Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0013/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0013/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong

17.7.2019 - (2019/2732(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0013/2019 (Verts/ALE)
B9‑0015/2019 (ECR)
B9‑0017/2019 (S&D)
B9‑0021/2019 (PPE)
B9‑0023/2019 (Renew)

Michael Gahler, Tomáš Zdechovský, Antonio Tajani, Romana Tomc, Eva Maydell, Andrius Kubilius, Roberta Metsola, Krzysztof Hetman, Adam Jarubas, Milan Zver, Ivan Štefanec, Andrey Kovatchev, Peter Pollák, Vladimír Bilčík, Michal Wiezik, Michaela Šojdrová, Željana Zovko, David McAllister, Andrzej Halicki, Isabel Wiseler‑Lima, Loránt Vincze, Karoline Edtstadler, Dubravka Šuica, David Lega, Arba Kokalari, Sandra Kalniete, Luděk Niedermayer, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Benoît Lutgen, Inese Vaidere
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Tonino Picula
f'isem il-Grupp S&D
Antony Hook, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Jordi Cañas, Catherine Chabaud, Olivier Chastel, Pascal Durand, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Cristian Ghinea, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Irena Joveva, Pierre Karleskind, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa, Mauri Pekkarinen, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Stéphane Séjourné, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Dragoş Tudorache, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie‑Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Reinhard Bütikofer, Ernest Urtasun, Viola Von Cramon‑Taubadel, Monika Vana, Hannah Neumann, Gina Dowding
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Jadwiga Wiśniewska, Alexandr Vondra, Beata Kempa, Valdemar Tomaševski, Evžen Tošenovský, Assita Kanko, Charlie Weimers
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2019/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0013/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0013/2019
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong

(2019/2732(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Hong Kong,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Ġunju 2019 dwar il-protesti li qed isiru kontra r-riformi proposti dwar l-estradizzjoni f'Hong Kong,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kelliem tas-SEAE tal-1 ta' Lulju 2019 dwar l-aħħar żviluppi f'Hong Kong,

 wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2018, intitolata "Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong: Rapport Annwali 2018",

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-9 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, varat fl-1995, u s-37 ċiklu ta' dan id-djalogu, li sar fl-1 u t-2 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata ''L-UE u ċ-Ċina – Prospettiva strateġika",

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra r-reviżjoni perjodika universali (UPR) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iċ-Ċina li saret f'Novembru 2018

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjoni li ilha stabbilita bejn l-UE u ċ-Ċina, bi qbil mal-impenn tal-UE li ssostni dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha, kif ukoll mal-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u internazzjonali tagħha;

B. billi l-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (HKSAR) ressaq l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorju) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019 biex jemenda l-Ordinanza dwar it-Trasgressuri Maħrubin (FOO) u l-Ordinanza dwar l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali (MLAO);

C. billi l-mexxejja ta' Hong Kong, Carrie Lam, fid-9 ta' Lulju ħabbret li l-leġiżlazzjoni hekk mibgħuda kienet "mejta"; billi qagħdet lura milli tħabbar li l-abbozz kien se jiġi rtirat;

D. billi l-abbozz ta' liġi propost jista' jiffaċilita li persuni jittieħdu ċ-Ċina għal raġunijiet politiċi u l-esponiment tagħhom għal sistema ġudizzjarja b'nuqqasijiet serji rigward id-drittijiet tal-bniedem; billi, skont l-emendi proposti, il-qorti ta' Hong Kong ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni ċara u espliċita u l-obbligu legali li teżamina d-diversi drittijiet tal-bniedem involuti f'każijiet li jkunu qed jiġu ttrattati mill-qrati fiċ-Ċina kontinentali jew f'pajjiżi oħra;

E. billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali hija nieqsa mill-indipendenza mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjoni arbitrarja, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur serju tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

F. billi ħafna ċittadini ta' Hong Kong, minn attivisti favur id-demokrazija għal nies tan-negozju, jibżgħu li jiġu estraditi lejn iċ-Ċina kontinentali;

G. billi n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'għadd bla preċedent, u b'hekk eżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt fundamentali tagħhom li jingħaqdu u li jipprotestaw; billi, fit-12 ta' Ġunju, għaxriet ta' eluf ta' dimostranti nġabru madwar il-binja tal-Kunsill Leġiżlattiv u t-toroq ta' madwaru, filwaqt li talbu lill-gvern iwaqqa' l-emendi li kien ippropona għal-liġi ta' Hong Kong dwar l-estradizzjoni;

H. billi aktar minn 70 NGO tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International, Human Rights Watch, Human Rights Monitor, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Hong Kong u s-Soċjetà tal-Liġi ta' Hong Kong, kienu indirizzaw ittra kollettiva lill-Kap Eżekuttiv Lam, bit-talba li l-gvern tagħha jabbanduna l-abbozz ta' liġi dwar l-estradizzjoni peress li kien jirrappreżenta theddida għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

I. billi l-pulizija ta' Hong Kong użaw l-atti vjolenti ta' għadd żgħir ta' dimostranti bħala skuża biex jużaw forza bla bżonn u eċċessiva kontra l-maġġoranza enormi paċifika, inkluż l-użu ta' gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjoni "beanbag" u sprej tal-bżar, ikkaratterizzaw l-inċident bħala rewwixta u b'hekk għaddew biex jagħmlu diversi tużżani ta' arresti; billi diversi persuni ġew akkużati li ħadu sehem f'rewwixta, offiża punibbli b'sentenza ta' 10 snin ħabs;

J. billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong raw dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, bħall-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment tal-Umbrelel", kif ukoll favur il-libertajiet tal-midja u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

K. billi, fi tmiem l-2015, għebu erba' residenti ta' Hong Kong, fosthom Gui Minhai, u persuna mhux residenti assoċjata mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current u mal-ħanut tal-kotba tagħha; billi, xhur wara, sar magħruf li kienu qed jinżammu fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux żvelati; billi, minn dakinhar, wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba li reġa' lura Hong Kong mar jgħix fit-Tajwan minħabba l-biża' li jiġi estradit;

L. billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet individwali; billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

M. billi l-UE tappoġġja l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" kif ukoll il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong;

1. Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jirtira l-Abbozz ta' Liġi (Emendatorja) dwar it-Trasgressuri Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali 2019;

2. Jitlob li l-Gvern tal-HKSAR jeħles minnufih lid-dimostranti paċifiċi u lil dawk kollha li ġew arrestati għall-eżerċizzju paċifiku tal-libertà ta' espressjoni tagħhom matul il-protesti jew fiż-żmien li wassal għalihom, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawn il-persuni;

3. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti;

4. Jenfasizza li l-UE tikkondividi ħafna mill-punti ta' tħassib imqajmin miċ-ċittadini ta' Hong Kong rigward ir-riformi proposti ta' estradizzjoni u li dawn esprimiethom lill-Gvern tal-HKSAR; jissottolinja li l-abbozz ta' liġi għandu konsegwenzi estensivi għal Hong Kong u għall-poplu tiegħu, għall-UE u għaċ-ċittadini barranin, kif ukoll għall-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong;

5. Iħeġġeġ lill-HKSAR biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa' għalkollox konformi mal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż mad-dispożizzjonijiet tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u ma' dawk tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

6. Jirrikonoxxi li n-nies ta' Hong Kong niżlu fit-toroq f'numri straordinarji f'dawn l-aħħar ġimgħat, bi stimi ta' aktar minn miljun persuna fil-9 ta' Ġunju u sa żewġ miljuni fil-ġimgħa ta' wara, f'dimostrazzjonijiet tal-massa li kienu paċifiċi fil-parti l-kbira u li kienu ġew skattati minn livelli għolja ta' tħassib rigward il-liġijiet proposti dwar l-estradizzjoni;

7. Jissottolinja li d-drittijiet taċ-ċittadini ta' Hong Kong ġeneralment ġew irrispettati fl-HKSAR, iżda jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir minħabba l-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar tagħhom, b'mod partikolari rigward rappurtar dwar kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew dwar dawk li jikkonċernaw lill-Gvern tal-HKSAR;

8. Jenfasizza li l-Liġi Bażika tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni; jitlob li l-awtoritajiet f'Hong Kong u fiċ-Ċina jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet minquxa fil-Liġi Bażika għaċ-ċittadini kollha;

9. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti miċ-Ċina li d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku, u li għaldaqstant m'għadhiex valida; jenfasizza li l-Gvern Ċiniż huwa marbut mid-Dikjarazzjoni Konġunta li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija tal-HKSAR kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet tiegħu;

10. Jinnota bi tħassib kbir, f'dan il-kuntest, li kandidati tal-oppożizzjoni, fosthom Anges Chow u l-ex leġiżlatur Lau Siu-Lai, ma tħallewx joħorġu bħala kandidati fl-elezzjoni straordinarja għall-Kunsill Leġiżlattiv minħabba l-affiljazzjoni politika tagħhom jew il-fehmiet tagħhom;

11. Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu lejn l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjoni sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi;

12. Iħeġġeġ li ssir riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li b'mod ġenerali tkun demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li din tagħti lill-poplu tal-HKSAR id-dritt li jeleġġi kandidati u li joħroġ għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-pożizzjonijiet ta' tmexxija kollha;

13. Itenni t-talba tiegħu għar-rilaxx immedjat tal-pubblikatur Gui Minhai, ċittadin Żvediż;

14. Jissottolinja l-impenn tal-UE li ssaħħaħ id-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

15. Ifakkar fl-importanza li l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, bi qbil mal-impenn tal-UE li titkellem b'leħen b'saħħtu, ċar u magħqud fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; barra minn hekk, ifakkar li, fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li l-UE tkompli d-djalogu maċ-Ċina sabiex tiżgura li din tirrispetta dawn l-impenji;

16. Jitlob li l-VP/RGħ, is-SEAE u l-Istati Membri jqajmu dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tal-HKSAR u taċ-Ċina;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza