ għal-libertà tal-mezzi tax-xandir;

8.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sorsi indipendenti kollha ta' informazzjoni għas-soċjetà Belarussa, inkluż ix-xandir bil-lingwa Belarussa, u dawk barra l-pajjiż bħal Charter 97 u Belsat TV;

9.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, b'kooperazzjoni mar-Rapporteur Permanenti tan-NU għall-Belarussja;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jippermettu l-funzjonament sħiħ u mhux imxekkel tal-organizzazzjonijiet politiċi u pubbliċi u jirrevokaw l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali li jneħħi l-libertajiet ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi;

11.  Jitlob b'qawwa l-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka, u r-riabilitazzjoni sħiħa tal-ex-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-awtoritajiet biex jippermettu lill-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema jaqdu r-rwol leġittimu u ċentrali tagħhom fis-soċjetà ċivili mingħajr xkiel; jiddispjaċih dwar il-kundanna, fl-24 ta'Awwissu 2018, ta' Henadz Fiadynich u Ihar Komlik, attivisti tal-għaqda indipendenti tal-ħaddiema REP, ta' erba' snin b'libertà ristretta;

12.  Ifaħħar ix-xogħol imwettaq mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, u jiġbed l-attenzjoni tas-suċċessur tiegħu, Anaïs Marin, dwar id-diversi abbużi ta' poter, tnaqqis tal-libertajiet individwali u kollettivi u t-trażżin tas-soċjetà ċivili, l-għaqdiet indipendenti tal-ħaddiema u l-mezzi tax-xandir indipendenti, kif identifikat b'mod ċar fir-rapporti tas-Sur Haraszti;

13.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jirrikonoxxu l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja mingħajr dewmien, u lill-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex jikkundizzjonaw kwalunkwe assistenza finanzjarja jew teknika lill-Belarussja maċ-ċirkostanzi stabbiliti hawn fuq, filwaqt li tiġi ppreservata l-possibiltà li l-UE tiffinanzja b'mod dirett lis-soċjetà ċivili Belarussa;

14.  Għadu mħasseb dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant nukleari f'Ostrovets; jinnota r-rapport dwar it-testijiet tal-istress u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati fit-3 ta' Lulju 2018 u jitlob li r-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress jiġu implimentati bħala kundizzjoni għal kwalunkwe avvanz ulterjuri fil-kooperazzjoni UE-Belarussja, b'mod partikolari għall-iffirmar tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Belarussja.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza