Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0242/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0242/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-Provinċja ta' Logar

18.12.2019 - (2019/2981(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0242/2019 (ECR)
B9‑0243/2019 (Verts/ALE)
B9‑0244/2019 (S&D)
B9‑0245/2019 (GUE/NGL)
B9‑0256/2019 (Renew)
B9‑0257/2019 (PPE)

Michael Gahler, Željana Zovko, David McAllister, Andrey Kovatchev, Sandra Kalniete, Antonio López‑Istúriz White, Tomáš Zdechovský, Eva Maydell, Magdalena Adamowicz, Maria Walsh, Milan Zver, Roberta Metsola, Lefteris Christoforou, Loucas Fourlas, David Lega, Krzysztof Hetman, Tomas Tobé, Romana Tomc, Seán Kelly, Arba Kokalari, Stelios Kympouropoulos, Vladimír Bilčík, Luděk Niedermayer, Ioan‑Rareş Bogdan, Gheorghe‑Vlad Nistor, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Ivan Štefanec, Michal Wiezik, Peter Pollák
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Robert Biedroń
f'isem il-Grupp S&D
Petras Auštrevičius, Atidzhe Alieva‑Veli, Malik Azmani, José Ramón Bauzá Díaz, Phil Bennion, Stéphane Bijoux, Izaskun Bilbao Barandica, Gilles Boyer, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Jérémy Decerle, Anna Júlia Donáth, Engin Eroglu, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Antony Hook, Ivars Ijabs, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Ulrike Müller, Javier Nart, Jan‑Christoph Oetjen, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Monica Semedo, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Yana Toom, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie‑Pierre Vedrenne, Irina Von Wiese, Chrysoula Zacharopoulou
f'isem il-Grupp Renew
Erik Marquardt, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Jan Zahradil, Karol Karski
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias, Manuel Bompard, Clare Daly, Mick Wallace, Helmut Scholz, Özlem Demirel, Martin Buschmann, Martina Michels, José Gusmão
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2019/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0242/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0242/2019
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-Provinċja ta' Logar

(2019/2981(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Diċembru 2017[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-3 ta' Diċembru 2019 mill-Grupp ta' Ħbieb tat-Tfal fil-Kunflitti Armati (CAAC), li tiegħu l-Unjoni Ewropea hija membru, fir-rigward ta' allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-provinċja ta' Logar u azzjonijiet sussegwenti kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Liġi Afgana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li ġiet ratifikata fil-5 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF ta' Novembru 2019 dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, liema konvenzjoni tinsab f'salib it-toroq,

 wara li kkunsidra r-rapporti tat-23 ta' Marzu 2018 u tad-29 ta' Marzu 2019 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitti , u r-rapport tal-10 ta' Marzu 2019 dwar it-tfal u l-konflitti armati fl-Afganistan,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal fil-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tat-8 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi skont ir-rapport tal-2019 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tfal u l-kunflitti armati fl-Afganistan, bejn l-2015 u l-2018 twettqu 14 000 każ ta' vjolazzjonijiet fuq tfal fl-Afganistan; billi mill-inqas 12 599 tifel u tifla sfaw maqtula jew immankati, li jirrappreżenta kważi terz tal-vittmi ċivili kollha; billi l-abbuż sesswali, l-istupru u l-isfruttament ta' subien, prattika magħrufa bħala bacha bazi li tikkostitwixxi skjavitù sesswali tat-tfal, hija prevalenti f'diversi provinċji tal-Afganistan;

B. billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) irrapportat li 136 tifel Afgan f'mill-inqas sitt skejjel fil-provinċja ta' Logar ġew abbużati sesswalment minn ċirku ta' pedofeli; billi s'issa, l-investigazzjoni identifikat aktar minn 100 filmat imtella' online; billi mill-inqas seba' subien li dehru fil-filmati instabu mejta, u ħamsa nqatlu mill-familji tagħhom;

C. billi l-bachas, tipikament subien ta' bejn 10 u 18-il sena, jinxtraw jew jinħatfu minn familji fil-bżonn minn membri influwenti tal-elit f'żoni rurali, inklużi politiċi u uffiċjali tal-armata; billi s-subien jilbsu ta' nisa u jiżfnu waqt festini privati u wara spiss jiġu abbużati sesswalment mill-irġiel;

D. billi ġew implikati kapijiet ta' skejjel, għalliema u awtoritajiet lokali mill-provinċja ta' Logar; billi l-impunità għall-vjolenza sesswali hija komuni minħabba l-pożizzjonijiet b'saħħithom ħafna drabi miżmuma mill-awturi, l-in kredulità fi ħdan il-familji u l-komunitajiet tal-vittmi, u sistema ta' valur li tqiegħed l-unur tal-familja 'l fuq mill-interess individwali tat-tfal;

E. billi t-tfal fl-Afganistan li jsofru stupru u sfruttament sesswali għandhom aċċess limitat ħafna għall-ġustizzja jew l-appoġġ; billi rapporti jindikaw li jiġri l-oppost, u li t-tfal li jirrapportaw abbuż sesswali spiss iħabbtu wiċċhom ma' abbuż ulterjuri, stigmatizzazzjoni, ostraċiżmu u saħansitra mewt minn idejn l-awturi, l-awtoritajiet, il-mexxejja tal-milizzja u l-familji tagħhom stess, li jirriżultaw fi trawma fiżika u psikoloġika ulterjuri;

F. billi l-Istituzzjoni Soċjali u Ċivili taż-Żgħażagħ ta' Logar qed tinvestiga s-sitwazzjoni fi skejjel oħra fir-reġjun; billi huwa maħsub li eluf ta' subien oħra fil-provinċja huma vittmi tal-bacha bazi;

G. billi l-Afganistan irriforma l-Kodiċi Penali tiegħu fl-2018, li jikkriminalizza l-abbuż sesswali tat-tfal; billi fl-2019 l-awtoritajiet Afgani adottaw Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; billi l-infurzar tad-dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw ir-reklutaġġ, l-użu ta' tfal reklutati, u l-vjolenza sesswali u l-abbuż tat-tfal għadu sfida;

H. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Mohammad Musa Mahmudi u Ehsanullah Hamidi mill-Istituzzjoni Soċjali u Ċivili taż-Żgħażagħ ta' Logar ġew arrestati b'mod arbitrarju mid-Direttorat Nazzjonali tas-Sigurtà meta kienu fi triqthom biex jiltaqgħu mal-Ambaxxatur tal-UE f'Kabul; billi t-tnejn li huma ġew rilaxxati fis-27 ta' Novembru 2019 u s-sikurezza tagħhom għadha ta' tħassib; billi ż-żewġ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem preċedentement irċevew theddid fuq il-midja soċjali, uħud minn uffiċjali pubbliċi; billi, barra minn hekk, il-gvernatur provinċjali hedded li jikkastigahom talli xerrdu informazzjoni falza;

I. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan kull ma jmur qed jiġu attakkati dejjem aktar mill-awtoritajiet u mill-gruppi armati Afgani, u huma soġġetti għal fastidju, intimidazzjoni, theddid u vjolenza; billi l-Gvern Afgan ripetutament naqas milli jinvestiga l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

1. Jiddeplora l-abbuż sesswali u l-iskjavitù mifruxa u kurrenti tas-subien fl-Afganistan; jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-prevalenza ta' prattiki ta' abbuż sesswali kontra s-subien li għandhom għeruq fondi, l-impunità tal-awturi tal-atti u l-pożizzjoni vulnerabbli tal-vittmi;

2. Jirrikonoxxi r-reazzjoni reċenti tal-awtoritajiet Afgani u l-azzjoni li ħadu permezz ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli; ifakkar lill-awtoritajiet li l-protezzjoni tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra trid tkun fil-qalba ta' kwalunkwe politika ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella lill-awtoritajiet ċentrali u lokali Afgani biex ikomplu b'miżuri attivi biex jeqirdu l-prattika bacha bazi fil-pajjiż;

3. Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu li l-każijiet ta' abbuż sesswali allegatament seħħew fi skejjel, f'istituzzjonijiet fdati u rispettati, u li twettqu minn għalliema u minn kapijiet ta' skejjel, li għandhom influwenza enormi fuq l-istudenti tagħhom u responsabbiltà kbira għall-iżvilupp, kemm intellettwali kif ukoll psikoloġiku tagħhom;

4. Jistieden lill-Gvern Afgan biex jissospendi immedjatament mill-pożizzjonijiet tagħhom il-persuni allegatament implikati f'każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni, u biex jipprovdi lill-vittmi u lill-familji tagħhom bl-appoġġ mediku, psikoloġiku u soċjali meħtieġ;

5. Jappella lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex iniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali u ta' vjolenza fuq subien fil-provinċja ta' Logar li tiggarantixxi d-drittijiet tal-vittmi u l-protezzjoni tagħhom; ifakkar li minħabba li l-allegazzjonijiet saru wkoll kontra individwi fl-awtoritajiet nazzjonali, l-investigazzjoni għandha ssir b'kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali inkluża l-UNAMA, u bi trasparenza sħiħa;

6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex b'mod immedjat jistabbilixxu mekkaniżmu ta' protezzjoni u rapportar għall-organizzazzjonijiet u sostenituri li jirrapportaw u jesponu l-abbużi tad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jistabbilixxu linja telefonika nazzjonali għall-għajnuna tal-vittmi ddedikata għall-abbużi tad-drittijiet tat-tfal;

7. Jappella lill-awtoritajiet Afgani biex jagħmlu użu sħiħ mid-dritt nazzjonali u internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi Penali Afgan ġdid tal-2018 u l-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-2019 sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà sħiħa fil-każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza fuq it-tfal;

8. Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jibda kampanja nazzjonali biex jeduka lis-soċjetà dwar il-projbizzjoni tal-bacha bazi u dwar id-dritt tal-minuri li jkun protett minn tali abbuż fiżiku u sesswali; jenfasizza li huwa biss permezz ta' taħlita ta' infurzar tal-liġi u edukazzjoni dwar il-kwistjoni li se jkun possibbli li tinkiseb il-bidla kulturali meħtieġa fis-soċjetà Afgana biex tiġi eliminata din il-prattika; jinsisti li dawn l-isforzi jagħtu prijorità lit-tneħħija tal-istigmatizzazzjoni tal-vittmi tal-prattiki tal-bacha bazi u ma jagħtux lok li dawn jingħataw il-ġenb mill-komunitajiet tagħhom, jiġu mkeċċija minn familthom jew jinqatlu;

9. Ifaħħar il-ħidma ta' Mohammad Musa Mahmudi, Ehsanullah Hamidi u d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, li joperaw f'wieħed mill-aktar ambjenti perikolużi fid-dinja, huma mhedda minn atturi statali u mhux statali, u ma jirċevux il-protezzjoni meħtieġa biex iwettqu xogħolhom mingħajr biża' ta' rappreżalji; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Afgani jeħtiġilhom li, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr theddid, intimidazzjoni jew impediment;

10. Iħeġġeġ skrutinju u monitoraġġ akbar tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-Afganistan sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ baġitarju pprovdut attwalment jippromwovi ambjent li jwassal għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jiggarantixxu s-sikurezza ta' Mohammad Musa Mahmudi u Ehsanullah Hamidi; jappella, barra minn hekk, lill-awtoritajiet biex jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-priġunieri ta' kuxjenza u l-ġurnalisti detenuti u kkundannati sempliċiment għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u tal-assemblea paċifika;

12. Jappella lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex iniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-membri tas-soċjetà ċivili li ġew arrestati wara li rrapportaw każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza, u li ġew rilaxxati wara bosta jiem;

13. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'missjonijiet diplomatiċi fl-Afganistan u lill-aġenziji tal-iżvilupp tagħhom fuq il-post biex jassistu lill-awtoritajiet u lill-atturi tas-soċjetà ċivili lokali li qegħdin jaħdmu biex jeqirdu l-prattika tal-bacha bazi  mis-soċjetà Afgana;

14. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħtu l-appoġġ kollu xieraq lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti, inklużi żjarat fil-ħabs u monitoraġġ tal-proċessi; ifakkar fl-importanza li d-Delegazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, u dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza