Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0245/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0245/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Kamerun

17.4.2019 - (2019/2691(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0245/2019 (ECR)
B8-0247/2019 (GUE/NGL)
B8-0249/2019 (S&D)
B8-0252/2019 (PPE)
B8-0253/2019 (Verts/ALE)
B8-0254/2019 (ALDE)

Cristian Dan Preda, Željana Zovko, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Esther de Lange, Jarosław Wałęsa, Romana Tomc, Csaba Sógor, Pavel Svoboda, Milan Zver, Tunne Kelam, Tomáš Zdechovský, Michaela Šojdrová, David McAllister, Adam Szejnfeld, Andrzej Grzyb, Inese Vaidere, Dubravka Šuica, Seán Kelly, Andrey Kovatchev, Marijana Petir, Sandra Kalniete, Krzysztof Hetman, László Tőkés, Elmar Brokf'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Maria Arenaf'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Monica Macoveif'isem il-Grupp ECR
Jan Huitema, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperäf'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Bodil Valero, Ernest Urtasun, Michèle Rivasif'isem il-Grupp Verts/ALE
Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Patrick Le Hyaric, Jiří Maštálka, Kateřina Konečná, Helmut Scholzf'isem il-Grupp GUE/NGL
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Marco Zullo, Dario Tamburrano, Laura Ageaf'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2019/2691(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0245/2019
Testi mressqa :
RC-B8-0245/2019
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kamerun

(2019/2691(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Marzu 2019 tal-President tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, Antonio Panzeri, dwar is-sitwazzjoni fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Marzu 2019 tar-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Kamerun mil-lat ta' politika u ta' sigurtà ,

–  wara li kkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fil-Kamerun, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Afrikana għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018 fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2018 tal-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-repressjoni tal-protesti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2019 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-liġi Kamerunjana tal-2014 kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata mill-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kamerun qed jiffaċċja għadd ta' sfidi simultanji mil-lat ta' politika u ta' sigurtà, fosthom theddid minn Boko Haram fir-reġjun tat-Tramuntana Mbiegħda, theddid transkonfinali tul il-fruntiera tal-Lvant tiegħu mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll ribelljoni interna mis-separatisti armati fir-reġjuni Anglofoni tiegħu tal-Majjistral u tal-Lbiċ;

B.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Kamerun saru fis-7 ta' Ottubru 2018; billi dawn l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati minn allegazzjonijiet ta' frodi u rappurtar ta' irregolaritajiet; billi l-President Paul Biya ilu fil-poter mill-1982; billi l-kostituzzjoni tal-Kamerun ġiet emendata fl-2008 biex jitneħħew il-limiti tal-mandati;

C.  billi l-partitarji u l-alleati tal-partit tal-oppożizzjoni Moviment għar-Rinaxximent tal-Kamerun (MRC), taħt it-tmexxija ta' Maurice Kamto, organizzaw protesti f'Douala, Yaoundé, Dshang, Bafoussam u Bafang; billi l-forzi tas-sigurtà tal-Istat użaw forza sproporzjonata, inklużi gass tad-dmugħ u balal tal-lasktu, biex irażżnu dawn il-protesti;

D.  billi madwar 200 persuna, fosthom Maurice Kamto u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni, ġew arbitrarjament arrestati f'Jannar 2019 u ġew detenuti mingħajr aċċess immedjat għal avukat; billi d-delitti li bihom ġew akkużati dawn il-partitarji tal-oppożizzjoni u l-mexxej tagħhom jinkludu insurrezzjoni, ostilitajiet fil-konfront tal-patrija, ribelljoni, qerda ta' bini u ġid pubbliku, disprezz fil-konfront tal-President tar-Repubblika u laqgħat ta' natura politika;

E.  billi, fid-9 ta' April 2019, il-Qorti tal-Appell fir-Reġjun Ċentrali tal-Kamerun ikkonfermat id-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza u ċaħdet il-ħelsien ta' Maurice Kamto u ta' sitt persuni oħra; billi l-proċedimenti fil-Qorti tal-Appell saru fl-assenza ta' Maurice Kamto u tal-avukati tiegħu;

F.  billi l-awtoritajiet Kamerunjani ħadu azzjoni sproporzjonata biex jagħtu bidu għal proċessi militari fil-konfront ta' wħud mill-membri tal-oppożizzjoni u dan aggrava l-inkwiet politiku fil-Kamerun; billi l-persuni akkużati, jekk jinsabu ħatja, jistgħu jiffaċċjaw il-piena tal-mewt;

G.  billi l-awtoritajiet Kamerunjani rrestrinġew b'mod ripetut il-libertà tal-espressjoni billi mblukkaw l-aċċess għall-internet, iffastidjaw lill-ġurnalisti u tefgħuhom il-ħabs, ċaħdu l-ħruġ ta' liċenzji lill-midja indipendenti u intensifikaw l-attakki politiċi fil-konfront tal-istampa indipendenti;

H.  billi t-tensjonijiet bejn il-komunitajiet tal-maġġoranza Frankofona u dawk tal-minoranza Anglofona tal-Kamerun għadhom ħajjin; billi, fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ tal-Kamerun, il-lingwa Ingliża għadha predominanti u jeżistu sistemi edukattivi u ġuridiċi differenti;

I.  billi, lejn l-aħħar tal-2016, id-diskriminazzjoni u n-negliġenza relattiva fil-konfront tar-reġjuni Anglofoni, kif ukoll l-impożizzjoni tal-Franċiż u tas-sistema ġuridika Franċiża fil-klassijiet u fil-qrati ta' tali reġjuni, wasslu għal strajkijiet paċifiċi mill-għalliema u l-avukati u għal dimostrazzjonijiet paċifiċi;

J.  billi l-vjolenza eskalat minn Ottubru 2018 'il hawn u billi l-operazzjonijiet fuq skala kbira mwettqa mill-forzi tas-sigurtà ta' spiss jinvolvu abbużi u jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi qtil illegali, stupru, vjolenza fuq in-nisa u t-tfal, u l-qerda ta' proprjetà;

K.  billi s-separatisti armati wettqu ħtif ta' persuni fuq skala kbira, inkluż fil-konfront ta' tfal tal-iskola u studenti, ikkommettew qtil immirat ta' uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, kienu involuti f'estorsjoni, infurzaw protesti ta' kull ġimgħa fil-forma ta' strajkijiet ġenerali (l-hekk imsejjaħ fenomenu ta' "bliet fantażmi"), u bbojkottjaw u ħarqu istituzzjonijiet edukattivi u sptarijiet, u b'hekk qed iċaħħdu lil eluf ta' żgħażagħ mill-aċċess għall-edukazzjoni u lill-popolazzjoni ġenerali mill-aċċess għall-kura tas-saħħa;

L.  billi, bħala riżultat tal-kriżi, madwar 444 000 persuna ġew spostati internament u 32 000 oħra ħarbu lejn in-Niġerja, li tinsab fil-qrib; billi l-kriżi umanitarja globali li qed iħabbat wiċċu magħha l-Kamerun tinkludi aktar minn 600 000 persuna spostata internament, madwar 35 000 rifuġjat li ħarbu minn kunflitti fil-pajjiżi ġirien u 1,9 miljun persuna f'riskju ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;

M.  billi, fl-2018 u fl-2019, il-Gvern tal-Kamerun implimenta l-Pjan ta' Assistenza Umanitarja ta' Emerġenza għar-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ bil-għan li jiġi żgurat li l-persuni spostati jirċievu assistenza u protezzjoni multidimensjonali bħala kwistjoni ta' prijorità u li l-persuni affettwati mill-kriżi jingħataw kura tas-saħħa;

N.  billi l-vjolenza sessista u l-persekuzzjoni tal-minoranzi għadhom problemi serji; billi l-kodiċi penali tal-Kamerun jikkastiga r-relazzjonijiet sesswali bejn il-persuni tal-istess sess b'piena li taf tlaħħaq sa ħames snin priġunerija; billi l-pulizija u l-"ġendarmi" (pulizija militari) qed ikomplu jarrestaw u jagħtu fastidju lill-persuni LGTBQI;

O.  billi Boko Haram qed ikompli jwettaq abbużi u ksur gravi fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fir-reġjun tat-Tramuntana Mbiegħda, inklużi s-sakkeġġ u l-qerda ta' proprjetà, u l-qtil u l-ħtif ta' persuni ċivili;

1.  Jiddeplora l-każijiet ta' tortura, għajbien furzat u qtil ekstraġudizzjarju mwettqa mis-servizzi tas-sigurtà u mis-separatisti armati; jesprimi tħassib partikolari dwar l-azzjonijiet tal-forzi tal-gvern fil-vjolenza li qed isseħħ; jistieden lill-forzi tas-sigurtà jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem huma u jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom u jistieden lill-Gvern jieħu passi immedjati biex itemm il-vjolenza u l-impunità fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna l-użu ta' forza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti u l-avversarji politiċi, u l-ksur tal-libertajiet tal-istampa, tal-espressjoni u tal-għaqda; jiddispjaċih bil-kbir dwar l-arrest u d-detenzjoni ta' Maurice Kamto u ta' dimostranti paċifiċi oħra; jistieden lill-awtoritajiet Kamerunjani jeħilsu minnufih lil Maurice Kamto u lid-detenuti l-oħra kollha miżmumin fuq akkużi b'motivazzjoni politika, irrispettivament minn jekk ġewx arrestati qabel jew wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018;

3.  Jistieden ukoll lill-Gvern tal-Kamerun biex iwaqqaf kull fastidju u intimidazzjoni fil-konfront tal-attivisti politiċi, inkluż billi jneħħi l-projbizzjoni fuq il-laqgħat politiċi, id-dimostrazzjonijiet u l-protesti paċifiċi, u biex jieħu azzjoni ħalli jrażżan l-atti ta' diskors ta' mibegħda;

4.  Ifakkar li l-qrati militari fl-ebda ċirkostanza ma għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-popolazzjoni ċivili; ifakkar lill-Kamerun fl-obbligi internazzjonali tiegħu li jirrispetta d-dritt għal proċess ġust għaċ-ċittadini kollha quddiem qrati indipendenti;

5.  Ifakkar li l-piena tal-mewt ilha ma tintuża fil-Kamerun sa mill-1997; jinnota li dan huwa pass importanti fil-mixja tal-pajjiż lejn l-abolizzjoni sħiħa; itenni l-oppożizzjoni assoluta tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt u jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jikkonferma li mhuwiex se jirsisti biex tingħata l-piena tal-mewt lill-attivisti politiċi u lid-dimostranti;

6.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas min-naħa tal-Gvern tal-Kamerun li jżomm responsabbli lill-forzi tas-sigurtà tiegħu, fatt li aggrava l-vjolenza u l-kultura ta' impunità; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-użu tal-forza mill-pulizija u mill-forzi tas-sigurtà fil-konfront tad-dimostranti u l-avversarji politiċi u jitlob li t-trasgressuri jinżammu responsabbli fil-kuntest ta' proċessi ġusti;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kamerun jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa f'konformità mal-obbligi tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jintemm iċ-ċiklu tal-vjolenza; jistieden b'mod partikolari lill-Gvern jorganizza djalogu politiku inklużiv bil-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kriżi fir-reġjuni Anglofoni; jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin biex taġevola djalogu ta' paċi inklużiv fil-livell nazzjonali billi toffri li tiżvolġi rwol ta' medjazzjoni;

8.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rieda min-naħa taż-żewġ partijiet fil-kunflitt li jidħlu f'taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali jagħmlu pressjoni biex tali taħditiet jiġu organizzati u jistieden lill-UE tkun lesta tappoġġja dan il-proċess; iqis li, fin-nuqqas ta' progress, il-kriżi fil-Kamerun għandha tiġi kkunsidrata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden ukoll lill-UE tuża l-influwenza politika pprovduta mill-għajnuna għall-iżvilupp u minn programmi bilaterali oħra biex issaħħaħ id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kamerun jibni demokrazija ġenwina, rappreżentattiva u dinamika; jistieden, għaldaqstant, lill-Gvern ilaqqa' lill-partijiet interessati politiċi kollha għal reviżjoni kunsenswali tas-sistema elettorali, bil-għan li jiġi żgurat proċess elettorali ħieles, trasparenti u kredibbli; jitlob li dan il-proċess iseħħ qabel ma jsiru aktar elezzjonijiet sabiex tiġi promossa l-paċi u jiġu evitati l-kriżijiet postelettorali; jistieden lill-UE tintensifika l-assistenza teknika biex tappoġġja lill-Kamerun fl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-proċeduri elettorali tiegħu u jagħmilhom aktar demokratiċi;

10.  Itenni li soċjetà ċivili dinamika u indipendenti hija essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-attivitajiet tal-Konsorzju tas-Soċjetà Ċivili Anglofona tal-Kamerun ġew ipprojbiti; iħeġġeġ lill-Gvern ineħħi l-projbizzjoni u jiżgura spazju miftuħ li fih tkun tista' topera s-soċjetà ċivili;

11.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-liġi tal-2014 kontra t-terroriżmu qed tintuża ħażin biex tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali; jappoġġja t-talbiet magħmula mill-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti biex il-liġi tiġi riveduta ħalli jiġi żgurat li ma tintużax biex tirrestrinġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni;

12.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jċekknu l-assistenza militari tagħhom lill-Kamerun minħabba allegazzjonijiet kredibbli ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-appoġġ tal-UE għas-servizzi tas-sigurtà f'dan ir-rigward u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-ebda appoġġ mogħti lill-awtoritajiet Kamerunjani ma jaġevola l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew jikkontribwixxi għalih;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' April 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza