Proċedura : 2018/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0498/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0498/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0434

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 448kWORD 58k
24.10.2018
PE624.193v01-00}
PE624.194v01-00}
PE624.195v01-00}
PE624.197v01-00}
PE624.199v01-00}
PE624.201v01-00}
PE624.204v01-00} RC1
 
B8-0498/2018}
B8-0499/2018}
B8-0500/2018}
B8-0501/2018}
B8-0503/2018}
B8-0505/2018}
B8-0508/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0498/2018 (S&D)

B8‑0499/2018 (ECR)

B8‑0500/2018 (Verts/ALE)

B8‑0501/2018 (GUE/NGL)

B8‑0503/2018 (ALDE)

B8‑0505/2018 (EFDD)

B8‑0508/2018 (PPE)


dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885 (RSP)).


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Sandra Kalniete, David McAllister, Eduard Kukan, Anders Sellström, László Tőkés f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D
Karol Karski, Charles Tannock, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Pavel Telička, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Ángela Vallina, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Sabine Lösing, Barbara Spinelli, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kateřina Konečná, Marie‑Christine Vergiat, Paloma López Bermejo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ernest Urtasun, Jordi Solé, Florent Marcellesi, Ana Miranda, Ska Keller, Keith Taylor, Margrete Auken, Bodil Valero, Klaus Buchner, Reinhard Bütikofer, José Bové, Michèle Rivasi, Eva Joly, Yannick Jadot, Pascal Durand, Karima Delli f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi fil-konsulat Sawdi f'Istanbul (2018/2885(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), dik tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi(2), dik tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3), dik tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(4), u dawk tal-25 ta' Frar 2016(5) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen u tat-30 ta' Novembru 2017(6) u tal-4 ta' Ottubru 2018(7) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(8);

–  wara li kkunsidra r-rimarki magħmula mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (VP/RGħ), Federica Mogherini, fid-9 ta' Ottubru 2018 fil-konferenza stampa konġunta mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall u fil-15 ta' Ottubru 2018 fil-kuntest tal-Kunsill Affarijiet Barranin, u d-dikjarazzjoni tagħha f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2018 dwar l-iżviluppi reċenti fil-każ tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2018 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari(9),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Ottubru 2018 mill-Kelliemi għas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet li fiha jħeġġeġ lill-Arabja Sawdija tiżvela kull ma taf dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 mill-esperti tan-NU li fiha jesiġu li ssir investigazzjoni dwar l-għajbien tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi f'Istanbul,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju tas-18 ta' Ottubru 2018, li jesprimi preokkupazzjonijiet serji dwar il-prattika l-ġdida ta' ħtif sostnut minn stat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tas-17 ta' Ottubru 2018 dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Ottubru 2018 mill-ministri għall-affarijiet barranin tar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja dwar l-għajbien tal-ġurnalist Sawdi Jamal Khashoggi, u dik tal-21 ta' Ottubru 2018 dwar mewtu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdita dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, ċittadin Sawdi,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, irratifikata mill-Arabja Sawdija fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġurnalist prominenti Sawdi Jamal Khashoggi kien ilu nieqes minn mindu daħal fil-konsulat tal-Arabja Sawdija f'Istanbul fit-2 ta' Ottubru 2018 biex jikseb dokumenti meħtieġa għaż-żwieġ tiegħu, u billi minn dakinhar 'l hawn ħadd ma rah, minkejja li l-uffiċjali Sawdin għall-ewwel kienu qalu li kien ħareġ mill-binja; billi nkixfet informazzjoni tassew preokkupanti rigward x'kien ġralu, li tat lok għal allegazzjonijiet tal-possibbiltà li kien seħħ qtil extraġudizzjarju u omiċidju sostnut minn stat;

B.  billi l-Arabja Sawdija għall-ewwel ċaħdet kwalunkwe involviment fl-għajbien ta' Jamal Khashoggi, iżda mbagħad, wara li saritilha pressjoni internazzjonali qawwija, ammettiet li l-qtil tiegħu kien seħħ fil-konsulat tagħha f'Istanbul;

C.  billi, fid-19 ta' Ottubru 2018, il-Prosekutur Pubbliku tal-Arabja Sawdija ddikjara li "l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin, [...] biex dawk kollha involuti f'dan il-każ jinżammu responsabbli u jinġiebu quddiem il-ġustizzja"; billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija ddikjara fil-21 ta' Ottubru li l-operazzjoni kienu wettquha individwi li marru lil hinn mill-awtorità u mir-responsabbiltà tagħhom, u li l-awtoritajiet Sawdin kienu determinati li jikkastigaw lil dawk kollha li kienu responsabbli għall-qtil; billi l-kontroll komplut li Mohammad Bin Salman Al Saud għandu fuq is-servizzi tas-sigurtà ftit li xejn jagħmilha probabbli li operazzjoni setgħet saret mingħajr l-għarfien jew il-kontroll tiegħu;

D.  billi hemm allegazzjonijiet, deskritti mill-awtoritajiet Sawdin bħala "bla bażi" u "għalkollox foloz", li filmat tas-CCTV kien tneħħa mill-konsulat, li l-persunal Tork kollu kien ġie ordnat jieħu ġurnata frank, li partijiet tal-konsulat inżebgħu mill-ġdid wara l-għajbien ta' Jamal Khashoggi, u li 15-il individwu Sawdi, li l-biċċa l-kbira minnhom, skont rapporti, għandhom rabtiet mal-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman, mas-servizzi tas-sigurtà tal-istat, mal-militar jew ma' ministeri oħra tal-gvern, waslu fil-belt ta' Istanbul u ħallewha fuq żewġ ajruplani mikrija fit-2 ta' Ottubru 2018, il-jum meta għeb Jamal Khashoggi;

E.  billi, wara l-għajbien ta' Khashoggi, l-awtoritajiet Sawdin ħolqu ostakli biex ifixklu t-twettiq ta' investigazzjoni f'waqtha, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u trasparenti; billi kien biss wara pressjoni internazzjonali, u wara li ntlaħaq ftehim mal-awtoritajiet Torok, li l-investigaturi tħallew jeżaminaw ġewwa l-konsulat Sawdi fil-15 ta' Ottubru 2018 u ngħataw aċċess għar-residenza tal-konslu ġenerali fis-17 ta' Ottubru 2018;

F.  billi l-uffiċjali Torok u Sawdin ħabbru investigazzjoni konġunta dwar l-għajbien ta' Jamal Khashoggi; billi esperti tan-NU għamlu sejħa biex issir investigazzjoni internazzjonali u indipendenti dwar l-għajbien tiegħu; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha insistew fuq il-ħtieġa li ssir investigazzjoni eżawrjenti, kredibbli u trasparenti, biex titfa' dawl ċar fuq iċ-ċirkostanzi tal-qtil ta' Jamal Khashoggi u tiżgura li dawk kollha li għandhom responsabbiltà jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

G.  billi l-fatt li s-Sur Khashoggi safa fil-mira ta' aġenti Sawdin fil-konsulat Sawdi f'Istanbul jikkostitwixxi ksur flagranti tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, li fl-Artikolu 55.2 tagħha tistabbilixxi li l-binjiet konsulari "ma għandhom jintużaw bl-ebda mod li ma jkunx kompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet konsulari"; billi l-Artikolu 41 tal-istess konvenzjoni jipprevedi li l-immunità diplomatika tista' tiġi annullata f'każijiet ta' "delitt gravi", fuq deċiżjoni ta' qorti kompetenti;

H.  billi sew l-Arabja Sawdija u sew it-Turkija huma partijiet fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, u għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha biex jipprevjenu t-tortura, l-għajbien furzat u vjolazzjonijiet gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestigaw allegazzjonijiet ta' atti li jikkostitwixxu dawn ir-reati, u li jressqu quddiem il-ġustizzja lill-persuni li jkunu suspettati li wettquhom; billi, skont il-Konvenzjoni tan-NU, ir-reat partikolari tal-qtil ta' Jamal Khashoggi huwa soġġett għal ġurisdizzjoni universali u kwalunkwe persuna suspettata tista' għalhekk tiġi arrestata fi kwalunkwe lok fit-territorju tal-pajjiżi firmatarji u, jekk dan ikun applikabbli, isirilha proċess fil-qrati nazzjonali tagħhom;

I.  billi l-libertà tal-opinjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma drittijiet fundamentali ta' kull bniedem u huma prekundizzjonijiet u katalizzaturi kruċjali għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u jikkostitwixxu kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi midja ħielsa, diversa u indipendenti hija essenzjali fi kwalunkwe soċjetà għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ħidma tal-ġurnalisti, li twassalhom biex jikxfu abbużi tal-poter, jitfgħu d-dawl fuq il-korruzzjoni u jikkontestaw l-opinjoni ġeneralment aċċettata, ħafna drabi tqegħidhom f'riskju speċifiku ta' intimidazzjoni u vjolenza;

J.  billi l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi huwa parti minn stampa sħiħa ta' repressjoni estensiva fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, ġurnalisti, kittieba u bloggers prominenti, li intensifikat minn mindu l-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman beda jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż; billi l-awtoritajiet iridu li diversi minn dawn l-attivisti jingħataw il-piena tal-mewt; billi sistemi ta' sorveljanza u prodotti oħrajn b'użu doppju intużaw biex isegwu u jintraċċaw il-movimenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kritiċi fl-Arabja Sawdija; billi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet Sawdin ibbażati barra l-pajjiż, inkluż fi bliet kapitali tal-Punent, ħabbtu wiċċhom ma' theddidiet lill-familji tagħhom fl-Arabja Sawdija;

K.  billi r-reġim Sawdi, fl-istess waqt, qed imexxi kampanja xejn irħisa fil-midja internazzjonali biex ipinġi lilu nnifsu bħala forza ta' modernizzazzjoni, u qed iħabbar riformi, filwaqt li s-sistema għadha diskriminatorja u mhux demokratika; billi diversi kelliema prominenti, sostenituri u sħab medjatiċi kkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom qabel il-konferenza dwar l-Inizjattiva ta' Investiment Futur ta' Ottubru 2018 f'Riyadh, fost tregħix minħabba l-għajbien ta' Jamal Khashoggi;

L.  billi r-reġim Sawdi f'diversi okkażjonijiet eżerċita pressjoni, wettaq koerċizzjoni u għamel theddidiet kontra pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u bblokka investigazzjonijiet indipendenti internazzjonali b'reazzjoni għall-kritika minn dawk il-pajjiżi u organizzazzjonijiet dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija jew dwar vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa fil-Jemen;

M.  billi l-Kanċillier Ġermaniż iddikjarat fil-21 ta' Ottubru li l-Ġermanja kienet se tissospendi temporanjament l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi mhux spjegati tal-mewt ta' Jamal Khashoggi;

1.  Jikkundanna bl-aktar qawwa possibbli t-tortura u l-qtil ta' Jamal Khashoggi, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u lil ħbiebu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżvelaw fejn jinsabu l-fdalijiet tiegħu; ifakkar li l-prattika sistematika tal-għajbien furzat u tal-qtil extraġudizzjarju tikkostitwixxi delitt kontra l-umanità;

2.  Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Jamal Khashoggi; jitlob li l-persuni responsabbli jiġu identifikati u ssirilhom ġustizzja, wara proċess ġust li jsir skont standards internazzjonali quddiem qorti imparzjali u fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

3.  Huwa estremament preokkupat bl-informazzjoni dwar dak li ġara lil Jamal Khashoggi u dwar l-implikazzjoni ta' aġenti Sawdin; jieħu nota tal-investigazzjoni li għaddejja minn uffiċjali Torok u Sawdin u jħeġġeġ li jsiru aktar sforzi; jitlob li l-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet Torok u jħeġġeġ lil dawn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha, ħalli jiċċaraw x'seħħ preċiżament fit-2 ta' Ottubru 2018, lil hinn minn kwalunkwe ipotesi;

4.  Itenni li, jekk l-għajbien u l-qtil ta' Jamal Khashoggi jiġu attribwiti lil aġenti Sawdin, sew l-entitajiet statali u sew l-individwi jridu jagħti kont ta' għemilhom; jitlob li l-VP/RGħ u l-Istati Membri, f'dan ir-rigward, ikunu lesti li jimponu sanzjonijiet speċifiċi, inklużi projbizzjonijiet fuq il-viżi u ffriżar tal-assi kontra individwi Sawdin, kif ukoll sanzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem kontra r-Renju tal-Arabja Sawdija, ladarba l-fatti jkunu ġew stabbiliti; jinsisti li kwalunkwe sanzjonijiet ta' dan it-tip għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn l-awturi materjali, iżda wkoll lejn l-awturi intellettwali u lejn l-instigaturi ta' dan id-delitt;

5.  Huwa mħasseb li l-għajbien ta' Jamal Khashoggi jorbot direttament mal-kritika li dan tal-aħħar esprima fil-konfront tal-politiki tal-Arabja Sawdija f'dawn l-aħħar snin; itenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet Sawdin jinfetħu għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-espressjoni ħielsa u għad-dissens paċifiku;

6.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jagħmlu djalogu strutturali mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

7.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu tal-awtoritajiet Sawdin kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati attivisti, ġurnalisti, kjeriċi, kittieba u bloggers, sew fil-pajjiż u sew barra minnu, li jimmina l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fl-Arabja Sawdija; jinsisti li l-awtoritajiet Sawdin jieħdu l-passi meħtieġa biex iħallu lil kulħadd jeżerċita drittijietu b'mod liberu, mingħajr kwalunkwe fastidju ġudizzjarju jew kwalunkwe rappreżalja oħra, bħal theddidiet lill-familji tal-persuni; jitlob li l-Gvern tal-Arabja Sawdija jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra li jinsabu l-ħabs u huma kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, u talli ħadmu b'mod paċifiku favur id-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tal-libertà tal-espressjoni, sew online u sew offline, ta' stampa ħielsa u tal-iżgurar li l-ġurnalisti jkunu protetti; jenfasizza li fl-ebda ċirkostanza mhuwa aċċettabbli li ġurnalisti jisfaw mhedda, attakkati jew maqtula, u li din hija kwistjoni tal-akbar tħassib;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sawdin fl-obbligi internazzjonali tagħhom skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra;

10.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu pożizzjoni qawwija fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li matulha, fil-5 ta' Novembru, l-Arabja Sawdija se tippreżenta r-rekord tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tar-Rieżami Perjodiku Universali; itenni s-sejħa tiegħu biex l-Istati Membri tal-UE jipproponu, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li jinħatar Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex iqajmu l-kwistjoni tas-sħubija minn stati li għandhom storja profondament dubjuża rigward id-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-Arabja Sawdija; jiddeplora l-vot minn diversi Stati Membri tal-UE b'appoġġ għas-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li jinħoloq reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha, li jkun jinvolvi l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet fuq il-viża u tal-iffriżar tal-assi fil-konfront ta' individwi; jistenna riżultati konkreti mill-konferenza li l-awtoritajiet Netherlandiżi se jlaqggħu f'The Hague f'Novembru biex ivaraw l-inizjattiva, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE biex jappoġġjaw din il-proposta bis-sħiħ;

12.  Jitlob li l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil Raif Badawi minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier tal-kuxjenza, miżmum u kkundannat sempliċement għaliex eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà tal-espressjoni; jitlob li l-awtoritajiet tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-każ tiegħu f'kull kuntatt ta' livell għoli li jista' jkollhom, u jistabbilixxu task force interistituzzjonali mal-atturi rilevanti, inklużi s-SEAE u d-delegazzjoni tal-UE, biex jintensifikaw l-isforzi biex jinkiseb ir-rilaxx tiegħu;

13.  Jitlob moratorju fuq il-piena tal-mewt; jitlob rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi inkwistjoni kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

14.  Jitlob li l-Kunsill jilħaq pożizzjoni komuni bil-għan li jimponi fuq l-Arabja Sawdija embargo tal-armi madwar l-UE kollha, u li jirrispetta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jitlob embargo fuq l-esportazzjoni ta' sistemi tas-sorveljanza u prodotti oħra b'użu doppju li jistgħu jintużaw fl-Arabja Sawdija għal finijiet ta' repressjoni;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tat-Turkija, lill-Maestà Tiegħu r-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad Bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija; jitlob li din ir-riżoluzzjoni tinqaleb għall-Għarbi.

 

(1)

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.

(2)

ĠU C 310, 25.8.2016, 29.

(3)

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0232

(5)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(6)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0383.

(8)

ĠU C 408, 30.11.2017, p. 43.

(9)

ĠU L 335, 13.12.2018, p. 99.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza