Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0006/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0006/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

17.7.2019 - (2019/2730(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0006/2019 (PPE)
B9-0008 (ECR)
B9-0009/2019 (S&D)
B9-0010/2019 (Renew)

Esteban González Pons, Michael Gahler, Dolors Montserrat, Leopoldo López Gil, Cláudia Monteiro de Aguiar, Antonio López-Istúriz White, Paulo Rangel, Ivan Štefanec, Vladimír Bilčík, Pilar del Castillo Vera, Javier Zarzalejos, Francisco José Millán Mon, Antonio Tajani, Isabel Wiseler-Lima, Daniel Caspary, Nuno Melo
f'isem il-Grupp PPE
Dita Charanzová, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Jordi Cañas, Olivier Chastel, Dacian Cioloș, Martina Dlabajová, Pascal Durand, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Cristian Ghinea, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Irena Joveva, Pierre Karleskind, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa, Dragoş Pîslaru, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Stéphane Séjourné, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Dragoş Tudorache, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Karol Karski, Kosma Złotowski, Jadwiga Wiśniewska, Carlo Fidanza, Nicola Procaccini, Charlie Weimers, Raffaele Stancanelli, Alexandr Vondra, Ruža Tomašić, Assita Kanko, Beata Kempa
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0006/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0006/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6], tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[7], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil[8], tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[9], tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[10] u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela[11],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019, tat-28 ta' Marzu 2019, tal-4 ta' April 2019, tat-30 ta' April 2019, tat-18 ta' Ġunju 2019 u tas-16 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-8 ta' Marzu 2019 dwar il-migranti u r-rifuġjati Venezwelani,

 wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Teknika Internazzjonali tal-Proċess ta' Quito, li saret fi Buenos Aires fl-4 u l-5 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Lima tat-30 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tat-3 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2019 dwar il-laqgħa konġunta tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u l-Grupp ta' Lima dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[12], li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, bejn l-2018 u l-2019, il-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja – b'ħafna dimensjonijiet – marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

B. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-pajjiż bejn id-19 u l-21 ta' Ġunju 2019; billi ħeġġet lill-gvern de facto tal-Venezwela jieħu miżuri konkreti u immedjati biex itemm u jirrimedja l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fil-pajjiż; billi ġie rikonoxxut ukoll li, għal aktar minn għaxar snin, il-Venezwela adottat u implimentat sensiela ta' liġijiet, politiki u prattiki li rrestrinġew l-ispazju demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet pubbliċi u affettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

C. billi aktar minn 7 miljun ruħ fil-Venezwela jeħtieġu assistenza umanitarja; billi l-gvern de facto ta' Maduro kiser id-dritt għall-ikel, inkluż l-obbligu li l-istat jiżgura li l-popolazzjoni tkun ħielsa mill-ġuħ; billi, skont in-NU, 3,7 miljun Venezwelan huma malnutriti, qagħda li hija ta' ħsara partikolari għat-tfal u għan-nisa tqal; billi 94 % tal-popolazzjoni qiegħda taħt is-soll tal-faqar u 62 % tgħix f'faqar estrem; billi 70 % tat-tfal ma jmorrux skola; billi xi nisa ġew sfurzati jipprostitwixxu ruħhom għall-ikel u bosta drabi kellhom iħabbtu wiċċhom mal-vjolenza;

D. billi s-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż hija terribbli, u l-isptarijiet huma neqsin minn membri tal-persunal, provvisti, mediċini u elettriku, liema qagħda wasslet għall-mewt ta' mill-inqas 1 557 persuna bejn Novembru 2018 u Frar 2019; billi f'erba' bliet ewlenin tal-Venezwela, fosthom Caracas, hemm nuqqas ta' mediċini essenzjali li jvarja minn 60 % sa 100 %; billi l-imwiet marbuta mal-maternità żdiedu u ħafna nisa kellhom jitilqu mill-pajjiż biex iwelldu;

E. billi aktar minn 3,4 miljun Venezwelan kellhom jaħarbu mill-pajjiż; billi l-għadd totali ta' Venezwelani li ġew sfurzati jemigraw se jkun qabeż il-5 miljuni sa tmiem l-2019, hekk li din se tkun it-tieni l-akbar kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati fid-dinja; billi dan il-fluss migratorju qed ipoġġi pressjoni partikolari fuq il-pajjiżi ġirien, iżda anke, kulma jmur, fuq l-Unjoni Ewropea u t-territorji tal-Istati Membri tal-UE fil-Karibew;

F. billi, skont il-UNHRC, kważi 7 000 ruħ sfaw maqtula b'mod extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Venezwela fl-aħħar sena u nofs; billi l-awtoritajiet de facto qed jużaw il-FAES (il-Forza ta' Azzjonijiet Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana) u forzi oħra tas-sigurtà bħala parti minn politika ta' kontroll soċjali; billi l-familji tal-vittmi ta' atti ta' qtil extraġudizzjarju li seħħew matul il-protesti għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw drittijiethom għal verità, ġustizzja u riparazzjoni;

G. billi r-reġim juża t-tortura bħala għodda sistemika ta' intimidazzjoni u dissważjoni fil-konfront tad-dimostranti, hekk li ħoloq klima ta' terrur; billi r-rapport tal-UNHRC kkonkluda li s-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence, b'mod partikolari s-SEBIN (is-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan) u d-DGCIM (id-Direttorat Ġenerali għall-Kontrospjunaġġ Militari), sikwit irrikorrew għal prattiki bħal dawn; billi l-priġunieri politiċi fil-Venezwela qed ikunu soġġetti għat-tortura, u bħalissa ħafna jinsabu f'iżolament, mingħajr ebda possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-avukati jew mal-membri tal-familja tagħhom, li huma beżgħana dwar ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom;

H. billi 22 membru parlamentari, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, tneħħitilhom l-immunità parlamentari tagħhom; billi tnejn qegħdin taħt arrest filwaqt li 16-il membru parlamentari ieħor fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;

I. billi l-popli indiġeni qed jiġu soġġetti għal atti vjolenti u kriminali; billi 63 membru tal-komunitajiet indiġeni ġew arrestati b'mod arbitrarju u ġew ittorturati, 7 mietu u aktar minn 23 indarbu u kellhom imorru fi sptarijiet barra l-pajjiż biex jingħataw trattament mediku;

J. billi l-minjieri u l-estrazzjoni taż-żejt, speċjalment f'reġjuni remoti u b'bijodiversità rikka, jeqirdu l-għajxien tal-minoranzi, bħall-komunitajiet indiġeni u suwed, li, jekk joġġezzjonaw għal dawn l-attivitajiet u jaqbżu għad-drittijiet tagħhom, jissugraw li jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza ħarxa u spostament min-naħa tal-forzi militari, il-gruppi kriminali organizzati u l-gruppi armati;

K. billi, fid-29 ta' Ġunju 2019, Rafael Acosta Arévalo, kaptan navali li safa arrestat u ttorturat fuq allegazzjonijiet ta' komplott ta' qtil kontra Nicolás Maduro, miet waqt li kien taħt arrest; billi l-awtoritajiet de facto ssekwestraw ġismu u żammewh moħbi illegalment għal 11-il ġurnata qabel ma difnuh, bla ma rrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-familja tiegħu u x-xewqa ta' qrabatu li jibku t-telfa tal-mejjet;

L. billi, fit-2 ta' Lulju, Rufo Chacón, tifel Venezwelan ta' 16-il sena, tilef il-vista wara li uffiċjali tal-gvern sparawlu u laqtuh f'wiċċu waqt protesta kontra n-nuqqas ta' gass għat-tisjir;

M. billi l-UE mmobilizzat EUR 117,6 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u assistenza għall-iżvilupp b'reazzjoni għall-kriżi, u qed taħdem mal-popolazzjonijiet vulnerabbli kemm fil-Venezwela (60 % tal-finanzjament) kif ukoll fil-pajjiżi ġirien (40 % tal-finanzjament); billi s'issa l-appoġġ miġbur min-NU għall-Pjan ta' Intervent Reġjonali għar-Rifuġjati u l-Migranti jirrappreżenta biss madwar 22 % tat-total mitlub (USD 159 miljun minn appell għal USD 738 miljun);

1. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni gravi ta' emerġenza li qed tipperikola bil-kbir ħajjet iċ-ċittadini Venezwelani;

2. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President leġittimu ad interim Juan Guaidó u għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha – inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha – jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati; jikkundanna r-revoka tal-immunità parlamentari ta' 22 membru parlamentari u l-priġunerija ta' tnejn minnhom; itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' leġittimità tal-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mejju 2018;

3. Jikkundanna l-atti ħorox ta' repressjoni u vjolenza, li wasslu biex persuni sfaw maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u l-ħbieb tal-persuni milquta;

4. Jissottolinja, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, ir-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi armati u tal-intelligence fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, fl-użu indiskriminat tal-vjolenza għar-repressjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni demokratika u tar-restawr tal-istat tad-dritt fil-Venezwela; jikkundanna l-użu, fi kwalunkwe ċirkustanza, tal-arresti arbitrarji, it-tortura u l-qtil extraġudizzjarju, li huma pprojbiti mill-konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom;

5. Jikkundanna, bi qbil mar-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, l-abbuż mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà; jitlob li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jinħoloq mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti li jinvestiga l-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju waqt operazzjonijiet tas-sigurtà, jiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, jagħti rimedju lill-familji tal-vittmi u jipproteġihom minn kwalunkwe intimidazzjoni u tpattija;

6. Jitlob b'urġenza li jiġi ggarantit li l-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jkunu disponibbli u aċċessibbli, filwaqt li s-servizzi materni u tat-tfal jingħataw attenzjoni speċjali; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani de facto jiżguraw li l-għajnuna umanitarja titqassam lill-popolazzjoni kollha mingħajr ebda preġudizzju politiku;

7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jiġu mwaqqfa, ikkundannati pubblikament, ikkastigati u evitati; jitlob li jinħelsu dawk kollha li, b'mod arbitrarju, sfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom;

8. Ifakkar li kull intimidazzjoni u attakk fil-konfront tal-popli indiġeni, inklużi l-mexxejja, iridu jitwaqqfu u li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-ħarsien tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet individwali u kollettivi tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-art;

9. Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iżomm lura milli jidħol fi proġetti kbar biex ifittex sorsi ta' introjtu sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, għax dawn jagħmlu ħsara lill-ambjent, il-klima u l-għajxien tal-komunitajiet fl-inħawi; jitlob protezzjoni bla riżervi għall-persuni indiġeni u suwed li jiddefendu l-ambjent minn attivitajiet bħall-estrazzjoni tad-deheb f'żoni remoti bħal Arco Minero del Orinoco fil-Venezwela;

10. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-gravità dejjem akbar tal-kriżi migratorja fir-reġjun kollu u jfaħħar lill-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari lill-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, għall-isforzi li għamlu u s-solidarjetà li wrew; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tagħti għajnuna umanitarja, iżda anke billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;

11. Isostni mill-ġdid li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-impass politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja serja li dan ikkaġuna; jirrimarka li d-djalogu li għaddej irid iqis il-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jappoġġja l-proċess iffaċilitat li għaddej bħalissa – immexxi min-Norveġja – u jilqa' l-qbil taż-żewġ naħat li jinvolvu ruħhom fi djalogu għall-paċi; jenfasizza li, biex proċess ta' ffaċilitar jirnexxi, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' bini ta' fiduċja minimi; jinsisti li l-għan esklużiv tad-djalogu jrid ikun li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

12. Jitlob li l-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-awtoritajiet statali de facto responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jirrestrinġu l-movimenti tal-individwi kkonċernati u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom kif ukoll tal-eqreb qraba tagħhom;

13. Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tmexxi l-politika tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u tkompli tikkoopera mal-Grupp ta' Kuntatt u mal-pajjiżi demokratiċi tar-reġjun irrappreżentati mill-Grupp ta' Lima;

14. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissieħbu fl-inizjattiva ta' diversi Stati Parti tal-QKI għall-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, sabiex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

15. Jappoġġja l-inizjattiva biex, flimkien mal-UNHRC, titwaqqaf Kummissjoni ta' Inkjesta li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President leġittimu ad interim tar-Repubblika u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza