Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0048/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0048/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)

14.1.2020 - (2020/2507(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0048/2020 (PPE)
B9‑0049/2020 (ECR)
B9‑0050/2020 (S&D)
B9‑0053/2020 (Renew)

Esteban González Pons, Antonio Tajani, Michael Gahler, Dolors Montserrat, Sandra Kalniete, David McAllister, Željana Zovko, Leopoldo López Gil, Antonio López‑Istúriz White, Pilar del Castillo Vera, Javier Zarzalejos, Francisco José Millán Mon, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Nuno Melo, Paulo Rangel, Isabel Wiseler‑Lima, Ivan Štefanec, Vladimír Bilčík, Stelios Kympouropoulos, Esther de Lange, Cláudia Monteiro de Aguiar
f'isem il-Grupp PPE
Javi López, Kati Piri
f'isem il-Grupp S&D
Jordi Cañas, Dita Charanzová, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Phil Bennion, Stéphane Bijoux, Izaskun Bilbao Barandica, Gilles Boyer, Sylvie Brunet, Catherine Chabaud, Olivier Chastel, Jérémy Decerle, Engin Eroglu, Fredrick Federley, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Ivars Ijabs, Irena Joveva, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Javier Nart, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Susana Solís Pérez, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Marie‑Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou
f'isem il-Grupp Renew
Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Raffaele Fitto, Carlo Fidanza, Ruža Tomašić
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2020/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0048/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)

(2020/2507(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019[1] li tirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-president interim tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi rigward l-Assemblea Nazzjonali u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tiegħu, fil-5 ta' Jannar 2020, dwar l-avvenimenti fl-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela;

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta' Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[2], li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2020 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Jannar 2020 adottata mill-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani bit-titolu "Rigward l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Parlament Ewropew tennew li l-Assemblea Nazzjonali hija l-uniku korp leġittimu u elett demokratikament fil-Venezwela; billi skont l-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali għandha teleġġi fost il-membri tagħha President u uffiċċju eżekuttiv għal perjodu ta' sena;

B. billi Juan Guaidó kien elett President tal-Assemblea Nazzjonali f'Jannar 2019 u wara ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi ġie rikonoxxut bħala l-president interim tal-Venezwela minn aktar minn 50 pajjiż, fosthom 25 Stat Membru tal-UE u l-UE nfisha;

C. billi l-avvenimenti relatati mal-elezzjoni ppjanata tal-President tal-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela fil-5 ta' Jannar 2020 kienu kolp ta' stat parlamentari orkestrat min-naħa tar-reġim illegali ta' Nicolás Maduro, ikkaratterizzat minn irregolaritajiet gravi u atti kontra l-funzjonament demokratiku u kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

D. billi l-President tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó, inżamm b'mod brutali mill-forzi armati milli jippresiedi s-sessjoni, waqt li diversi membri parlamentari tal-oppożizzjoni ma tħallewx jidħlu fl-Assemblea Nazzjonali u l-aċċess għall-ġurnalisti ġie mblukkat ukoll;

E. billi t-tentattiv ta' ħatra ta' Luis Parra bħala president ta' uffiċċju ġdid favur Maduro kien null u bla effett, peress li s-sessjoni qatt ma nfetħet formalment, ħadd ma ppresieda l-laqgħa, l-għadd tal-kworum ma sarx u ma ġietx verifikata votazzjoni formali b'sejħa tal-ismijiet, kif mitlub mill-Artikoli 7, 8 u 11 tar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali u mill-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

F. billi sigħat wara, minħabba ċ-ċirkostanzi li ma ħallewx għażla oħra, maġġoranza enormi tal-membri parlamentari kellhom laqgħa straordinarja fil-kwartieri ġenerali tal-ġurnal El Nacional, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-Venezwela u mar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali, li jippermettu li s-sessjonijiet isiru barra mill-binjiet leġiżlattivi; billi 100 mill-167 membru parlamentari, għadd li jissodisfa r-rekwiżiti li jirregolaw il-kundizzjoni ta' kworum u votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet tal-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, ivvutaw biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó u l-Uffiċċju tiegħu bħala l-mexxejja għas-sena finali tal-leġiżlatura 2015-2020;

G. billi seduta formali tal-Assemblea Nazzjonali fis-7 ta' Jannar 2020 intemmet bil-ġurament tal-ħatra ta' Juan Guaidó bħala president, minkejja t-tentattivi mill-forzi leali lejn ir-reġim ta' Maduro biex jipprevjenu s-sessjoni milli ssir, fosthom billi ostakolaw l-intrata tal-bini u qatgħu l-elettriku fil-bini;

H. billi l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali jeħtieġ li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom kif fdat lilhom mill-poplu tal-Venezwela mingħajr ebda intimidazzjoni jew att ta' tpattija;

I. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fl-20 ta' Mejju 2018 saru b'mod li ma kienx konformi mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas lill-awtoritajiet li ngħataw il-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

J. billi l-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa kontra l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali, fosthom il-fastidju u l-intimidazzjoni ta' 59 Membru minn gruppi u korpi tas-sigurtà irregolari, 29 detenzjoni arbitrarja u 27 eżilju furzat, kif ukoll każijiet ta' tortura u ta' għajbien furzat, qed ixekklu l-ħidma kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

K. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Venezwela ilhom jiddeterjoraw b'mod sever għal ħafna snin, u b'mod partikolari wara li Nicolás Maduro ħa l-poter wara l-elezzjonijiet ikkontestati fl-2013; billi l-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarji multidimensjonali qed tiddeterjora b'mod sinifikanti;

1. Jirrikonoxxi u jappoġġa lil Juan Guaidó bħala l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali;

2. Jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat parlamentari mir-reġim ta' Maduro u l-alleati tiegħu, u l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, milli taqdi kif jixraq il-mandat kostituzzjonali fdat lilha mill-poplu tal-Venezwela;

3. Jiddeplora dan il-ksur gravi li huwa inkompatibbli mal-proċess elettorali leġittimu għall-President tal-Assemblea Nazzjonali u jikkostitwixxi pass ulterjuri biex il-kriżi tal-Venezwela tiddeterjora; jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti kontinwi ta' intimidazzjoni, tixħim, estorsjoni, vjolenza, tortura u għajbien furzat, u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-membri tagħha;

4. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni paċifika u politika tista' tintlaħaq biss billi jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

5. Ifakkar li l-UE hija lesta tappoġġa proċess ġenwin li jwassal għal soluzzjoni paċifika u demokratika tal-kriżi abbażi tal-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jisħaq fuq il-fatt li t-tentattivi preċedenti biex il-kriżi tiġi indirizzata permezz ta' proċess ta' negozjati u djalogu ma pproduċew ebda riżultat tanġibbli; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jaħdem permezz ta' inizjattivi bħall-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali;

6. Ifakkar li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi u d-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kriżi fil-Venezwela, għall-ġid tal-poplu tagħha;

7. Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin jintensifika r-risposta tal-UE biex tinġieb lura d-demokrazija fil-Venezwela, anke permezz tal-estensjoni tas-sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni, u biex dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi biex jinkludu l-membri tal-familji tagħhom; jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;

8. Jitlob li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirrikonoxxu l-mandat leġittimu tal-President Guaidó, u jilqa' l-fatt li r-Rappreżentant Għoli jirrikonoxxih bħala l-unika awtorità demokratika rikonoxxuta mill-UE; jitlob għalhekk li r-rappreżentanti politiċi maħtura minn Juan Guaidó jiġu rikonoxxuti;

9. Jitlob li tintbagħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-pajjiż sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-president interim leġittimu tar-Repubblika u President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza