Proċedura : 2018/2969(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0570/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0570/2018

Dibattiti :

PV 13/12/2018 - 7.3
CRE 13/12/2018 - 7.3

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0527

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 439kWORD 54k
12.12.2018
PE631.592v01-00}
PE631.593v01-00}
PE631.597v01-00}
PE631.594v01-00}
PE631.595v01-00}
PE631.596v01-00} RC1
 
B8-0570/2018}
B8-0571/2018}
B8-0575/2018}
B8-0572/2018}
B8-0573/2018}
B8-0574/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0570/2018 (ECR)

B8-0571/2018 (Verts/ALE)

B8-0575/2018 (PPE)

B8-0572/2018 (GUE/NGL)

B8-0573/2018 (S&D)

B8-0574/2018 (ALDE)


dwar it-Tanzanija (2018/2969(RSP))


Tomáš Zdechovský, David McAllister, Elmar Brok, Jarosław Wałęsa, Tunne Kelam, Csaba Sógor, Roberta Metsola, Milan Zver, Lorenzo Cesa, Adam Szejnfeld, Patricija Šulin, Giovanni La Via, Ivana Maletić, Deirdre Clune, Andrey Kovatchev, Seán Kelly, Dubravka Šuica, Inese Vaidere, Laima Liucija Andrikienė, Barbara Matera, László Tőkés, Krzysztof Hetman, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Valdemar Tomaševski, Raffaele Fitto, Jan Zahradil, Ruža Tomašić, Branislav Škripek, Monica Macovei, Notis Marias, Pirkko Ruohonen-Lerner f'isem il-Grupp ECR
Louis Michel, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Gesine Meissner, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperä f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Barbara Spinelli, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Patrick Le Hyaric, Luke Ming Flanagan f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tanzanija (2018/2969(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tanzanija, fosthom dik tat-12 ta' Marzu 2015(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni f'isem l-UE tar-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini tal-15 ta' Novembru 2018 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-23 ta' Frar 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza u l-intimidazzjoni marbuta mal-politika fit-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), tat-2 ta' Novembru 2018 dwar il-prosekuzzjoni u l-arresti ta' persuni LGBT fit-Tanzanija;

–  wara li kkunsidra s-Sett ta' Miżuri tal-Kunsill tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali (sett ta' miżuri LGBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR),

–  wara li kkunsidrat il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("l-Ftehim ta' Cotonou"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, sa mill-elezzjoni tal-President tat-Tanzanija John Pombe Magufuli fl-2015, id-drittijiet bażiċi fil-pajjiż ġew imminati permezz ta' liġijiet u digrieti repressivi; billi l-ġurnalisti kritiċi, il-politiċi tal-oppożizzjoni u l-attivisti tas-soċjetà ċivili li ma jibżgħux jitkellmu kienu vittmi ta' theddid, detenzjoni arbitrarja u fastidju;

B.  billi matul dawn l-aħħar sentejn, fil-pajjiż kien hemm żieda fl-istigmitizzazzjoni, fil-vjolenza u fl-arresti mmirati kontra persuni LGBTI; billi skont id-dritt Tanzani, relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess huma reat punibbli bi tletin sena priġunerija sa priġunerija għall-għomor; billi l-liġi kontra l-omosesswalità tat-Tanzanija hija fost l-aktar ħarxa fid-dinja;

C.  billi fit-Tanzanija, irġiel suspettati li huma omosesswali huma soġġetti għal eżamijiet anali b'mod sfurzat, metodu skreditat ta' kif tiġi "ppruvata" imġiba omosesswali, li n-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ddefinixxew bħala tortura;

D.  billi Paul Makonda, il-kummissarju reġjonali ta' Dar es Salaam, huwa promotur prominenti tar-repressjoni; billi, f'konferenza stampa fil-31 ta' Ottubru 2018, huwa ħabbar il-ħolqien ta' task force sabiex tintraċċa persuni omosesswali, prostituti u persuni li jiġbru fondi frodulenti fuq il-midja soċjali; billi huwa stieden lill-pubbliku jirrapporta lill-awtoritajiet persuni suspettati li huma omosesswali;

E.  billi l-Ministeru għas-Saħħa issospenda temporanjament il-provvediment ta' servizzi ta' HIV u AIDS fil-livell tal-komunità u għalaq ċentri ta' akkoljenza għal gruppi ewlenin tal-popolazzjoni, fosthom irġiel omosesswali; billi fis-17 ta' Frar 2017, il-Ministeru għalaq 40 ċentru tas-saħħa abbażi li allegatament dawn ħeġġew l-omosesswalità; billi diversi organizzazzjonijiet irrapportaw li b'riżultat tar-repressjoni fuq il-komunità LGBTI, irġiel li huma pożittivi għall-HIV ma jistgħux isibu aċċess għat-trattament antiretrovirali tagħhom, filwaqt li oħrajn waqfu jaċċessaw servizzi ta' ttestjar u ta' prevenzjoni;

F.  billi f'Novembru 2019, għaxar irġiel ġew arrestati f'Żanżibar talli allegatament wettqu ċerimonja ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess; billi fis-17 ta' Ottubru 2018, 13-il attivist tas-saħħa u tad-drittijiet tal-bniedem ġew arrestati talli pparteċipaw f'laqgħa biex jiddiskutu liġi li tillimita l-aċċess ta' persuni LGBTI għal xi servizz tas-saħħa;

G.  billi bosta tfal u żgħażagħ, b'mod partikolari bniet, huma esposti għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u prattiki dannużi, inklużi vjolenza sesswali mifruxa, pieni korporali, żwieġ tat-tfal u tqala fost it-tfajliet adolexxenti, li jagħmluha diffiċli jew impossibbli għalihom li jattendu l-iskola; billi l-Gvern Tanzinjan qiegħed jostakola l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u jintimida organizzazzjonijiet li jipprovdu informazzjoni dwar dawn is-servizzi;

H.  billi fit-22 ta' Ġunju 2018, il-President Magufuli ħareġ dikjarazzjoni li tipprojbixxi lill-bniet tqal milli jattendu l-iskola; billi l-awtoritajiet qegħdin jintimidaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniet tqal biex imorru lura l-iskola;

I.  billi l-Kummissjoni tat-Tanzanija għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Governanza Tajba ilha ma topera għal xi żmien; billi l-President Magufuli ma ħatarx kummissarji jew persuni oħra fil-kariga tal-Kummissjoni;

J.  billi l-gvern għalaq jew hedded l-istazzjonijiet tar-radju u l-gazzetti li huma proprjetà privata, u temm it-trażmissjonijiet diretti ta' dibattiti parlamentari; billi ngħalqu stazzjonijiet lokali u dekodifikaturi li kienu juru stazzjonijiet lokali;

K.  billi l-Assemblea Nazzjonali tat-Tanzanija għaddiet l-Att dwar iċ-Ċiberkriminalità fl-2015 u r-Regolamenti dwar il-Kontenut Online f'Settembru 2018 bl-għan li tikkontrolla l-kontenut użat fuq il-midja soċjali; billi l-Att dwar l-Istatistika adottat fl-2015 jiddikjara li mhuwiex permess li jiġu diskussi jew mistoqsija ċerti statistiċi kkomunikati mill-gvern;

L.  billi membri ewlenin tal-oppożizzjoni huma arrestati regolarment fuq akkużi li jvarjaw minn li allegatament insultaw lill-President għal informazzjoni falza u tixwix; billi 20 membru tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tat-Tanzanija ġew arrestati f'Lulju 2018 fuq allegazzjonijiet li kienu qegħdin joħolqu problemi; billi mill-bidu tal-2018, diversi membri u parlamentari tal-oppożizzjoni politika kienu attakkati b'mod vjolenti u saħansitra nqatlu; billi fit-22 ta' Frar, Godfrey Luena, membru tal-parlament tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni tat-Tanzanija, Chama Cha Demokrasia na Maendeleo (CHADEMA) u difensur lokali tad-drittijiet fuq l-art, inqatel b'machetes barra daru; billi f'Novembru 2018, il-koordinatur tal-programm tal-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti (CPJ), Africa Angela Quintal, u l-kollega tagħha, Muthoki Mumo, ġew arrestati u rilaxxati wara pressjoni internazzjonali;

M.  billi l-iżvilupp tat-turiżmu f'dawn l-aħħar snin, wassal għal żieda fl-attività, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Serengeti fejn jgħixu l-Maasai; billi l-kontroll tal-art li tinħadem jew li hija skarsa għall-finijiet ta' spekulazzjoni wasslet għal tensjonijiet qawwija f'din iż-żona;

N.  billi l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, Roeland van de Geer, ġie sfurzat jitlaq mill-pajjiż wara li l-awtoritajiet Tanzanin żiedu l-pressjoni fuqu; billi, wara l-elezzjoni tal-President Magufuli, il-Kap tal-UN Women, il-Kap tal-UNDP u l-Kap tal-Unesco, ilkoll tkeċċew mit-Tanzanija;

O.  billi r-Rappreżentant Għoli tal-UE Federica Mogherini ħabbret rieżami komprensiv tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mat-Tanzanija;

1.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni politika li qiegħda tiddeterjora fit-Tanzanija, ikkaratterizzata minn tnaqqis tal-ispazju pubbliku permezz tal-issikkar tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-midja u ta' bosta partiti politiċi; jinsab imħasseb ferm dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni għall-persuni LGBTI;

2.  Jikkundanna kull inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza għal raġunijiet ta' orjentament sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tanzanin jiżguraw li Paul Makonda jtemm il-provokazzjoni tiegħu kontra l-komunità LGBTI u jitressaq quddiem il-ġustizzja għal inċitament għall-vjolenza;

3.  Jappella biex isiru investigazzjonijiet indipendenti dwar il-każijiet ta' attakki u assalti fuq ġurnalisti, persuni LGBTI, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-partit tal-oppożizzjoni, bil-għan li dawk suspettati li wettqu reat jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Ifakkar lill-Gvern Tanzani dwar l-obbligi tiegħu, fosthom l-impenji li għamel fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jipproteġi d-drittijiet, id-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadini kollha fi kwalunkwe ċirkostanza;

5.  Jistieden lit-Tanzanija tirrevoka l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-omosesswalità;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mis-Sett ta' Miżuri LGBT u jħeġġu lil pajjiżi terzi jiddekriminalizzaw l-omosesswalità, filwaqt li jgħinu biex tonqos il-vjolenza u d-diskriminazzjoni, u jipproteġu d-drittijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem LGBTI;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jemendaw d-dispożizzjonijiet restrittivi kollha fl-Att dwar iċ-Ċiberkriminalità, fir-Regolamenti dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u Postali (Kontenut Online) u l-Att dwar is-Servizzi tal-Midja, u jissostitwixxuhom b'dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-libertà ta' espressjoni u tal-midja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jirrevokaw kwalunkwe liġi, politika jew ostaklu ieħor għas-servizzi u l-informazzjoni li n-nisa, il-bniet, u l-ommijiet żgħażagħ jeħtieġu għal ħajja b'saħħitha, l-aktar b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-President Magufuli li l-bniet li jsiru omm ma għandhomx jitħallew jirritornaw l-iskola, inkluż it-tħassir ta' regolamenti li jagħmluha legali li tfajliet tqal jitkeċċew mill-iskola;

9.  Iħeġġeġ lill-President tat-Tanzanija jagħmel il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-pajjiż operattiva malajr kemm jista' jkun, jaħtar kummissarji sabiex jagħtu segwitu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jieħu azzjoni biex jappoġġa ħaddiema domestiċi barra minn pajjiżhom;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet tat-Tanzanija jirrilaxxaw lill-priġunieri politiċi kollha;

11.  Jesprimi tħassib serju dwar il-pressjoni eżerċitata mill-Gvern tat-Tanzanija fuq il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE, Roeland van de Ger; jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jwettqu rieżami komprensiv tal-politiki tal-UE fil-konfront tat-Tanzanija; jinsisti fuq l-importanza ta' djalogu politiku biex jinstabu impenji tanġibbli min-naħa tal-awtoritajiet Tanzanin lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-operat tas-soċjetà ċivili, tal-partiti politiċi u tal-midja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li referenza espliċita għal nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tkun inkluża fil-ftehim ta' sħubija AKP-UE futur ta' wara l-2020;

12.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-persuni Maasai; jikkundanna l-użu tal-forza mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Tanzanin jaġixxu b'mod deċiżiv biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-attivisti politiċi skont il-kostituzzjoni tat-Tanzanija, il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-obbligi u l-impenji internazzjonali u reġjonali tal-pajjiż;

14.  Jappella lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tanzanija, b'mod partikolari permezz ta' rapportar regolari mid-delegazzjoni tagħha; jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipprovdu protezzjoni ta' emerġenza u appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tanzanija.

 

 

(1)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 122.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza