Proċedura : 2018/2903(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0557/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0557/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.13
CRE 12/12/2018 - 12.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0511

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 418kWORD 53k
10.12.2018
PE631.568v01-00}
PE631.569v01-00} RC1
 
B8-0557/2018}
B8-0558/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0557/2018 (ALDE)

B8-0558/2018 (PPE)


dwar il-pakkett dwar is-suq uniku  (2018/2903(RSP))


Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein

f'isem il-Grupp PPE

<<< Dita Charanzová

f'isem il-Grupp ALDE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pakkett dwar is-suq uniku  (2018/2903(RSP))  

 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Report on Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bl-isem "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2010 minn Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni bit-titolu "A New Strategy for the Single Market – At the Service of Europe's Economy and Society" (Strateġija Ġdida għas-Suq Uniku għas-Servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Settembru 2014, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "The cost of non-Europe in the single market" (Il-kost tan-non-Ewropa fis-suq uniku),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Jannar 2016, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "A strategy for completing the single market: the trillion euro bonus" (Strateġija għall-ikkompletar tas-suq uniku: il-bonus ta' triljun euro),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar ostakli nontariffarji fis-suq uniku(2), ibbażata fuq rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-istrateġija għas-suq uniku(3), ibbażata fuq rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali – Suq Uniku Diġitali Konness għal kulħadd (COM(2017)0228),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Is-Suq Uniku f'dinja li qed tinbidel – Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded" (COM(2018)0772),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-suq uniku kien, u jibqa', il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, kif ukoll mutur tat-tkabbir u l-impjiegi; billi dan ġie aċċentwat aktar matul in-negozjati reċenti dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

B.  billi d-dinja tinsab għaddejja minn proċess ta' bidla rapida u sinifikanti li għandha wkoll impatt fuq is-suq uniku tal-UE;

C.  billi s-suq uniku mhuwiex qed jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu;

D.  billi, skont ir-riċerka tal-Parlament stess, il-kisba antiċipata mill-ikkompletar tas-suq hija ta' EUR 1 triljun f'żieda fil-PDG b'mod kollettiv madwar l-Unjoni, inklużi kisbiet sinifikanti li għandu jkun hemm fis-settur tas-servizzi;

E.  billi hemm bżonn ta' approċċ strateġiku u komprensiv, u billi r-reazzjoni għall-isfidi ffaċċjati għandha tkun politika daqskemm għandha tkun teknika fin-natura tagħha;

F.  billi s-sinjali riċenti ta' traspożizzjoni mhumiex rassiguranti; billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku f'dinja li qed tinbidel, id-defiċit tat-traspożizzjoni għal 16-il direttiva b'dati ta' traspożizzjoni bejn Diċembru 2017 u Mejju 2018 kien ta' 25 % f'Ġunju 2018;

1.  Jilqa' l-objettivi ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq uniku f'dinja li qed tinbidel, ftit xhur biss qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u fil-25 anniversarju tas-suq uniku;

2.  Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa wieħed mill-pedamenti essenzjali tal-Unjoni Ewropea, u l-approfondiment tas-suq uniku għandu għalhekk jinġieb lura fil-quċċata tal-aġenda politika, peress li jikkontribwixxi għal-libertà, l-opportunitajiet u l-prosperità għall-Ewropa, joħloq drittijiet u obbligi speċifiċi għaċ-ċittadini, il-ħaddiema, il-konsumaturi, l-intraprendituri u n-negozji, u jkun ta' benefiċċju għal aktar minn 500 miljun Ewropew u aktar minn 21 miljun SME;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu eliminati l-ostakli mhux ġustifikati li fadal fis-suq uniku sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi, għażla għall-konsumatur u mudelli kummerċjali ġodda;

4.  Jisħaq li l-Unjoni għandha taħdem biex tiżgura li l-moviment liberu tas-servizzi jingħata l-istess prijorità bħall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq uniku; jissottolinja li l-moviment liberu tas-servizzi huwa ħafna inqas żviluppat mill-moviment liberu tal-merkanzija;

5.  Jisħaq li, minkejja t-tneħħija tal-ostakli tariffarji fis-suq uniku, għad jeżisti għadd kbir ta' ostakli nontariffarji varji mhux ġustifikati; jenfasizza li t-tisħiħ tas-suq uniku jeħtieġ azzjoni urġenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali sabiex jiġu indirizzati dawn l-ostakli mhux ġustifikati;

6.  Jemmen li integrazzjoni aktar profonda tas-suq uniku tirrikjedi aktar kuraġġ u impenn politiku minn 25 sena ilu u sforzi akbar biex jingħalaq id-distakk bejn il-kliem u l-fatti u jiġu indirizzati d-dgħufijiet tagħha;

7.  Huwa konvint li, biex ikollna integrazzjoni aktar profonda, huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi li japplikaw għall-parteċipanti kollha f'kull Stat Membru;

8.  Jinnota li 7 % biss tal-SMEs joffru prodotti u servizzi online lil klijenti fi Stati Membri oħra u 15 % biss tal-konsumaturi jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, u jirrimarka li l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali jista' jiġġenera gwadann ta' aktar minn EUR 415-il biljun u joħloq impjiegi ġodda;

9.  Iħeġġeġ biex ma tibqax issir id-distinzjoni antikwata bejn is-suq uniku "diġitali" u s-suq uniku "offline", peress li s-soluzzjonijiet diġitali huma parti indispensabbli mill-ekonomija moderna u l-prodotti u s-servizzi li tipprovdi, u kull aspett tas-suq uniku għandu jkun adatt għad-dinja diġitali;

10.  Jemmen li, sabiex niddefendu u napprofondixxu s-suq uniku, huwa kruċjali li niddefendu b'mod qawwi l-erba' libertajiet, jiġifieri l-libertà tal-persuni, tas-servizzi, tal-merkanzija u tal-kapital kemm fiżikament kif ukoll online, u jenfasizza li l-atturi kollha tal-UE jeħtieġ josservaw ir-regoli li jkun intlaħaq qbil dwarhom;

11.  Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tirrifletti b'mod konsistenti l-ambizzjoni tal-integrazzjoni tas-suq, il-bżonn li jiġu eliminati l-ostakli regolatorji u amministrattivi mhux ġustifikati u l-ħtieġa ta' validità għall-futur;

12.  Ifakkar li regola armonizzata waħda fil-livell tal-UE tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fl-Istati Membri kollha billi tissostitwixxi 28 regola differenti fis-suq uniku; jissottolinja li l-Unjoni għandha tirreżisti l-frammentazzjoni fi ħdan il-fruntieri tagħha bl-istess mod li tirreżisti l-protezzjoniżmu barra l-UE;

13.  Jirrimarka li s-suq uniku qiegħed dejjem aktar jiġi taħt pressjoni mir-regoli nazzjonali li jmorru kontra l-prinċipji sottostanti tiegħu, speċjalment ir-regoli fil-livell nazzjonali li għandhom impatt fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi; jirrikonoxxi li miżuri nazzjonali mhux ġustifikati u sproporzjonati, kif ukoll miżuri mhux koordinati, jistgħu jipperikolaw l-unità u l-effikaċja tas-suq uniku;

14.  Jisħaq li huwa importanti li jiġi żgurat li, fil-prattika, ir-regoli jwasslu għal riżultati: iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jgawdu mill-ħafna vantaġġi tas-suq uniku biss jekk ir-regoli li jkun intlaħaq qbil dwarhom b'mod konġunt fil-fatt ikunu qegħdin jaħdmu fil-prattika u jkunu ta' benefiċċju għal dawk iċ-ċittadini u n-negozji;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu aħjar mill-istrumenti eżistenti biex tieħu azzjoni kontra r-regoli nazzjonali li jikkontestaw is-suq uniku;

16.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ċara li l-istruttura tal-governanza tas-suq uniku tissaħħaħ bil-għan li jiġu żgurati mekkaniżmi ta' monitoraġġ effikaċi u tiġi identifikata t-traspożizzjoni inadegwata tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku jew kwalunkwe inadegwatezza fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħha, b'tali mod li jiġu applikati proċeduri ta' ksur meta jkun hemm bżonn;

17.  Jappoġġja bis-sħiħ l-istedina tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew biex jiddedika diskussjoni fil-fond fil-livell ta' kapijiet ta' stat jew ta' gvern għas-suq uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, bil-ħsieb li jiġu identifikati prijoritajiet komuni għal azzjoni u mekkaniżmi xierqa biex jintlaħaq l-impenn politiku mġedded tant meħtieġ għas-suq uniku;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li jmiss, fid-dawl tal-mandat politiku 2019-2024 futur, biex b'mod ambizzjuż tippjana azzjonijiet dwar is-suq uniku; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ppreżentat għadd ta' proposti leġiżlattivi tard wisq biex il-koleġiżlaturi jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom b'mod xieraq u jadottawhom qabel it-tmiem tal-mandat;

19.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew jimpenja ruħu għal wegħda ġdida biex jitlesta s-suq uniku sal-2025, inkluża skeda pubblika ġdida għall-azzjonijiet, kif għamlu l-mexxejja Ewropej fl-1985; jinsab imħasseb ħafna, madankollu, mill-fatt li bosta proposti leġiżlattivi huma kompletament imblukkati fil-Kunsill, li ma rnexxilux jadotta pożizzjoni dwarhom; jistieden lill-Kunsill itemm din is-sitwazzjoni, li tagħmel ħsara kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-kumpaniji tagħna;

20.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-responsabbiltà tagħhom f'dak li jikkonċerna s-suq uniku, speċjalment lejn iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 98.

(2)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 105.

(3)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza