Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0200/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0200/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar Kuba, il-każ ta' José Daniel Ferrer

27.11.2019 - (2019/2929(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0200/2019 (PPE)
B9-0202/2019 (ECR)
B9-0213/2019 (Renew)

Michael Gahler, Leopoldo López Gil, Tomáš Zdechovský, Ivan Štefanec, Eva Maydell, Vladimír Bilčík, Magdalena Adamowicz, Michaela Šojdrová, Milan Zver, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko, Roberta Metsola, Lefteris Christoforou, Loucas Fourlas, Tomas Tobé, Seán Kelly, Romana Tomc, David McAllister, Stelios Kympouropoulos, Arba Kokalari, Tomasz Frankowski, Javier Zarzalejos, Sandra Kalniete, Stanislav Polčák, Loránt Vincze, Inese Vaidere, Jiří Pospíšil, Ioan-Rareş Bogdan, Andrey Kovatchev, Krzysztof Hetman, Antonio López-Istúriz White
f'isem il-Grupp PPE
Dita Charanzová, Atidzhe Alieva-Veli, Abir Al-Sahlani, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Phil Bennion, Stéphane Bijoux, Gilles Boyer, Jane Brophy, Sylvie Brunet, Jordi Cañas, Olivier Chastel, Anna Júlia Donáth, Fredrick Federley, Barbara Ann Gibson, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Antony Hook, Ivars Ijabs, Irena Joveva, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Anna Fotyga, Karol Karski, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Beata Kempa, Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Hermann Tertsch, Tomasz Piotr Poręba
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2019/2929(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0200/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Kuba, il-każ ta' José Daniel Ferrer

(2019/2929(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba[1], tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban[2], tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba[3], tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba[4], tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra[5], u tal-15 ta' Novembru 2018[6],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017,

 wara li kkunsidra t-tieni Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba li sar fid-9 ta' Settembru 2019 f'Havana,

 wara li kkunsidra t-tieni Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u Kuba, li sar fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, fit-3 ta' Ottubru 2019 fi Brussell,

 wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar Kuba ta' Mejju 2018,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984 u li Kuba hija Stat Parti tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, fl-1 ta' Ottubru 2019, il-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Unjoni Patrijottika ta' Kuba (UNPACU), José Daniel Ferrer, ġie arrestat b'mod arbitrarju mingħajr l-ebda akkuża u ġie miċħud kuntatt estern għal mill-inqas 72 siegħa;

B. billi l-awtoritajiet Kubani żammewh il-ħabs, ippersegwitawh u intimidawh għal aktar minn għaxar snin minħabba l-attiviżmu politiku paċifiku tiegħu; billi fl-2018, inżamm f'iżolament għal għaxart ijiem;

C. billi fit-2 ta' Novembru 2019, is-Sur Ferrer irnexxielu jibgħat ittra bil-moħbi li fiha stqarr li kien ġie ttorturat u maltrattat, li ħajtu tqiegħdet f'periklu waqt li kien qed jinżamm f'detenzjoni, u li ma ngħatax attenzjoni medika xierqa; billi skont informazzjoni pprovduta mill-familja tiegħu fil-15 ta' Novembru 2019, hu qed jiġi miżmum fil-ħabs ta' Aguadores f'Santiago de Cuba, fejn ittieħed f'ċella ta' kastig; billi fis-7 ta' Novembru 2019, martu ratu għal ftit minuti u kkonfermat li s-saħħtu kienet fi stat kritiku minħabba li kien tilef nofs il-piż ta' ġismu, b'riżultat ukoll ta' strajk tal-ġuħ li kien beda jagħmel;

D. billi, skont diversi NGOs, is-Sur Ferrer huwa biss wieħed minn 120 priġunier politiku f'Kuba; billi ħafna ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-parti l-kbira tagħhom huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, qed jiġu ppersegwitati, detenuti b'mod arbitrarju jew miżmuma l-ħabs f'Kuba, b'mod partikolari José Guía Piloto, Silverio Portal Contreras, Mitzael Díaz Paseiro, Orlando Zapata Tamayo, Eliecer Bandera Barrera, Edilberto Ronal Azuaga u Roberto de Jesús Quiñones Hacess;

E. billi fit-28 ta' Ottubru 2019, miet Armando Sosa Fortuny – il-priġunier politiku Kuban li dam l-itwal ammont ta' żmien detenut - (43 sena); billi l-awtoritajiet Kubani ma qablux li jeħilsuh minkejja l-kundizzjoni ħażina ta' saħħtu;

F. billi skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dawk kollha li jiġu arrestati jew detenuti jridu jiġu infurmati bir-raġunijiet fil-mument tal-arrest tagħhom, u jitressqu quddiem imħallef mingħajr dewmien;

G. billi l-azzjonijiet tal-Gvern Kuban jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5) u 22 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba ffirmat fl-2016, li fih il-Gvern Kuban jimpenja ruħu li jirrispetta u jtejjeb id-drittijiet tal-bniedem;

H. billi, fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; billi l-approvazzjoni tal-Parlament tesprimi b'mod ċar it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u tinkludi klawsola ta' sospensjoni fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

I. billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, beda fl-2015, bil-ħames sensiela ssir fid-9 ta' Ottubru 2018; billi fit-3 ta' Ottubru 2019, l-UE u Kuba kellhom it-tieni Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi dan ma tax riżultati tanġibbli minkejja r-rielezzjoni ta' Kuba fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2017-2019; billi kull djalogu politiku jrid jinkludi djalogu dirett intensiv mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni mingħajr ebda restrizzjoni;

J. billi fi żmien it-tieni laqgħa tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba fid-9 ta' Settembru f'Havana, aktar minn 100 attivist ġew arrestati b'mod arbitrarju; billi l-UE baqgħet siekta dwar dawn l-azzjonijiet, u baqgħet siekta wkoll rigward il-każ tas-Sur Ferrer;

K. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u qrabathom għadhom jiġu ffastidjati u intimidati b'mod regolari, u miżmuma milli jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali;

L. billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, u d-dinjità u l-interess tan-nies huma rappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija;

1. Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta' José Daniel Ferrer, u jitlob lill-awtoritajiet Kubani jeħilsuh b'mod immedjat; jitlob li s-Sur Ferrer jingħata aċċess għall-avukat tal-għażla tiegħu, ikollu kuntatt mal-familja tiegħu u jkollu aċċess għad-dokumentazzjoni kollha marbuta mad-detenzjoni tiegħu u r-raġunijiet allegati li għaliha ġie detenut;

2. Jikkundanna t-tortura u t-trattament ħażin li s-Sur Ferrer irrapporta li ġarrab fl-ittra tiegħu; ifakkar li l-awtoritajiet Kubani għandhom dmir li jipprevjenu t-tortura u t-trattament ħażin u li jiżguraw investigazzjoni fil-pront u imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jagħtu lis-Sur Ferrer aċċess immedjat għall-kura medika tal-għażla tiegħu u jiggarantixxu l-provvista ta' ikel u ilma sanitarji xierqa;

3. Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-persekuzzjoni, il-fastidju u l-attakki kontinwi kontra dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni politika f'Kuba; jitlob it-tmiem immedjat ta' dawn l-azzjonijiet, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u ta' dawk detenuti b'mod arbitrarju unikament talli eżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' għaqda; jitlob li jkun hemm garanziji aħjar tad-dritt għal proċess ġust u tal-indipendenza tal-ġudikatura u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti;

4. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f'Kuba biex jikkundannaw b'saħħa u pubblikament l-arrest arbitrarju tas-Sur Ferrer u tal-individwi msemmija hawn fuq, u biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

5. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni adottat, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tjibitx; jitlob li jiġu ssodisfati l-obbligi vinkolanti stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, u jitlob punti ta' riferiment ċari f'dan ir-rigward;

6. Itenni li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament; iqis il-priġunerija u t-trattament ta' José Daniel Ferrer u ta' priġunieri politiċi oħra bħala "każ ta' urġenza speċjali", kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-Ftehim, u f'dan ir-rigward jitlob li l-UE titlob li ssir laqgħa urġenti;

7. Jitlob li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern jippermetti li osservaturi indipendenti domestiċi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess mingħajr xkiel għal Kuba, jestendi stediniet lir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, ta' espressjoni u dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

8. Ifakkar li Kuba ilha mill-2003 tosserva moratorju fuq il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jitlob li jsir rieżami tas-sentenzi kollha tal-mewt biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

9. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jiggarantixxu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni, fosthom billi jirtiraw id-Digriet 349, li jillimita l-libertà tal-espressjoni artistika, u jtemmu l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti; jistieden lill-Gvern Kuban itemm l-impożizzjoni ta' ċensura online u ma jkomplix jimblokka s-siti tal-internet u jillimita l-aċċess għall-informazzjoni;

10. Jiddispjaċih dwar il-fatt li diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u Kubani ġew miċħuda l-possibbiltà li jipparteċipaw fi djalogu mas-soċjetà ċivili, fi ħdan id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem usa' tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba li sar fit-2 ta' Ottubru 2019 minħabba li l-Gvern Kuban ma tahomx approvazzjoni; barra minn hekk jitlob li jiġi stabbilit djalogu istituzzjonalizzat, formali, miftuħ u pubbliku mas-soċjetà ċivili verament indipendenti mal-UE u Kuba, simili għal dawk fis-seħħ ma' pajjiżi oħra li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta' kooperazzjoni;

11. Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrikonoxxi l-eżistenza tal-oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban u jappoġġa l-inklużjoni tal-oppożizzjoni fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba; f'dan ir-rigward, jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri biex iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem waqt żjarat mal-awtoritajiet Kubani u biex jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti;

12. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, anke billi jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet u jagħmlu monitoraġġ tal-proċessi kriminali u dikjarazzjonijiet pubbliċi; jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrapporta lura lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda s'issa mid-Delegazzjoni tal-UE;

13. Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jitlob lill-awtoritajiet Kubani biex, wara snin ta' nuqqas ta' azzjoni, ivaraw riformi li jwasslu għal trasformazzjoni demokratika tal-pajjiż f'konformità mal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jindika li s-sitwazzjoni attwali f'Kuba ddgħajjef il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija li fuqhom huwa msejjes il-Ftehim;

14. Jiddispjaċih ferm dwar il-fatt li l-awtoritajiet Kubani ma ħallewx lill-Parlament, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba, minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jippermettu d-dħul fil-pajjiż;

15. Jikkundanna l-attitudni intervenzjonistika tal-Gvern Kuban u jitlob li dan itemm l-attivitajiet kollha ta' ndħil f'diversi pajjiżi tal-Amerika Latina;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza