MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi
12.3.2019 - (2019/2582(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0195/2019 (EFDD)
B8-0198/2019 (Verts/ALE)
B8-0199/2019 (S&D)
B8-0200/2019 (ALDE)
B8-0202/2019 (PPE)
B8-0203/2019 (GUE/NGL)
Peter Liese, Christian Ehlerf'isem il-Grupp PPE
Kathleen Van Brempt, Jytte Guteland, Miriam Dalli f'isem il-Grupp S&D
Nils Torvalds, Fredrick Federleyf'isem il-Grupp ALDE
Bas Eickhoutf'isem il-Grupp Verts/ALE
Lynn Boylan, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Anja Hazekamp, Marie-Pierre Vieu, Stefan Eck, Eleonora Forenza, Luke Ming Flanagan, Rina Ronja Kari, Marisa Matias, Martina Michels, Stelios Kouloglou, Cornelia Ernstf'isem il-Grupp GUE/NGL
Eleonora Evi, Dario Tamburrano, Rosa D’Amato, Piernicola Pedicinif'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),
– wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond b'appoġġ għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni[1],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi u d-Deċiżjoni 1/CP.21, kif ukoll il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11), li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC, l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), u t-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saru f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) intitolat "Global Warming of 1.5°C" (It-Tisħin Globali b'1,5°C), il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,
– wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet u l-isfidi li t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija Ewropea, u tistabbilixxi l-bażi għal dibattitu wiesa' li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali, lis-settur tan-negozji, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-ibliet u lill-komunitajiet, kif ukoll liċ-ċittadini; japprova l-objettiv ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess bħala parti mid-dibattitu dwar il-Futur tal-Ewropa waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur l-ambizzjoni meħtieġa sabiex jinkiseb dan il-għan;
2. Jirrikonoxxi li r-riskji serji tat-tibdil fil-klima jinsabu fil-qalba tat-tħassib taċ-ċittadini tagħna; jilqa' l-fatt li n-nies madwar l-Ewropa, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, qed isiru dejjem aktar attivi biex jiddimostraw favur il-ġustizzja klimatika; jilqa' l-appelli ta' dawn l-attivisti għal ambizzjoni akbar u għal azzjoni rapida sabiex ma jinqabiżx il-limitu klimatiku ta' 1,5°C; jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-UE, għandhom jagħtu widen għal dawn l-appelli;
3. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej diġà qed iħabbtu wiċċhom mal-impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet b'rabta mat-temp u mal-klima fl-Unjoni kien jammonta għal madwar EUR 12,8-il biljun bejn l-2010 u l-2016, u li, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri, id-danni kkawżati mill-klima fl-UE jistgħu mill-anqas jilħqu l-ammont ta' EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1,8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li, f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali kkawżati mill-għargħar fl-UE jistgħu jiżdiedu għal EUR 1 triljun u li sal-2100 d-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla ma' 5 % llum il-ġurnata; ikompli jenfasizza li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE se jsofru minn skarsezza severa tal-ilma;
4. Jissottolinja li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C jirrappreżenta l-aktar valutazzjoni komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;
5. Jenfasizza li, skont ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-livell globali se tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2067 u li sal-2030 l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra annwali se jitnaqqsu għal massimu ta' 27,4 GtCO2eq kull sena; jenfasizza li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxejja globali u sabiex ikollha opportunità tajba li żżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5°C sal-2100, jeħtieġ li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;
6. Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) bla kundizzjonijiet fil-preżent jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2°C u li, minflok, dan iwassal għal stima ta' tisħin ta' 3,2°C[3] sal-2100; jisħaq fuq il-bżonn urġenti li l-Partijiet kollha għall-UNFCC jaġġornaw l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;
Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa nofs is-seklu
7. Jemmen li l-Ewropa tista' tindika t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f'soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, billi tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u billi tikkoordina l-azzjoni f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta;
8. Jinnota li l-istrateġija tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tikkonforma mal-għan fit-tul b'rabta mat-temperatura stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li tnejn biss minn dawn il-perkorsi jippermettu lill-Unjoni tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050; jenfasizza li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, anki bl-involviment tal-atturi mhux pubbliċi kollha; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jistedinhom jipprovdu appoġġ ta' investiment għall-perkorsi ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet;
9. Jenfasizza li l-ewwel kategorija ta' perkorsi ppreżentata fl-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 b'madwar 80 % biss, meta mqabbel mal-livelli tad-disgħinijiet; jinnota bi tħassib li din l-ambizzjoni hija pjuttost baxxa u timmira lejn iż-żamma tat-tisħin globali taħt 2°C u għalhekk mhijiex konformi mal-objettiv ta' Pariġi li t-tisħin globali jinżamm sew taħt 2°C, u lanqas ma hija konformi mal-għan ulterjuri li jinżamm taħt 1,5°C;
10. Jirrimarka li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-PDG tal-UE huwa mistenni jiżdied aktar f'xenarji newtrali f'termini ta' emissjonijiet milli f'xenarji bi tnaqqis iżgħar ta' emissjonijiet u, fiż-żewġ każijiet, l-effetti ma jkunux uniformi fl-UE kollha minħabba d-differenzi li jeżistu fost l-Istati Membri, fosthom f'termini ta' PDG per capita u ta' intensità tal-karbonju fit-taħlita tal-enerġija; iqis li n-nuqqas ta' azzjoni jkun bil-bosta x-xenarju li l-aktar iqum flus u mhux biss iwassal għal telf sinifikanti ta' PDG fl-Ewropa, iżda jkompli jżid ukoll l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u fi ħdanhom, peress li xi wħud huma mistennija jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta' azzjoni;
11. Jinnota bi tħassib li bħalissa d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija hija ta' madwar 55 %; jenfasizza li, f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet, din id-dipendenza tonqos għal 20 % sal-2050 u dan ikollu impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-karburanti fossili bejn l-2031 u l-2050 ikun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;
12. Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi mmirati lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050, kif ukoll l-appoġġ espress mill-Kummissjoni għal dawn iż-żewġ perkorsi, u jqis li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi; jiddeplora l-fatt li fl-istrateġija ma tqies l-ebda perkors ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra qabel l-2050;
13. Jinnota li l-perkorsi proposti fl-istrateġija jinvolvu l-użu ta' għadd ta' teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju, inkluż permezz tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jew il-ġbir u l-użu tal-karbonju (CCU) u l-ġbir dirett mill-arja, li għad iridu jintużaw fuq skala kbira; iqis, madankollu, li l-istrateġija tal-UE għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet għandha tipprijoritizza t-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet maħsuba biex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE; jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sal-2030 sabiex l-Unjoni tevita li sserraħ fuq teknoloġiji ta' tneħħija tal-karbonju li jkunu jinvolvu riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, kif ikkonfermat ukoll mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5°C;
L-aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta
14. Jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet hija possibbli mingħajr telf nett ta' impjiegi u jieħu nota pożittiva tal-valutazzjoni dettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji intensivi fl-enerġija; jenfasizza s-sejba li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta fl-impjiegi fl-Unjoni – l-impjiegi fl-ekonomija kollha se jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 f'xenarju ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali fix-xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa awditu mġedded tal-ħiliet fil-qafas tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE, b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur f'dawn l-istess reġjuni;
15. Jisħaq fuq id-diversi kobenefiċċji li se jkollha soċjetà newtrali għall-klima fuq is-saħħa pubblika, inkluż f'termini ta' ffrankar fuq l-ispiża tal-kura u piż eħfef fuq is-sistemi ta' assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika, iżda wkoll f'termini ta' benessri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej bis-saħħa ta' titjib fil-bijodiversità, tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u esponiment imtaffi għal sustanzi niġġiesa; jinnota li, f'tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;
16. Jisħaq fuq l-importanza li jinħoloq fond għal tranżizzjoni ġusta, speċjalment għar-reġjuni l-aktar milquta mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam, flimkien ma' kunsiderazzjoni ġenerali tal-impatti soċjali fil-finanzjament eżistenti b'rabta mal-klima; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-istrateġija fit-tul tiġi aċċettata mill-pubbliku b'mod mifrux, meta wieħed iqis it-trasformazzjonijiet li huma meħtieġa f'xi setturi;
17. Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għaċ-ċittadini tal-UE u biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar milquta mid-dekarbonizzazzjoni; jemmen li t-tranżizzjoni klimatika tal-Ewropa trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar il-klima u dwar id-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; jemmen, għalhekk, li fil-politiki kollha dwar il-klima, kemm dawk nazzjonali kif ukoll f'dawk tal-UE, għandu jitqies bis-sħiħ l-impatt soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li se jkun hemm bżonn jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati biżżejjed fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, it-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li f'din it-tranżizzjoni ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw opportunitajiet indaqs u ġusti;
18. Ifakkar li attwalment, bejn 50 u 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu f'sogru ta' faqar enerġetiku[4]; jaċċentwa li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq il-persuni bi dħul baxx u żżid aktar il-faqar enerġetiku; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw l-għadd ta' unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku fil-pjanijiet integrati nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima u jieħdu azzjonijiet ta' segwitu jekk ikun meħtieġ, kif jirrikjedi r-Regolament dwar il-Governanza; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;
Il-miri intermedji
19. Jirrikonoxxi l-fatt li d-deċennju bejn l-2020 u l-2030 se jkun wieħed ta' importanza kruċjali jekk l-UE għandha tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw mira għal terminu medju qawwija għall-2030, peress li din hi meħtieġa biex tingħata biżżejjed stabbiltà tal-investiment lis-suq, biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u biex jissaħħu l-opportunitajiet għan-negozji Ewropej biex isiru mexxejja tas-suq dinji fil-produzzjoni b'emissjonijiet baxxi;
20. Jenfasizza li sabiex tintlaħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-2050 bl-aktar mod effiċjenti għan-nefqa, jeħtieġ li l-livell ta' ambizzjoni għall-2030 jogħla u jiġi allinjat max-xenarji ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050; jemmen li huwa tal-ikbar importanza li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar, sa matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York f'Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrevedi l-kontribut tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi;
21. Jappoġġa aġġornament tal-NDC tal-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-mexxejja tal-UE jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni skont dan fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;
22. Iqis li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn waqt ir-rieżamijiet ta' bejn l-2022 u l-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, tippreżenta proposti leġiżlattivi li jgħollu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u mal-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti għall-2030 tillimita l-għażliet futuri, fosthom, possibilment, id-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni effiċjenti għan-nefqa; iqis dawn ir-rieżamijiet bħala pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;
23. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata aktar stabbiltà akbar għas-swieq, se jkun ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi mira interim ulterjuri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2040, li tista' tipprovdi stabbiltà addizzjonali u tiżgura li tintlaħaq il-mira fit-tul tal-2050;
24. Iqis li l-istrateġija tal-UE għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet għandha tkun infurmata mir-rendikont globali ta' kull 5 snin kif stabbilit fil-Ftehim ta' Pariġi, u li għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-soċjetà, kif ukoll l-input minn atturi mhux statali u mill-Parlament Ewropew;
Kontribuzzjonijiet settorjali
25. Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi kollha tal-ekonomija, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu għall-isforzi konġunti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżviluppa perkorsi għan-newtralità klimatika għas-setturi kollha; jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas f'dan ir-rigward;
26. Jenfasizza l-importanza tad-diversi miżuri u tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima introdotti f'oqsma differenti ta' politika, iżda jwissi li approċċ frammentat jaf iwassal għal inkonsistenzi u jżomm lill-UE milli tilħaq ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; jemmen li hemm bżonn li jittieħed approċċ globali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà ta' armonizzazzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju u tal-enerġija fl-UE b'appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet, b'mod partikolari għas-setturi li mhumiex koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-aħjar mod possibbli biex jiġu evitati każijiet ta' nies ibatu, u jinsisti li l-piż ġenerali fuq iċ-ċittadini m'għandux jiżdied;
28. Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lis-CCS fil-maġġoranza tax-xenarji b'1,5 C fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar il-1,5°C; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tfittex ambizzjoni akbar f'dan il-qasam; jinnota wkoll il-miri stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) biex jiġi implimentat CCS fuq skala kummerċjali fis-settur industrijali u tal-enerġija Ewropew bejn l-2020 u l-2030; iqis li hemm bżonn jiżdied l-użu ta' CCU u CCS ambjentalment siguri fil-proċessi industrijali, billi dan jirriżulta fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet permezz tal-evitar tal-emissjonijiet jew il-ħżin permanenti ta' CO2;jinnota bi tħassib li ħafna teknoloġiji tas-CCU fil-preżent mhux qed iwasslu għal tnaqqis permanenti tal-emissjonijiet; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji tekniċi li jiżguraw appoġġ unikament lil dawk it-teknoloġiji li jagħtu riżultati verifikabbli;
29. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki kurrenti mhux se jkunu biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata bidla modali minn vjaġġar bl-ajru għal vjaġġar bil-ferrovija, inkluż permezz ta' twettiq rapidu ta' netwerk ferrovjarju interoperabbli fi ħdan l-UE u l-mobilizzazzjoni ta' investimenti msaħħa, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jinnota li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE; jistieden għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu l-aċċess għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi għall-konsumaturi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw żieda fl-użu ta' vetturi qodma, li jniġġsu ħafna fi Stati Membri bi dħul iktar baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti, bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti, fl-istabbiliment ta' sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
30. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, is-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, għandhom jikkontribwixxu għal dan; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti rispettivament mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, anke jekk jiġu implimentati għalkollox, jonqsu milli jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti li tikkonforma mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi fil-prattika l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi; ifakkar li hija prevista żieda tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali saħansitra ta' sa 250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jikkonstata bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-bidla ta' din il-mira f'miżuri fuq terminu qasir u medju u f'azzjonijiet konkreti oħra; jinnota l-piż differenti fuq mezzi tat-trasport differenti; jitlob li l-introjtu akbar mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jintuża biex jiġu promossi mezzi tat-trasport b'inqas ħsara għall-ambjent, bħax-xarabanks jew il-ferroviji;
31. Jikkonstata li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, il-landfills u l-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-karburanti fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra potenti b'potenzjal ta' tisħin globali ta' mitt sena, 28 darba aktar qawwi mis-CO2[5];itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistudja malajr kemm jista' jkun għażliet politiċi għall-indirizzar rapidu tal-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan;
32. Jissottolinja li l-agrikoltura se tkun wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż;jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju b'innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll bil-qbid tal-karbonju fil-ħamrija; jitlob għal politika agrikola komuni li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra f'konformità mat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki agrikoli, b'mod partikolari l-fondi tal-UE u nazzjonali, jikkonformaw mal-objettivi u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki tal-UE kollha, inkluża fil-politika kummerċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi, peress li dan mhux biss isaħħaħ l-azzjoni globali fir-rigward tat-tibdil fil-klima iżda jiggarantixxi wkoll ambjent ekwu għas-setturi milquta;
34. Jappoġġa l-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fil-livell nazzjonali, flimkien ma' mezzi konkreti għall-inċentivar ta' bijoekonomija tal-UE effiċjenti u sostenibbli, b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal konsiderevoli tal-foresti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isforzi klimatiċi tal-Ewropa (permezz tas-sekwestru, il-ħżin u s-sostituzzjoni) u għall-ilħuq tal-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal adattament għat-tibdil fil-klima u l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki bbażati fuq l-evidenza li jgħinu l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità tal-UE;
ll-politika tal-enerġija
35. Jenfasizza l-kontribut tal-effiċjenza enerġetika għas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività ekonomika, il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija u t-titjib fil-kwalità tad-djar; jikkonferma r-rwol importanti tal-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien tal-opportunitajiet ta' negozju u tal-impjiegi kif ukoll il-benefiċċji globali u reġjonali tagħha; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" skont ir-Regolament dwar il-Governanza, u li l-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi sfruttata għalkollox b'mod effiċjenti għan-nefqa tul il-katina tal-enerġija kollha u meqjusa bħala l-bażi għal kwalunkwe perkors lejn il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet sal-2050;
36. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; Ifakkar li l-Unjoni rnexxielha tiddiżakkoppja b'suċċess l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tkabbir ekonomiku f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u naqqset l-emissjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-effiċjenza enerġetika u d-diffużjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa għandha tkompli tixpruna l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġġib benefiċċji soċjali u ambjentali għaċ-ċittadini Ewropej;
37. Jemmen li t-tmexxija tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika turi lill-partijiet l-oħra tad-dinja li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija kemm possibbli kif ukoll ta' benefiċċju, lil hinn mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
38. Jirrimarka li l-kisba ta' ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra se tirrikjedi investimenti addizzjonali konsiderevoli fis-sistema tal-enerġija tal-UE u fl-infrastruttura relatata, meta mqabbla mal-linja bażi tal-lum, fil-medda ta' bejn EUR 175 biljun u 290 biljun fis-sena;
39. Jenfasizza li, fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, l-isforzi biex jitnaqqsu l-gassijiet serra sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fil-livell tal-UE jistgħu jkunu mifruxa b'mod xejn uniformi fl-UE;
40. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa mingħajr dewmien; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;
41. Jitlob li tiġi stabbilita sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; jenfasizza li l-perkorsi kollha preżentati mill-Kummissjoni jassumu tnaqqis drastiku tal-karburanti fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;
42. Jenfasizza li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[6] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena, u li huwa stmat li sal-2020 il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw total ta' EUR 112 biljun b'kollox, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestika b'riżultat tad-Direttiva; jitlob li jiġu rregolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u s-smartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati biex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi;
43. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija Ewropew sabiex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat bl-aktar mod effettiv, sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fejn tkun tista' tinkiseb l-aktar produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija sostenibbli u newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju; iqis li huwa essenzjali li jiżdied il-livell ta' interkonnettività bejn l-Istati Membri u jitħeġġu aktar skemi ta' appoġġ transfruntier;
44. Jinnota li s-settur tal-kostruzzjoni tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija finali u 36 % tal-emissjonijiet tagħha tas-CO2 tal-Ewropa[7]; jitlob biex jiġi żblukkat il-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, skont l-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[8] li jintlaħaq stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-Ewropa; iqis, barra minn hekk, li l-kostruzzjoni ta' bini b'rata baxxa ta' użu tal-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;
45. Jistieden lil-livelli kollha ta' gvern, kemm jekk nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex idaħħlu fis-seħħ miżuri li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jistimolaw l-iskambju tal-aħjar prattiki; jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija tul l-awtoġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin tal-elettriku u tal-parteċipazzjoni fl-iskemi tar-rispons fin-naħa tad-domanda u tal-effiċjenza fl-enerġija se tkun kruċjali fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob, għalhekk, li l-involviment attiv taċ-ċittadini jiġi integrat bis-sħiħ f'dawn il-perkorsi, b'mod partikolari fin-naħa tad-domanda;
Il-Politika Industrijali
46. Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali globali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin; itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju ta' gassijiet b'effett ta' serra tippreżenta sfidi u opportunitajiet għall-UE, u li se jkunu meħtieġa investimenti fl-innovazzjoni industrijali, inkluż f'teknoloġiji diġitali, u se tkun meħtieġa teknoloġija nadifa biex jiġi stimolat it-tkabbir, tissaħħaħ il-kompetittività, tingħata spinta lill-ħiliet futuri u jinħolqu miljuni ta' impjiegi, pereżempju f'ekonomija ċirkolari u f'bijoekonomija dejjem akbar;
47. Jissottolinja li qafas ta' politika stabbli u prevedibbli dwar l-enerġija u l-klima huwa essenzjali biex jipprovdi l-fiduċja tant meħtieġa fost l-investituri u biex l-industriji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul fl-Ewropa, billi t-tul tal-ħajja tal-parti l-kbira tal-installazzjonijiet industrijali jaqbeż l-20 sena;
48. Jenfasizza l-irwol tal-industriji li jużaw ħafna enerġija biex jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE; iqis li ż-żamma ta' pożizzjoni fuq quddiem fl-iżvilupp u l-produzzjoni industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-UE, il-preservazzjoni tal-kompetittività tal-industriji Ewropej, l-imminimizzar tad-dipendenza fuq il-karburanti fossili u l-esponiment għal prezzijiet volatili u prezzijiet fuq l-importazzjonijiet ta' karburanti fossili li qed jiżdiedu, u l-evitar tar-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jinneċessitaw oqfsa ta' politika intelliġenti u mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida u integrata għall-klima industrijali tal-UE fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna enerġija b'appoġġ għal tranżizzjoni lejn industrija peżanti kompetittiva ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija industrijali b'miżuri li jippermettu lill-industrija Ewropea tikkompeti globalment f'kundizzjonijiet ekwi; iqis li bħala parti minn din il-politika, il-Kummissjoni għandha teżamina l-effikaċja u l-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ta' miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-industriji f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti, li jissostitwixxu, jadattaw jew jikkomplementaw kwalunkwe miżura eżistenti dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;
50. Jinnota li għadd ta' swieq emerġenti qed jippożizzjonaw lilhom infushom biex jaqdu rwol importanti fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-suq globali matul it-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet, pereżempju fir-rigward tat-trasport b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-UE għandha tibqa' l-aqwa ekonomija fl-innovazzjoni ekoloġika u fl-investimenti fit-teknoloġija ekoloġika;
51. Jinnota li r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa, maħruġ fl-2018[9], jenfasizza l-esponiment kontinwament għoli tal-UE għal prezzijiet tal-karburanti fossili volatili u ogħla u li, fil-futur, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-elettriku huma mistennija jiżdiedu għall-elettriku ġġenerat mill-karburanti fossili u jonqsu għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li, fl-2017, l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-enerġija fl-UE żdiedu b'26 % għal EUR 266 biljun, l-aktar minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt; jinnota wkoll li skont l-istimi tar-rapport, iż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir tal-UE (-0.4 % tal-PDG fl-2017) u fuq l-inflazzjoni (+0.6);
Riċerka u innovazzjoni
52. Jenfasizza li l-UE u r-riċerka nazzjonali u l-programmi tal-innovazzjoni huma kruċjali għall-appoġġ tal-Unjoni fir-rwol fuq quddiem tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jemmen li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima għandha ssir b'mod adegwat fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka u innovazzjoni;
53. Iqis li matul l-għoxrin sena li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi sostanzjali ta' riċerka u innovazzjoni biex isiru disponibbli soluzzjonijiet dwar livelli baxxi u żero tal-karbonju għal kulħadd u li jkunu soċjalment u ekonomikament vijabbli u jwasslu għal soluzzjonijiet ġodda biex tinkiseb ekonomija b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju b'effett ta' serra;
54. Jissottolinja l-pożizzjoni tiegħu li Orizzont Ewropa jeħtieġlu jikkontribwixxi mill-inqas 35 % tan-nefqa tiegħu għall-objettivi klimatiċi kif xieraq kif ukoll bħala parti mill-objettiv ġenerali tal-Unjoni favur l-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi;
Finanzjament
55. Jitlob implimentazzjoni rapida tal-Fond ta' Innovazzjoni tal-UE ETS u li jingħata bidu għall-ewwel sejħa għal proposti fl-2019 sabiex jittejbu l-investimenti fid-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji industrijali b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'firxa wiesgħa ta' setturi, mhux biss il-produzzjoni tal-elettriku, iżda anke fit-tisħin distrettwali u fil-proċessi industrijali; jitlob li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-programmi tiegħu jkunu konsistenti bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi;
56. Iqis li sabiex l-Unjoni tilħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mobilizzati investimenti privati sostanzjali; jemmen li dan se jirrikjedi ppjanar u stabbiltà regolatorja fit-tul u prevedibbiltà għall-investituri u, b'mod korrispondenti, konsiderazzjoni dovuta fir-regolamenti futuri tal-UE; jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli adottat f'Marzu 2018 għandha tingħata prijorità, inklużi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;
57. Iqis li l-QFP 2021-2027 għandu, qabel ma jiġi adottat, jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u li jrid jiġi stabbilit test standard biex jiġi żgurat li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE ssir reżiljenti għall-klima;
58. Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-sussidji fuq il-karburanti fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena[10]; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jeliminaw immedjatament is-sussidji Ewropej u nazzjonali fuq il-karburanti fossili kollha;
59. Jenfasizza l-importanza ta' tranżizzjoni ġusta għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki u finanzjament xierqa f'dan ir-rigward; jenfasizza li n-nefqa tal-UE minn fondi rilevanti tista' tipprovdi appoġġ addizzjonali fejn xieraq;
Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari
60. Jenfasizza l-impatt sinifikanti ta' bidla fl-imġiba fil-kisba tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jistieden lill-Kummissjoni tesplora malajr kemm jista' jkun għażliet ta' politika, inkluż dwar it-tassazzjoni ambjentali, biex tħeġġeġ bidla fl-imġiba; jissottolinja l-importanza ta' inizjattivi minn isfel għal fuq, bħall-Patt tas-Sindki, fil-promozzjoni ta' bidla fl-imġiba;
61. Jissottolinja li parti kbira ħafna mill-użu tal-enerġija, u għalhekk, mill-emissjonijiet ta' gassijiet serra, hija marbuta direttament mal-akkwist, l-ipproċessar, it-trasport, il-konverżjoni, l-użu u r-rimi tar-riżorsi; jenfasizza li jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti ferm f'kull stadju fil-katina tal-ġestjoni tar-riżorsi; jenfasizza, għalhekk, li ż-żieda fil-produttività tar-riżorsi permezz ta' effiċjenza aħjar u t-tnaqqis tal-iskart tar-riżorsi permezz ta' miżuri bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-manifattura mill-ġdid jistgħu jnaqqsu ħafna kemm il-konsum tar-riżorsi kif ukoll l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u joħolqu opportunitajiet ta' negozju u impjiegi; jenfasizza l-kosteffiċjenza tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja li approċċi mtejba dwar il-ġestjoni tar-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari kif ukoll disinn tal-prodott ċirkolari se jgħinu biex iġibu bidla fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum u se jnaqqsu l-ammont ta' skart;
62. Jenfasizza l-importanza ta' politika għall-prodotti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ekodisinn, li tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar fl-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb l-marka tal-materjali użati u l-impatt ambjentali ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-istandards tal-ekodisinn tal-UE u li l-metodoloġija attwali tal-ekodisinn tespandi għal kategoriji ta' prodotti oħra minbarra l-prodotti relatati mal-enerġija;
63. Jikkunsidra li għandha titkompla l-ħidma fuq mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jinnota l-konklużjoni fl-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tagħha huma xi ftit jew wisq stabbilizzati mill-importazzjonijiet ta' beni b'marka tal-karbonju ogħla, iżda li minkejja dan, l-UE kkontribwiet b'mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss kummerċjali u fit-titjib fl-effiċjenza tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;
L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima
64. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u diplomazija klimatika effettiva bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jżidu l-ambizzjoni f'reġjuni u pajjiżi terzi oħra; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) lil pajjiżi terzi, li għandha tiġi b'żieda mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandhiex tingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;
65. Jenfasizza li s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU li se jsir f'Settembru 2019 se jkun il-mument it-tajjeb biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini tal-NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament minn qabel sew tal-NDC, sabiex tasal għas-summit imħejjija sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali ta' Partijiet f'appoġġ għal ambizzjoni klimatika msaħħa;
66. Jenfasizza l-mertu tat-tisħiħ tal-interoperabbiltà bejn l-istrumenti ta' politika tal-UE u l-ekwivalenti ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni u l-appoġġ fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju barra mill-Ewropa sabiex issegwi aktar tnaqqis tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti mtejba ta' kompetizzjoni fuq livell dinji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti salvagwardji ambjentali sabiex jiġi żgurat tnaqqis reali u addizzjonali tal-gassijiet serra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi regoli internazzjonali stretti u robusti biex timpedixxi lakuni fil-kontabbiltà u fl-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet;
°
° °
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_analysis_in_support_en_0.pdf
- [2] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.
- [3] Il-Programm Ambjentali tan-NU, "Emissions Gap Report 2018" (Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2018), p. 10.
- [4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf
- [5] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210.
- [6] Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
- [7] https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings
- [8] Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
- [9] https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1548155579433&uri=CELEX%3A52019DC0001
- [10] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001 final, paġni 10-11.