MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba
14.11.2018 - (2018/2926(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0528/2018 (PPE)
B8-0532/2018 (ECR)
B8-0543/2018 (ALDE)
Esteban González Pons, Cristian Dan Preda, Luis de Grandes Pascual, Gabriel Mato, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Francisco José Millán Mon, Antonio López-Istúriz White, Michaela Šojdrová, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Milan Zver, Elisabetta Gardini, Jarosław Wałęsa, Lorenzo Cesa, Tomáš Zdechovský, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, József Nagy, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Krzysztof Hetman, Csaba Sógor, Patricija Šulin, Romana Tomc, Adam Szejnfeld, David McAllister, Lefteris Christoforou, Dubravka Šuica, Anders Sellström, Deirdre Clune, Seán Kelly, Ivana Maletić, Marijana Petir, Laima Liucija Andrikienė, Stanislav Polčák, László Tőkés, Željana Zovko, Francis Zammit Dimech, Inese Vaidere, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Anna Elżbieta Fotyga, Karol Karski, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Valdemar Tomaševski, Pirkko Ruohonen-Lerner, Marek Jurek, Monica Macovei, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Pavel Telička, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Nadja Hirsch, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Javier Nart, María Teresa Giménez Barbat f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba[1], tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban[2], tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba[3], tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba[4], u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra, u l-approvazzjoni tal-Parlament fir-rigward tiegħu[5],
– wara li kkunsidra l-elezzjoni ta' Miguel Díaz-Canel bħala l-President il-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba fid-19 ta' April 2018,
– wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat f'Kuba li nħarġu fis-17 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 59/2018 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rigward Ariel Ruiz Urquiola, li huwa meqjus minn Amnesty International bħala priġunier minħabba raġunijiet ta' twemmin, adottata fit-82 sessjoni tan-NU li saret mill-20 sal-24 ta' Awwissu 2018,
– wara li kkunsidra l-Eżamijiet Perjodiċi Universali dwar Kuba mwettqa mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Mejju 2013 u f'Mejju 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport 2017 ta' Human Rights Watch dwar Kuba u d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2018 magħmula minn Erika Gueva-Rosas, direttur għall-Amerki fi ħdan Amnesty International, dwar il-mitt jum tal-amministrazzjoni Kubana l-ġdida,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' kull xahar tal-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Kuba,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inklużi fid-djalogi politiċi tal-UE kif ukoll fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni u ta' kummerċ tagħha; billi l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, għandha tkun wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma' Kuba;
B. billi, fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba; billi l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jesprimi b'mod ċar it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u jinkludi klawsola ta' sospensjoni fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
C. billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, beda fl-2015; billi, fid-9 ta' Ottubru 2018, il-partijiet fir-raba' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba indirizzaw, fost affarijiet oħra, it-tema tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi, inkluż fil-kuntest tal-proċessi elettorali reċenti, kif ukoll il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni u l-possibbiltà li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u setturi oħra tas-soċjetà ċivili jassoċjaw ruħhom, jesprimu l-fehmiet tagħhom u jipparteċipaw fil-ħajja pubblika liberament; billi mhuwiex ċar għall-Parlament jekk din il-laqgħa kinitx konklużiva dwar xi waħda minn dawn it-temi; billi ma nkiseb l-ebda riżultat tanġibbli f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, minkejja l-fatt li ġie stabbilit id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u minkejja l-elezzjoni mill-ġdid ta' Kuba fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2017-2019; billi d-djalogu politiku jrid jinkludi djalogu dirett u intensiv mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni mingħajr ebda restrizzjoni;
D. billi l-Gvern Kuban għadu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem bħala attività leġittima u jiċħad l-istatus legali lil gruppi lokali tad-drittijiet tal-bniedem;
E. billi għandu jsir referendum kostituzzjonali fl-24 ta' Frar 2019; billi l-proċess tat-twaqqif tal-kostituzzjoni l-ġdida huwa nieqes minn konsultazzjoni nazzjonali xierqa, b'tali mod li jiġi żgurat li l-Partit Komunista jmantni r-rwol qawwi tiegħu fis-soċjetà Kubana, li ma għandhiex sistema multipartitika, libertajiet bażiċi u drittijiet politiċi u ċivili, u b'hekk jissaħħu s-sjieda ċentralizzata tal-Istat u l-ekonomija kkontrollata; billi s-sistema politika monopartitika hija ddikjarata bħala "irrevokabbli" fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 224 jiddikjara li huwa pprojbit li l-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jibdlu l-irriversibbiltà tas-Soċjaliżmu, kif ukoll is-sistema politika u soċjali attwali; billi jidher li hemm dispożizzjonijiet oħra li huma ferm preokkupanti fl-abbozz;
F. billi l-ġurnalisti indipendenti, id-dissidenti paċifiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiddokumentaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, qed jiġu ppersegwitati, detenuti arbitrarjament jew miżmuma l-ħabs f'Kuba; billi, skont il-Kummissjoni Kubana għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, f'Ottubru 2018 twettqu minn tal-anqas 202 arresti arbitrarji fuq żmien qasir, mingħajr dubju għal raġunijiet politiċi, ta' opponenti paċifiċi u attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili li jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni politika;
G. billi waħda minn dawn il-persuni hija Dr Eduardo Cardet, koordinatur nazzjonali tal-Moviment Nisrani ta' Liberazzjoni (MCL), li ġie kkundannat għal tliet snin il-ħabs talli eżerċita paċifikament id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni; billi, f'Novembru 2016, ġie arrestat meta mar lura d-dar wara vjaġġ f'Miami; billi Dr Cardet, li huwa meqjus bħala priġunier minħabba raġunijiet ta' twemmin, bħalissa qed jiġi detenut fil-ħabs Cuba SI f'Holguín, fejn qed jinżamm f'iżolament, mingħajr aċċess għal żjarat familjari jew telefonati;
H. billi Tomás Núñez Magdariaga, membru tal-Għaqda Patrijottika ta' Kuba (Unión Patriótica de Cuba, UNPACU), grupp mhux uffiċjali tal-oppożizzjoni politika, għamel strajk tal-ġuħ bi protesta għal 62 jum u nħeles fil-15 ta' Ottubru 2018 bis-saħħa tal-pressjoni internazzjonali; billi s-Sur Magdariaga nstab ħati li allegatament hedded lil uffiċjal tal-Istat li fl-aħħar mill-aħħar stqarr li kien huwa li ħoloq l-akkużi miġjuba kontra tiegħu; billi l-każ tiegħu huwa eżempju ċar ieħor tat-tentattivi ta' oppressjoni fil-konfront ta' kwalunkwe idea li tesprimi dissens;
I. billi, f'Ottubru 2018, in-Nisa Lebsin l-Abjad (Damas de Blanco) għal darba oħra sfaw il-vittmi ewlenin tar-repressjoni politika u għadd ta' membri tal-Forum Antitotalitarju Magħqud (Foro Antitotalitario Unido, FANTU) kienu soġġetti għal repressjoni f'diversi provinċji tal-pajjiż;
J. billi l-priġunieri kollha f'Kuba jeħtiġilhom ikunu ggarantiti trattament uman; billi l-Gvern Kuban jiċħad lill-gruppi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem aċċess għall-ħabsijiet; billi ċ-ċittadini Kubani ma jibbenefikawx minn garanziji ta' proċess ġust, bħad-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti u imparzjali; billi l-priġunieri li jingħataw libertà kondizzjonali ħafna drabi huma soġġetti għal fastidju kontinwu mill-awtoritajiet;
K. billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddikjara b'mod ċar li l-vittmi Kubani ta' detenzjoni arbitrarja għandhom id-dritt li jfittxu rimedju mill-gvern li jinkludi r-restituzzjoni, il-kumpens, ir-riabilitazzjoni, is-sodisfazzjon u l-garanziji ta' nonrepetizzjoni;
L. billi hemm sinjali ta' rispett akbar għal-libertà ta' reliġjon f'Kuba; billi, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Kubani għadhom restrittivi ħafna f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini jew bini mill-ġdid ta' knejjes Insara; billi l-Knisja progressivament ħarġet bħala l-akbar attur tas-soċjetà ċivili u bħala l-fornitur soċjali mhux statali ewlieni f'Kuba, iżda l-attivitajiet tagħha għadhom taħt kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet;
M. billi relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi aktar mill-qrib ma' Kuba huma, min-naħa tal-UE, intiżi biex jgħinu r-riformi politiċi fil-pajjiż jimxu 'l quddiem, bi qbil mal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha tagħha; billi l-liberalizzazzjoni ekonomika u kummerċjali għandha tippermetti lill-pajjiż jimxi bil-mod il-mod lejn l-ispazji soċjali ħielsa, il-koeżistenza, it-teknoloġija u l-komunikazzjonijiet li huma apprezzati u mitluba mill-popolazzjoni Kubana;
N. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi xorta waħda r-rebbieħa tal-Premju Sakharov għadhom jiġu impeduti milli jitilqu minn pajjiżhom u milli jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali;
O. billi l-Parlament f'ħafna okkażjonijiet staqsa jekk jistax jibgħat delegazzjonijiet uffiċjali f'Kuba; billi kull darba l-awtoritajiet Kubani ċaħdu l-aċċess għall-pajjiż, anke wara li ġie konkluż il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja, il-persekuzzjoni, il-fastidju kif ukoll l-attakki fil-konfront tad-dissidenti paċifiċi, il-ġurnalisti indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni politika f'Kuba; jappella biex dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih u biex jinħelsu minnufih il-priġunieri politiċi kollha, inkluż Eduardo Cardet, u dawk miżmuma b'mod arbitrarju sempliċement talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f'Kuba jirrispettaw b'mod strett il-prinċipji u l-politiki bażiċi tagħhom b'relazzjoni ma' Kuba u jieħdu kull azzjoni meħtieġa biex ifittxu l-ħelsien tal-individwi msemmija hawn fuq, biex jiżguraw li l-fastidju tal-avversarji politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jintemm minnufih u biex jassistu u jipproteġu lil dawn tal-aħħar;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jtejbu l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u t-trattament tal-priġunieri u jippermettu lill-gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u lill-organizzazzjonijiet Kubani indipendenti jiksbu aċċess għall-ħabsijiet tal-pajjiż; jissottolinja li l-priġunerija tad-dissidenti Kubani minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
4. Jiddispjaċih li, minkejja l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx; jappella biex jiġu onorati l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jenfasizza li s-suċċess ta' dan il-ftehim jiddependi mill-implimentazzjoni tiegħu u minn kemm jiġi osservat;
5. Ifakkar li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni u li għandu jsir rapportar lura lill-Parlament b'mod regolari; jistieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tinforma lill-Parlament fid-dettall waqt il-plenarja dwar il-passi konkreti li qed jittieħdu bil-għan li jiġi ssodisfat ir-rekwiżit imsemmi hawn fuq;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jiddefinixxi mill-ġdid il-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jallinjaha mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jħeġġu jippermetti lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni politika jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr ma jimponi l-ebda restrizzjoni; jistieden lil Kuba tafferma l-intenzjoni tagħha li "tosserva l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" billi tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, kif ukoll il-protokolli fakultattivi tagħhom;
7. Ifakkar lill-awtoritajiet Kubani li l-libertà ta' moviment u ta' għaqda hija ggarantita bis-saħħa tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li din il-libertà testendi għall-attivisti u l-membri tal-oppożizzjoni demokratika;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tad-Digriet 349, li jdgħajjef id-dritt għal-libertà artistika f'Kuba; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jieħdu l-miżuri leġiżlattivi xierqa biex jirtiraw id-Digriet 349 qabel ma jidħol fis-seħħ f'Diċembru 2018; jenfasizza li l-libertà ta' espressjoni artistika hija fundamentali għal settur kulturali vijabbli u dinamiku li jkun kapaċi joħloq l-impjiegi, jiżviluppa l-industriji kulturali u jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-wirt kulturali;
9. Jistieden lill-Gvern Kuban jieqaf jimponi ċ-ċensura online u jieqaf jimblokka s-siti tal-internet bl-iskop uniku li jillimita l-kritika politika u li jirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni;
10. Jappoġġja bis-sħiħ is-sejbiet tas-17 ta' Marzu 2017 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat f'Kuba li jħeġġu lil Kuba tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiggarantixxi l-indipendenza sħiħa tas-sistema ġudizzjarja tagħha u twaqqaf Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem indipendenti f'konformità mal-Prinċipji ta' Pariġi;
11. Jesprimi tħassib serju dwar l-abbozz il-ġdid tal-Kostituzzjoni u r-referendum ippjanat għal Frar 2019; jenfasizza li l-proċess kollu huwa nieqes mill-inklużjoni, it-tolleranza u r-rispett għad-drittijiet ċivili u politiċi bażiċi li jistgħu jiggarantixxu proċess kostituzzjonali demokratiku; itenni, f'dan is-sens, id-determinazzjoni tiegħu li jinkoraġġixxi proċess ta' tranżizzjoni għal demokrazija pluralistika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bl-involviment tal-atturi kollha mingħajr esklużjoni, kif tistqarr id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll irkupru ekonomiku dejjiemi mmirat lejn it-titjib tal-istandards tal-għajxien tal-popolazzjoni Kubana, bi qbil mal-aspirazzjonijiet tal-poplu Kuban; jistieden lill-awtoritajiet Kubani rilevanti jistabbilixxu elezzjonijiet ħielsa u pluralistiċi fil-Kostituzzjoni l-ġdida;
12. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jassistu t-tranżizzjoni ekonomika u politika f'Kuba lejn reġim kompletament demokratiku li jirrispetta d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini kollha tiegħu; jappoġġja l-użu tad-diversi strumenti tal-politika barranija tal-UE, u b'mod partikolari l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), sabiex jissaħħaħ id-djalogu tal-UE mas-soċjetà ċivili Kubana u ma' dawk li jappoġġjaw tranżizzjoni paċifika f'Kuba;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jappella biex ikun hemm moratorju fuq il-piena kapitali sakemm din il-bidla ġuridika tiġi adottata formalment; jappella biex issir reviżjoni tas-sentenzi kollha tal-mewt bil-għan li jiġi żgurat li l-proċessi assoċjati kienu konformi mal-istandards internazzjonali u li ma ssir lanqas eżekuzzjoni waħda fil-futur;
14. Jistieden lill-Gvern Kuban jippermetti lill-knejjes iwettqu liberament l-attivitajiet ta' kura soċjali tagħhom fis-soċjetà Kubana; jappella biex il-libertà ta' reliġjon u ta' kuxjenza tkun iggarantita bis-sħiħ;
15. Jistieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika fil-konfront tal-Gvern Kuban u tappoġġja l-inklużjoni tagħha fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba; ifakkar lill-istituzzjonijiet Ewropej li s-soċjetà ċivili u dawk li ngħataw il-Premju Sakharov huma atturi ewlenin għad-demokratizzazzjoni ta' Kuba u li l-vuċi tagħhom trid tinstema' u tittieħed inkunsiderazzjoni fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali; jistieden, f'dan is-sens, lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri tal-UE biex, matul iż-żjarat li jsiru, iqajmu t-tħassib tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Kubani u biex jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
16. Jiddispjaċih ferm dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lill-kumitati, lid-delegazzjonijiet u lil xi gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew iżuru Kuba minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu minnufih id-dħul fil-pajjiż, inkluża l-possibbiltà ta' żjarat fil-gżira waqt ir-referendum kostituzzjonali previst fl-24 ta' Frar 2019;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.