MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku
17.7.2019 - (2019/2733(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0014/2019 (Verts/ALE)
B9-0027/2019 (S&D)
B9-0030/2019 (Renew)
Kati Piri, Nacho Sánchez Amor
f'isem il-Grupp S&D
Sheila Ritchie, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Jordi Cañas, Olivier Chastel, Dacian Cioloș, Pascal Durand, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Sophia in ’t Veld, Irena Joveva, Pierre Karleskind, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Maite Pagazaurtundúa, Mauri Pekkarinen, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Stéphane Séjourné, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Dragoş Tudorache, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Tineke Strik, Damien Carême, Yannick Jadot, Margrete Auken, Monika Vana, Catherine Rowett, Alexandra Geese, Alice Kuhnke, Hannah Neumann, Erik Marquardt, Katrin Langensiepen, Molly Scott Cato, Gina Dowding, Ernest Urtasun, Reinhard Bütikofer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera Stati Uniti-Messiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistipula li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja u li t-tfal kollhagħandhom id-dritt li jżommu relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula minn membri tal-Kungress tal-Istati Uniti wara li żaru ċ-ċentri ta' detenzjoni f'Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni tal-1951) u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1967,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,
– wara li kkunsidra l-inizjattivi ta' politika tal-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti relatati mal-migrazzjoni u l-asil u l-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-8 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti tad-9 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-memorandum tal-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-aġent Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, tat-2 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti tal-1776,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE jqisu d-drittijiet tal-bniedem bħala dritt inaljenabbli u fundamentali inerenti għall-bnedmin kollha;
B. billi f'dawn l-aħħar snin, kriżi kumplessa ta' vjolenza u ta' faqar b'saħħitha xprunat il-familji, inklużi ż-żgħażagħ u t-tfal, biex jaħarbu mill-Messiku u t-Triangolu tat-Tramuntana tal-Amerka Ċentrali – El Salvador, il-Gwatemala u l-Honduras – u jfittxu s-sikurezza, il-protezzjoni u l-istabbiltà ekonomika fl-Istati Uniti;
C. billi l-Istati Uniti storikament hija pajjiż ta' immigrazzjoni li jiġbor fih diversi komunitajiet;
D. billi kwalunkwe stat sovran għandu l-prerogattiva li jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini barranin, iżda fl-istess ħin irid jikkonforma mal-obbligi internazzjonali rilevanti kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem;
E. billi fl-2018, l-Istati Uniti kienet l-akbar donatur bil-kbir lill-UNHCR, l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati, u b'hekk ikkontribwixxiet total ta' USD 1 589 776 543;
F. billi l-Istati Uniti adottat miżuri stretti li jaffettwaw il-migranti u l-persuni li jfittxu asil li jaqsmu l-fruntiera fil-pajjiż fit-tfittxija tad-dritt inaljenabbli tagħhom għall-ħajja, għal-libertà u għat-tfittxija tal-kuntentizza;
G. billi teżisti emerġenza umanitarja fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, fejn il-migranti u persuni li jfittxu asil huma miżmuma min-naħa tal-Istati Uniti wara li jkunu qasmu l-fruntiera; billi s-sitwazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha t-tfal hija partikolarment allarmanti u ta' min jikkundannaha, peress li hemm mijiet li jinsabu f'kampijiet tat-tined fil-fruntiera jew li huma msakkra f'faċilitajiet ta' detenzjoni li ma jissodisfawx l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem, peress li huma ffullati żżejjed u m'għandhomx faċilitajiet adegwati għall-kura tas-saħħa, ikel diċenti u sanità xierqa;
H. billi f'memorandum dwar is-sitwazzjoni fiċ-ċentru ta' akkoljenza tal-Wied tar-Rio Grande, l-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Istati Uniti (OIG) għad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna enfasizza "kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu attenzjoni u azzjoni immedjata" minħabba "iffullar serju u detenzjoni mtawla ta' tfal frustiera mhux akkumpanjati, familji, u adulti waħedhom li jeħtieġu attenzjoni immedjata", u għalhekk appella għal "passi immedjati biex itaffu l-iffullar perikoluż u d-detenzjoni fit-tul tat-tfal u l-adulti fil-Wied tar-Rio Grande";
I. billi ċ-ċaħda tat-tfal mil-libertà tagħhom abbażi tal-istatus ta' migrazzjoni tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom qatt ma tkun fl-aħjar interessi tat-tfal, teċċedi r-rekwiżit tal-ħtieġa, issir sproporzjonata għall-aħħar u tista' tikkostitwixxi trattament krudili, inuman jew degradanti ta' tfal migranti; billi kull ċaħda tal-libertà li taffettwa lill-migranti adulti u lil persuni li jfittxu asil għandha tkun miżura tal-aħħar istanza u, jekk din ikollha sseħħ, għandha tkun għall-iqsar żmien possibbli, bis-salvagwardji ta' proċess ġust u f'kundizzjonijiet li jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem;
J. billi, skont id-data ddivulgata lil Amnesty International mill-Aġenzija tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, bejn l-2017 u Awwissu 2018 ġew separati madwar 8 000 unità tal-familja wara li qasmu l-fruntiera; billi dawn l-istimi jeskludu ħafna każijiet oħra ta' separazzjoni, bħal dawk bejn it-tfal u ħuthom ikbar minnhom, iz-zijiet tagħhom, in-nanniet tagħhom u qraba oħra mhux familjari diretti tagħhom;
K. billi mħallef federali f'San Diego ordna lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex twaqqaf is-separazzjoni f'Ġunju 2018; billi, madankollu, is-separazzjonijiet komplew jiġu infurzati mid-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, skont data pprovduta lill-imħallef federali, b'tal-anqas 245 tifel u tifla li tneħħew mill-familji tagħhom minn Ġunju 2018, f'ħafna każijiet mingħajr dokumentazzjoni ċara biex tgħin biex jiġi ttraċċat il-post fejn jinsabu t-tfal;
L. billi sa Diċembru 2018, id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi tal-Bniedem tal-Istati Uniti identifika 2 737 tifel u tifla separati, filwaqt li rrikonoxxa li eluf oħra setgħu ġew separati mill-2017 mingħajr ma l-amministrazzjoni setgħet tidentifikahom minħabba n-nuqqas ta' sistema ta' traċċar effiċjenti;
M. billi l-att ta' separazzjoni tal-familja u ta' detenzjoni indefinita jikkostitwixxi trattament ħażin; billi t-tfal li jgħixu f'istituzzjonijiet 'l bogħod mill-familji tagħhom huma vulnerabbli ħafna għal abbuż emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku, li jista' jwassal għal problemi ta' żvilupp fit-tul, korrimenti u trawmi profondi, kif ukoll konsegwenzi soċjali negattivi serji;
N. billi skont rapporti mill-Unjoni Amerikana għal-Libertajiet Ċivili u diversi dikjarazzjonijiet minn kelliema tad-Dipartimenti tal-Istati Uniti tas-Saħħa u s-Servizzi Umani u tas-Sigurtà Interna, mill-inqas sitt ulied huma magħrufa li mietu fil-kustodja tal-immigrazzjoni mis-sena li għaddiet, wara kważi għaxar snin li fihom, huwa rrappurtat, li l-ebda tifel jew tifla ma mietu waqt li kienu fil-kustodja tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti;
O. billi skont id-data mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), s'issa mietu 197 persuna fl-2019 li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera mill-Messiku għall-Istati Uniti, fosthom mill-inqas 13-il tifel u tifla; billi l-għadd ta' mwiet ilu jiżdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar 5 snin, b'total ta' aktar minn 1 900 mewta li seħħew bejn l-2014 u l-2018;
P. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat l-awtoritajiet Messikani żiedu b'mod sinifikanti l-isforzi ta' infurzar fil-politiki tal-migrazzjoni, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta' migranti miżmuma u deportati;
Q. billi filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' ċirkostanzi terribbli, il-migranti, li jiġu prinċipalment mill-Amerka Ċentrali, huma sfurzati li jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntiera mal-Istati Uniti; billi l-pressjoni fuq il-fruntieri tan-nofsinhar u tat-tramuntana qed twassal lil eluf ta' migranti, l-iktar nisa u tfal, jipperikolaw ħajjithom b'mod serju;
R. billi skont il-gvern tiegħu stess, il-Messiku bħalissa qiegħed jiffaċċja kriżi ta' sigurtà pubblika vjolenti; billi skont il-Protokolli dwar il-Protezzjoni tal-Migranti (MPP) tal-Istati Uniti, il-persuni li jfittxu asil qegħdin jiġu ritornati lejn il-Messiku, inkluż f'żewġ stati tat-tramuntana li huma fost l-iktar vjolenti fil-pajjiż – Baja California u Chihuahua – u jgħixu f'kondizzjonijiet ta' prekarjetà qawwija, fejn jirriskjaw li jsiru vittmi ta' delitti gravi, bħall-ħtif ta' persuni, attakk sesswali u vjolenza;
S. billi l-pushbacks fuq skala kbira ta' persuni li jfittxu asil, is-separazzjonijiet illegali tal-familji u d-detenzjoni arbitrarja u indefinita tal-persuni li jfittxu asil mingħajr il-possibbiltà ta' ħelsien jikkostitwixxu politiki krudili u ksur flagranti kemm tal-liġi dwar l-asil tal-Istati Uniti kif ukoll tad-dritt internazzjonali;
T. billi fis-27 ta' Ġunju 2019, il-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti approvat pakkett ta' USD 4,6 biljun biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;
U. billi l-fergħat tal-Uffiċċji tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku u fl-Amerka Ċentrali ddokumentaw bosta każijiet ta' ksur u abbużi fir-rigward tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fi tranżitu, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva, iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, is-separazzjoni tal-familja, ir-rifjut ta' aċċess għas-servizzi, ir-refoulement, u l-espulsjonijiet arbitrarji;
V. billi 195 parti ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi l-Istati Uniti hija l-uniku stat membru tan-NU li ma rratifikatx din il-Konvenzjoni;
W. billi s-sħubija UE-Stati Uniti hija storikament ibbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi qawwija, kif ukoll fuq valuri kondiviżi bħal-libertà, id-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Istati Uniti huma kruċjali biex tinbena dinja iktar demokratika, sikura u għanja;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, speċjalment it-tfal migranti;
2. Jiddispjaċih għall-bosta mwiet li seħħew waqt il-vjaġġ tagħhom fir-rotot li jwasslu lejn il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku; jesprimi s-solidarjetà totali tiegħu mal-vittmi kollha u mal-familji tagħhom;
3. Jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet orribbli li fihom il-migranti u l-persuni li jfittxu asil, b'mod partikolari t-tfal, qed jinżammu fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-migranti fl-Istati Uniti, li huma nieqsa minn kura tas-saħħa adegwata, ikel diċenti u minn sanità xierqa; jiddispjaċih ħafna għall-imwiet ta' seba' migranti minorenni li seħħew f'dawn l-aħħar xhur waqt li kienu fil-kustodja tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, u jappoġġja l-isforzi kollha mill-Kungress tal-Istati Uniti u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jipprovdu sorveljanza, investigazzjoni, trasparenza u responsabbiltà rigward iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dawn l-imwiet;
4. Jenfasizza li l-miżuri għall-ġestjoni tal-fruntiera jridu jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali favur id-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Uniti u ma għandhomx jiġu bbażati fuq politiki dejqa mmirati lejn is-sejbien, id-detenzjoni u d-deportazzjoni mgħaġġla ta' migranti irregolari;
5. Jappella li jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem, is-sikurezza u l-aċċess għal proċessi tal-asil konformi mad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jinżamm il-prinċipju ta' non-refoulement u jiġu fornuti kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi;
6. Jiddeplora l-użu tas-separazzjoni tal-familja, li tista' toħloq trawma sistematika tat-tfal u tal-familjari diretti tagħhom, u li taħt l-amministrazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti qed tintuża bħala għodda tal-politika tal-immigrazzjoni bil-għan li tiskoraġġixxi lill-persuni li jfittxu sikurezza;
7. Jenfasizza li s-separazzjoni tal-familja u d-detenzjoni tal-immigranti qatt ma huma fl-aħjar interessi tat-tfal;
8. Jinnota l-memorandum mill-OIG u rapporti simili, u jitlob lill-Istati Uniti tirrevedi l-politiki u l-prattiki ta' migrazzjoni kurrenti kollha li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt ewlieni li wieħed ifittex l-asil, il-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt favur id-dinjità tal-bniedem;
9. Jappella lill-gvern tal-Istati Uniti biex itemm is-separazzjoni tal-familji, u sabiex b'urġenza jerġa' jgħaqqad it-tfal kollha li għadhom separati mill-ġenituri jew mit-tuturi tagħhom lura mal-familji tagħhom, bil-għan li tiġi żgurata r-riabilitazzjoni tagħhom, billi tingħata attenzjoni speċifika lill-bżonnijiet tat-tfal ikkonċernati;
10. Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Uniti minnufih jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi tagħhom bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa u l-kenn;
11. Jappella lill-awtoritajiet fl-Istati Uniti sabiex b'urġenza jsibu alternattivi mhux ta' kustodja għall-migranti u għal persuni li jfittxu asil, kemm jekk tfal kif ukoll adulti; jitlob li t-tfal kkonċernati jiġu ritornati lill-familji tagħhom;
12. Iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li kienet iffirmata mill-Istati Uniti fl-1995, iżda li baqgħet qatt ma ġiet adottata, sabiex l-Istati Uniti hija l-uniku pajjiż fid-dinja li ma adottax il-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-gvern tal-Istati Uniti jirratifika t-tielet protokoll fakultattiv għall-Konvenzjoni, dwar proċedura ta' komunikazzjoni għall-ilmenti;
13. Jesprimi tħassib serju għall-iktar tfittxijiet riċenti mill-aġenzija tal-Istati Uniti għall-Immigrazzjoni u l-Infurzar Doganali (ICE), li qegħdin jaffettwaw migranti mhux dokumentati, primarjament dawk mill-Amerka Ċentrali, il-ġenituri tagħhom u t-tfal tagħhom u li qed iwasslu għall-kriminalizzazzjoni tagħhom;
14. Jemmen li r-risposta għall-flussi migratorji bl-użu ta' repressjoni jew kriminalizzazzjoni tiffavorixxi l-ksenofobija, il-mibegħda u l-vjolenza;
15. Jinsab imħasseb dwar it-tibdiliet riċenti fil-politiki migratorji adottati mill-awtoritajiet Messikani u jappella lill-Gvern Messikan jikkonforma mal-istandards internazzjonali u mal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem meta jindirizza l-migrazzjoni;
16. Iqis li l-armata mhijiex l-istrument adattat biex jiġu trattati kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jirrimarka li s-sitwazzjoni fil-fruntiera għandha tiġi trattata minn pulizija speċjalizzata li jkunu rċevew taħriġ xieraq u li jiġu mħarrġa jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti;
17. Jirrikonoxxi li l-migrazzjoni hija sfida globali u jappella lill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni biex jaħdmu flimkien ħalli jindirizzaw l-kawżi fundamentali tal-flussi ta' migrazzjoni permezz ta' approċċ komprensiv; itenni, f'dan ir-rigward, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati u l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, li jipprovdu opportunità sinifikanti ta' titjib tal-governanza tal-migrazzjoni u tal-indirizzar tal-isfidi assoċjati magħha;
18. Itenni t-twemmin tiegħu f'kummerċ miftuħ u ġust u jesprimi l-konvinzjoni soda tiegħu li l-koerċizzjoni ekonomika u t-theddida ta' tariffi punittivi hija kontroproduċenti u ma twassalx biex pajjiżi sovrani jsibu soluzzjonijiet kostruttivi u sostenibbli għall-isfidi politiki bħall-migrazzjoni;
19. Jagħti ġieħ lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiżguraw li l-migranti jgawdu l-iktar drittijiet bażiċi, bħad-drittijiet għall-ilma, l-ikel, is-saħħa, kenn adegwat u assistenza simili oħra fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u fir-reġjun kollu; itenni t-talba tiegħu li l-assistenza umanitarja ma tiġix kriminalizzata u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex għal darb'oħra, tadotta l-linji gwida dwar din il-kwistjoni b'konformità mar-riżoluzzjoni tagħha tal-5 ta' Lulju 2018;
20. Jilqa' bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-ħolqien ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) jew mill-esperti rilevanti tan-NU li jkollha l-għan li tinvestiga s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku;
21. Jimpenja ruħu li jsegwi mill-qrib l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fir-reġjun biex jiġi garantit standard ta' żvilupp effiċjenti, peress li dan jista' jgħin biex jiġu trattati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni sfurzata;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u lill-amministrazzjoni tiegħu, lill-Kungress tal-Istati Uniti kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Messiku.