Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0251/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0251/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

17.12.2019 - (2019/2978(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0251/2019 (S&D)
B9-0252/2019 (Verts/ALE)
B9-0253/2019 (PPE)
B9-0254/2019 (Renew)
B9-0255/2019 (ECR)

Leopoldo López Gil, Michael Gahler, Željana Zovko, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Javier Zarzalejos, Vladimír Bilčík, David Lega
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Maria Manuel Leitão Marques
f'isem il-Grupp S&D
Javier Nart, Abir Al-Sahlani, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, José Ramón Bauzá Díaz, Phil Bennion, Izaskun Bilbao Barandica, Gilles Boyer, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Jérémy Decerle, Anna Júlia Donáth, Engin Eroglu, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Antony Hook, Ivars Ijabs, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Jan-Christoph Oetjen, Dragoş Pîslaru, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Monica Semedo, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou
f'isem il-Grupp Renew
Tilly Metz
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Hermann Tertsch, Assita Kanko
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2019/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0251/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0251/2019
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

(2019/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008[1], tas-26 ta' Novembru 2009[2], tas-16 ta' Frar 2017[3], tal-31 ta' Mejju 2018[4] u tal-14 ta' Marzu 2019[5],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxu qafas għal sanzjonijiet immirati, 

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), Rupert Colville, tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni ta' Livell Għoli dwar in-Nikaragwa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra l-bullettini ppubblikati mill-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) stabbilit mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħra li jikkritikaw l-istorja tad-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tan-Nikaragwa qed ikunu dejjem aktar fil-mira ta' theddid ta' mewt, ta' intimidazzjoni, ta' kampanji ta' malafama online, ta' fastidju, ta' sorveljanza, ta' attakki u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li aktar minn 80 000 persuna ġew imġiegħla jitilqu min-Nikaragwa b'riżultat tal-kriżi attwali, u li r-ripressjoni fil-pajjiż intensifikat;

B. billi skont l-aħħar ċifri ta' MESENI, 328 persuna mietu u mijiet sfaw feruti, aktar minn 150 priġunier politiku għadhom arbitrarjament detenuti sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom u 144 student tkeċċew minn universitajiet talli pparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, il-libertà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irrapporta li aktar minn 100 ġurnalist u ħaddiem tal-midja kellhom jitilqu mill-pajjiż; billi l-Gvern tan-Nikaragwa mblokka l-importazzjonijiet tal-karta għall-istampar tal-gazzetti, li ġiegħel lil diversi gazzetti jagħlqu, inkluża l-gazzetta ikonika "Nuevo Diario";

C. billi r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-għaqda u l-espressjoni huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

D. billi fl-14 ta' Novembru 2019, tmienja mill-qraba ta' avversarji politiċi li ntbagħtu l-ħabs, fost oħrajn, bdew strajk tal-ġuħ fil-knisja San Miguel f'Masaya, u qed jitolbu l-ħelsien ta' 130 individwu li qed jinżammu arrestati fil-kuntest tal-protesti; billi l-pulizija dawret il-knisja u qatgħetilha l-provvista tal-ilma u tal-elettriku; billi l-pulizija la ħallew persuni jidħlu fil-knisja u lanqas li tingħata assistenza umanitarja u medika;

E. billi fl-istess lejl, grupp ta' mill-inqas 13-il membru tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara li taw xi ilma lill-persuni mdawra mill-pulizija, inkluża Amaya Eva Coppens, difensur tad-drittijiet tal-bniedem b'ċittadinanza Nikaragwana u Belġjana, li kienet ġiet arrestata fil-kuntest tal-protesti għal tmien xhur u nħelset fil-11 ta' Ġunju 2019 skont il-Liġi dwar l-Amnestija flimkien ma' aktar minn 100 priġunier politiku; billi din il-liġi hija inkompatibbli mal-istandards internazzjonali u tipperpetwa l-impunità billi teskludi l-investigazzjoni dwar reati suspettati mwettqa kontra d-dimostranti;

F. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tan-Nikaragwa akkuża b'mod inġust lill-grupp b'diversi reati, inkluż il-ħtif, il-pussess illegali ta' armi tan-nar u terroriżmu, li jikkostitwixxi ksur ċar tal-garanzija ta' proċess ġust u tad-dritt tagħhom għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tan-Nikaragwa lanqas ma jissodisfaw l-istandards internazzjonali; billi membri tal-oppożizzjoni Nikaragwana rrappurtaw b'mod ċar l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali fil-ħabs;

G. billi, skont MESENI, il-Gvern tan-Nikaragwa qed jintensifika l-persekuzzjoni tal-familji tal-vittmi tal-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika permezz ta' intimidazzjoni u sorveljanza, bil-għan li ma jħallihomx iwettqu azzjonijiet privati u pubbliċi b'tifkira tal-għeżież tagħhom u fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja;

H. billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Gvern tan-Nikaragwa qed jieħu azzjonijiet ta' tpattija kontra dawk li jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u li jappellaw għall-għajnuna mingħand uffiċjali u mekkaniżmi internazzjonali u tan-NU;

I. billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-Uffiċċju Reġjonali tal-OHCHR għall-Amerka Ċentrali, li appellaw biex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u talbu r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-ritorn ta' dawn l-organizzazzjonijiet jaġixxi bħala garanti għat-twettiq tal-ftehimiet pendenti mal-oppożizzjoni; billi r-ripressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġiet intensifikata permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali dgħajjef, hekk li l-vittmi tar-ripressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

J. billi kien hemm għadd ta' okkażjonijiet meta uffiċjali ta' livell għoli minn xi Stati Membri tal-UE ma tħallewx jidħlu fin-Nikaragwa; billi l-Gvern tan-Nikaragwa rrifjuta d-dħul fil-pajjiż tal-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-OAS dwar in-Nikaragwa, li l-għan tagħha kien li tippromwovi riforma elettorali; billi r-riforma elettorali hija element ewlieni fit-triq lejn l-istabbiliment regolari ta' istituzzjonijiet demokratiċi fin-Nikaragwa;

K. billi l-Gvern tan-Nikaragwa ma wera l-ebda interess li jerġa' jibda djalogu kredibbli u inklużiv mal-Alleanza Ċivika u li jimplimenta bis-sħiħ il-ftehimiet ta' Marzu 2019; billi n-negozjati bejn il-Gvern u l-Alleanza Ċivika kienu ssokktaw fi Frar 2019; billi fis-27 ta' Marzu 2019 intlaħaq ftehim dwar ir-rilaxx ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi fid-29 ta' Marzu 2019 intlaħaq ftehim ieħor dwar it-tisħiħ tad-drittijiet u l-garanziji taċ-ċittadini; billi fl-20 ta' Mejju 2019 l-Alleanza Ċivika telqet mill-mejda tan-negozjati, minħabba li qieset li l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet kienet limitata; billi sal-11 ta' Ġunju 2019, il-Gvern kien ħeles 492 persuna li kienu detenuti fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi n-negozjati għadhom weqfin minkejja t-tentattivi biex dawn jissokktaw;

L. billi l-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-OAS dwar in-Nikaragwa hija tal-fehma li l-azzjonijiet meħuda minn jew permessi mill-Gvern tan-Nikaragwa minn April 2018 huma inkonsistenti mad-drittijiet u l-garanziji protetti fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa tal-1987 u li dawn qed iwasslu għal bidla fir-reġim kostituzzjonali li jfixkel b'mod serju l-ordni demokratiku fin-Nikaragwa, kif deskritt fl-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana;

M. billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim; billi minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, il-klawżola demokratika għandha tiġi attivata billi n-Nikaragwa tiġi sospiża mill-ftehim;

1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni tan-Nikaragwa u jikkundanna l-azzjonijiet ripressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa, b'mod partikolari l-imwiet ikkawżati, ir-restrizzjoni ġeneralizzata tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tad-dimostrazzjoni, il-projbizzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq tal-midja u l-attakki fuqha, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni u l-espulsjoni ta' studenti mill-universitajiet;

2. Jeżorta lill-Gvern tan-Nikaragwa jtemm ir-ripressjoni persistenti tad-dissidenti u l-prattiki rikorrenti bħall-arresti arbitrarji, it-tortura u l-vjolenza sesswali, biex ma jikkriminalizzax, ma jippersegwitax u ma jattakkax lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-avversarji politiċi, lill-familji tal-vittmi u lil kwalunkwe vuċi oħra li ma taqbilx miegħu, u biex iżarma minnufih il-forzi paramilitari li joperaw fil-pajjiż; jitlob li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali, trasparenti u bir-reqqa dwar il-vjolenza;

3. Jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju, inkluża Amaya Eva Coppens, biex l-akkużi kollha kontrihom jiġu rtirati u biex jiġu rispettati s-salvagwardji legali fundamentali tagħhom; jitlob li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt jinżammu responsabbli; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħtiġilhom jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri fiżiku u psikoloġiku tad-detenuti kollha u jipprovdulhom kura medika adegwata;

4. Jappella għal rieżami indipendenti tal-kundanni u s-sentenzi bil-ħsieb li tiġi riformata l-ġudikatura, inkluż li l-ħatriet ikunu f'konformità ma' standards internazzjonali, bħall-Prinċipji Bażiċi dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Linji Gwida dwar ir-Rwol tal-Prosekuturi;

5. Jitlob li tiġi riveduta l-Liġi dwar l-Amnestija u l-Liġi dwar il-Kura Komprensiva għall-Vittmi sabiex jiġi garantit id-dritt għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni adegwata għall-vittmi;

6. Jinsisti dwar ir-ritorn ta' proprjetà kkonfiskata u r-restawr ta' liċenzji sospiżi għall-aġenziji tal-istampar tal-aħbarijiet u jinsisti li dawn  jitħallew iwettqu xogħolhom mingħajr l-ebda ostaklu jew ritaljazzjoni;

7. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jadotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi u għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa; jistieden lill-Istati Membri jaqblu malajr dwar il-lista speċifika ta' individwi u entitajiet li għandhom jiġu sanzjonati, inklużi l-President u l-Viċi President;

8. Jikkundanna n-nuqqas ta' rieda tal-Gvern tan-Nikaragwa biex jerġa' jniedi djalogu intern sinifikanti; jistieden lill-awtoritajiet jissokktaw bid-djalogu mal-Alleanza Ċivika bil-għan li tinkiseb soluzzjoni demokratika, sostenibbli u paċifika li tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Marzu 2019; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-libertajiet politiċi u ċivili għan-Nikaragwani kollha, ir-ritorn ta' dawk li jinsabu fl-eżilju, ir-ritorn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kooperazzjoni magħhom, ir-restawr tal-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u l-istabbiliment ta' proċess elettorali kredibbli, b'Kunsill Elettorali Suprem riformat li jkun jiżgura elezzjonijiet immedjati, ġusti u trasparenti bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

9. Jitlob lill-VP/RGħ u lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiż u jkomplu jindirizzaw il-problemi tad-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mis-sitwazzjoni fil-pajjiż u li jaffettwaw lill-priġunieri, lill-istudenti, lid-dimostranti, lill-familji tal-vittmi u lill-ġurnalisti, fost oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tagħha għal kooperazzjoni ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u li bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki ripressivi attwali tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa;

10. Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

11. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħtu l-appoġġ kollu xieraq lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti, inklużi żjarat fil-ħabsijiet u monitoraġġ tal-proċessi;

12. Jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fin-Nikaragwa kemm jista' jkun malajr sabiex tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż u jeżorta lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettulha dħul mingħajr xkiel fil-pajjiż, u aċċess għall-interlokuturi u l-faċilitajiet kollha;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza