Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0533/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0533/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fill-Bangladesh

14.11.2018 - (2018/2927(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0533/2018 (ECR)
B8-0535/2018 (EFDD)
B8-0536/2018 (S&D)
B8-0538/2018 (Verts/ALE)
B8-0539/2018 (GUE/NGL)
B8-0542/2018 (ALDE)
B8-0544/2018 (PPE)

Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, Milan Zver, Elisabetta Gardini, Lorenzo Cesa, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, József Nagy, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Krzysztof Hetman, Csaba Sógor, Patricija Šulin, Romana Tomc, Adam Szejnfeld, David McAllister, Lefteris Christoforou, Michaela Šojdrová, Elmar Brok, Andrey Kovatchev, Deirdre Clune, Seán Kelly, Ivana Maletić, Marijana Petir, Laima Liucija Andrikienė, Stanislav Polčák, László Tőkés, Dubravka Šuica, Anders Sellström, Željana Zovko, Francis Zammit Dimech, Jiří Pospíšil, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Agnes Jongerius f'isem il-Grupp S&D
Pirkko Ruohonen-Lerner, Charles Tannock, Jana Žitňanská, Valdemar Tomaševski, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Monica Macovei, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Nadja Hirsch, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Miguel Urbán Crespo, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Kateřina Konečná, Luke Ming Flanagan, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Yannick Jadot, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2018/2927(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0533/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0533/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh

(2018/2927(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh tas-6 ta' April 2017[1] u tas-26 ta' Novembru 2015[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh[3], u wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istatus tekniku tat-28 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ[4],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-2001 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[5],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fir-rigward tad-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ħwejjeġ Lesti Biex Jintlibsu u tal-Maljerija fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sikurezza Kontra n-Nirien u tal-Bini fil-Bangladesh tal-2013, u t-tiġdid tiegħu fl-2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta lokali tas-27 ta' Settembru 2018 dwar l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali tal-Bangladesh mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri tal-UE, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Kapijiet tal-Missjoni tan-Norveġja u l-Iżvizzera,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nazzjonali tas-26 ta' Frar 2018 li ġie ppreżentat lill-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, adottata fl-20 ta' Diċembru 2006 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u li daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Bangladesh għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015-2021,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-17-il sessjoni tal-Forum Permanenti tan-NU dwar il-Kwistjonijiet Indiġeni (UNPFII),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali tal-Bangladesh tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Bangladesh, b'mod partikolari t-Taqsima 57 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Mejju 2014 dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh ilhom stabbiliti, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp; billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tal-partijiet, u jridu jkunu parti essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE;

B.  billi r-ripressjoni tal-membri tas-soċjetà ċivili, inklużi l-attivisti politiċi, it-trejdjunjonisti, il-ġurnalisti, l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi, żdiedet matul dawn l-aħħar snin fil-Bangladesh; billi l-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw tendenza ċara fil-Bangladesh ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, arresti arbitrarji tal-massa u għajbien furzat, bħall-każijiet ta' Maroof Zaman u Mir Ahmad Bin Quasem;

C.  billi l-Bangladesh huwa kklassifikat il-146 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa; billi l-vjolazzjonijiet tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-vjolenza, il-fastidju, l-intimidazzjoni u ċ-ċensura tal-ġurnalisti u tal-bloggers, għadhom mifruxa fil-Bangladesh; billi l-Att dwar l-ICT tal-Bangladesh, b'mod partikolari t-Taqsima 57 tiegħu, intuża matul dawn l-aħħar ftit snin għall-arrest u l-prosekuzzjoni ta' attivisti u ġurnalisti li kkritikaw lill-gvern;

D.  billi l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali, kif għadda mill-Parlament tal-Bangladesh fid-19 ta' Settembru 2018, jonqos milli jemenda t-Taqsima 57 tal-Att dwar l-ICT, minkejja l-bosta kritiki li saru mill-ġurnalisti tal-Bangladesh, l-attivisti tad-drittijiet ċivili u l-komunità internazzjonali;

E.  billi l-fotoġurnalist tal-Bangladesh rikonoxxut internazzjonalment u rebbieħ ta' premji, Shahidul Alam, għalliem u attivist, inħataf bil-forza minn daru fil-5 ta' Awwissu 2018 u ġie arrestat skont l-Att dwar l-ICT wara li kien esprima ruħu dwar protesti reċenti tal-istudenti fil-Bangladesh u kkritika l-użu tal-vjolenza mill-awtoritajiet; billi huwa baqa' f'detenzjoni u ġie miċħud pleġġ għal diversi drabi; billi allegatament huwa ġie miċħud kura medika adegwata u ġie soġġett għal tortura;

F.  billi għal attakki terroristiċi, il-gvern wieħed b'approċċ strett ta' "tolleranza żero"; billi n-netwerks mobbli fil-Bangladesh ngħalqu, u l-forzi tas-sigurtà tal-Bangladesh allegatament qed jippruvaw jixtru tagħmir ta' sorveljanza elettronika fis-suq internazzjonali; billi l-Gvern tal-Bangladesh beda kampanja ta' sorveljanza intensiva u intrużiva u ta' monitoraġġ tal-midja soċjali;

G.  billi l-elezzjonijiet fil-Bangladesh huma mistennija li jsiru fit-30 ta' Diċembru 2018; billi l-mexxeja tal-oppożizzjoni u l-eks Prim Ministru Khaleda Zia attwalment qed isservi 10 snin ħabs għall-korruzzjoni u hija pprojbita milli tikkontesta l-elezzjonijiet bħala riżultat ta' dan; billi hija tiċħad l-akkużi, li s-sostenituri tagħha jsostnu li kienu politikament motivati;

H.  billi n-nisa u l-bniet fil-Bangladesh jesperjenzaw livelli għoljin ta' vjolenza; billi l-Bangladesh għandu l-ogħla rata ta' żwieġ tat-tfal fl-Asja u waħda mill-ogħla rati fid-dinja; billi fl-2017 il-Gvern tal-Bangladesh għadda l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal, li jintroduċi eċċezzjonijiet f'"każijiet speċjali", filwaqt li jonqos milli jiddefinixxi tali kriterji jew jistabbilixxi età minima għal dawn iż-żwiġijiet;

I.  billi fil-Bangladesh il-piena tal-mewt tista' tiġi applikata għal reati multipli; billi fl-2017, sitt persuni ġew iġġustizzjati;

J.  billi kien hemm żieda rrappurtata f'każijiet ta' vjolenza din is-sena, b'mod partikolari kontra n-nisa indiġeni, kif ukoll fastidju u arrest ta' attivisti tad-drittijiet indiġeni fiż-żona ta' Chittagong Hill Tract;

K.  billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Bangladesh u, bħala Pajjiż l-Anqas Żviluppat, il-Bangladesh jibbenefika mill-aktar reġim favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE, jiġifieri l-arranġament Kollox Ħlief Armi (EBA);

L.  billi l-Bangladesh huwa mistenni li jibdel l-istatus ta' Pajjiż l-Anqas Żviluppat fl-2024; billi fis-snin sa dak iż-żmien, hija meħtieġa aċċellerazzjoni tar-riformi fid-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, inkluża l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; billi għad hemm tħassib dwar id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh u l-abbozz tal-Att dwar iż-Żoni tal-Ipproċessar tal-Esportazzjoni;

M.  billi, fil-qafas tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà, il-Ftehim dwar is-Sikurezza Kontra n-Nirien u tal-Bini fil-Bangladesh ġie ffirmat bejn ditti tal-ħwejjeġ globali, bejjiegħa bl-imnut u trejdjunjins; billi sal-lum, inqas minn nofs il-fabbriki koperti mill-ftehim ikkompletaw miżuri ta' sikurezza adegwati; billi l-ftehim skada f'Ottubru 2018, minkejja li baqa' xogħol sinifikanti xi jsir; billi l-ftehim ġie segwit minn Ftehim ta' Tranżizzjoni li għandu jiġi applikat għal tliet snin;

N.  billi jeħtieġ li jiġi appoġġat il-ftehim u l-partijiet kollha għandhom jitħallew ikomplu x-xogħol tagħhom mingħajr xkiel, inkluż wara Novembru 2018; billi l-Gvern tal-Bangladesh u ċ-Ċellula ta' Koordinazzjoni ta' Rimedju tiegħu darba biss urew kemm fil-kelma kif ukoll fil-fatt li huma ssodisfaw il-kondizzjonijiet ta' tħejjija u li dawn it-tipi ta' inizjattivi ta' mġiba responsabbli fin-negozju jistgħu ma jkunux meħtieġa aktar;

O.  billi fl-2018 il-Bangladesh irċieva influss qawwi ta' aktar minn 700 000 rifuġjat Rohingya li ħarbu minn kampanja ta' tindif etniku mill-militar Burmiż, u li għad għandhom bżonn urġenti ta' assistenza umanitarja; billi l-Bangladesh u l-Myanmar laħqu ftehim fit-30 ta' Ottubru 2018 dwar il-bidu tar-rimpatriju tal-poplu Rohingya lura lejn il-Myanmar sa nofs Novembru, u mingħajr il-konsultazzjoni jew l-involviment tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR);

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li dejjem sejra lura tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh u, b'mod partikolari, dwar it-trażżin kontinwu tal-libertà ta' espressjoni u tal-għaqda kontra l-midja, l-istudenti, l-attivisti u l-oppożizzjoni; jikkundanna l-fatt li l-persuni qed jiġu arrestati u soġġetti għal vjolenza talli jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni tagħhom biex jikkritikaw lill-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li l-użu tat-tortura qed isir endemiku;

2.  Jinnota li l-EPU tan-NU ta' Mejju 2018 faħħar lill-Bangladesh għall-"progress notevoli" tiegħu fit-titjib tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-aħħar snin; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet ċivili u politiċi, il-libertà tal-midja, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar rapporti ta' qtil extraġudizzjarju, għajbien furzat u użu eċċessiv tal-forza, inklużi l-każijiet ta' Maroof Zaman u Mir Ahmad Bin Quasem, u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja skont l-istandards internazzjonali; jistieden ukoll lill-Bangladesh jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, u jinkorpora d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil Shahidul Alam, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u jippermettulu jkompli bil-ħidma leġittima tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Bangladesh għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità u s-sigurtà fiżika u psikoloġika ta' Shahidul Alam, kif ukoll dawk tal-familja tiegħu, u jiżguraw li, waqt li jkun jinsab f'detenzjoni, Shahidul Alam jiġi ttrattat b'mod li jaderixxi ma' prinċipji u standards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iniedu investigazzjoni immedjata u pubblika dwar l-allegazzjonijiet li Shahidul Alam ġie ttorturat, u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja;

5.  Jesprimu tħassib serju dwar l-Att dwar l-ICT, mhux biss minħabba li diġà kellu impatt serju fuq ix-xogħol ta' ġurnalisti, bloggers u kummentaturi, iżda anke minħabba li jippenalizza l-eżerċizzju leġittimu tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni minn kwalunkwe individwu, inkluż fuq il-midja soċjali; huwa tal-fehma li t-Taqsima 57 tal-Att dwar l-ICT hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u ta' proċess ġust;

6.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-gvern li jippromulga l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali, li fil-fatt jespandi u jsaħħaħ is-setgħat tal-pulizija biex jiġġieled kontra d-diskors liberu, inkluż fuq il-midja soċjali, qabel l-elezzjonijiet nazzjonali fl-2018; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jirrevedu b'urġenza l-Att dwar is-Sigurtà Diġitali u l-Att dwar l-ICT u jġibuhom konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Bangladesh huwa firmatarju tagħhom;

7.  Japprezza r-rwol kostruttiv li żvolġa l-Bangladesh f'ċirkostanzi diffiċli meta aċċetta li jilqa' rifuġjati Rohingya; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu aktar art biex jitnaqqsu l-iffullar u l-privazzjoni tal-kampijiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet inaqqsu r-restrizzjonijiet burokratiċi li jimponu fuq l-organizzazzjonijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-Gvernijiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar jerġgħu jikkunsidraw minnufih id-deċiżjoni li jibdew jirrimpatrijaw ir-rifuġjati Rohingya, peress li l-kondizzjonijiet għal ritorn sikur, dinjituż u volontarju għadhom ma ġewx issodisfati;

8.  Jitlob lill-UE u lid-donaturi internazzjonali l-oħra jżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu l-għajnuna finanzjarja u materjali meħtieġa lill-kampijiet tar-rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh;

9.  Jinsisti li l-Bangladesh għandu jikkonforma mal-impenji tiegħu skont l-iskema tal-EBA fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

10.  Itenni t-talba tiegħu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Bangladesh;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar l-annullament tal-Ftehim ta' Tranżizzjoni, li għandu jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 2018; jinnota li l-RCC għad m'għandux il-kapaċità li jissorvelja u jinforza rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà, u dan għandu implikazzjonijiet serji għas-sikurezza u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-fabbriki li jinvolvi; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jirrikonoxxi u jimplimenta immedjatament il-Ftehim ta' Tranżizzjoni u juri aktar li huwa lest jieħu f'idejh il-funzjonijiet kollha tal-ftehim; jistieden lid-donaturi jappoġġaw lill-Gvern tal-Bangladesh sabiex dan ikun jista' jsir; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu l-ħidma tagħhom ta' bini ta' kapaċità, flimkien mal-RCC;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jadotta bidliet leġiżlattivi għall-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu biex iġibhom konformi mal-istandards internazzjonali tax-xogħol tal-ILO, u jippermetti l-libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jieħu l-passi meħtieġa biex jindirizza b'mod effettiv l-atti kollha ta' diskriminazzjoni kontra t-trade unions, inklużi atti ta' vjolenza u intimidazzjoni;

13.  Jesprimi tħassib li filwaqt li l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-2017 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-prevenzjoni, u dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, huwa madankollu jnikludi klawżola li tippermetti ż-żwieġ taħt l-età ta' 18-il sena taħt ċirkostanzi speċjali bil-kunsens tal-ġenituri u bil-permess tal-qorti; jitlob li din il-lakuna tingħalaq b'urġenza fl-interess tal-ħarsien tat-tfal;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh ikomplu jindirizzaw l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem se jkomplu jiġu diskussi fil-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u l-Bangladesh, li se ssir f'Dhaka fl-ewwel nofs tal-2019;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza