Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0054/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0054/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni

15.1.2020 - (220/2502(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0054/2020 (Verts/ALE)
B9-0055/2020 (ECR)
B9-0057/2020 (S&D)
B9-0058/2020 (GUE/NGL)
B9-0061/2020 (PPE)
B9-0066/2020 (Renew)

Michael Gahler, Arba Kokalari, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Antonio López-Istúriz White, Krzysztof Hetman, Tomáš Zdechovský, Milan Zver, Roberta Metsola, Lefteris Christoforou, Stelios Kympouropoulos, Manolis Kefalogiannis, Loucas Fourlas, Loránt Vincze, David Lega, Rasa Juknevičienė, Isabel Wiseler-Lima, Karlo Ressler, Romana Tomc, Michaela Šojdrová, Vladimír Bilčík, Tomislav Sokol, Luděk Niedermayer, Cindy Franssen, Sunčana Glavak, Inese Vaidere, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Vasile Blaga, Mircea-Gheorghe Hava, Gheorghe-Vlad Nistor, Dan-Ştefan Motreanu, Ioan-Rareş Bogdan
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Maria Arena
f'isem il-Grupp S&D
Jan-Christoph Oetjen, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Phil Bennion, Stéphane Bijoux, Izaskun Bilbao Barandica, Gilles Boyer, Sylvie Brunet, Catherine Chabaud, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Jérémy Decerle, Engin Eroglu, Fredrick Federley, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Antony Hook, Ivars Ijabs, Irena Joveva, Moritz Körner, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Karen Melchior, Shaffaq Mohammed, Urmas Paet, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Viktor Uspaskich, Marie-Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou
f'isem il-Grupp Renew
Ellie Chowns
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Emmanouil Fragkos, Assita Kanko, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Karol Karski, Andżelika Anna Możdżanowska, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Joanna Kopcińska, Elżbieta Kruk, Jadwiga Wiśniewska, Witold Jan Waszczykowski, Izabela-Helena Kloc, Zbigniew Kuźmiuk, Evžen Tošenovský, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias, José Gusmão, Stelios Kouloglou
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo

Proċedura : 2020/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0054/2020
Testi mressqa :
RC-B9-0054/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni

(220/2502(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015[1], tas-17 ta' Diċembru 2015[2],  tad-19 ta' Jannar 2017[3], tas-6 ta' Lulju 2017[4] u tal-5 ta' Lulju 2018[5],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2019 dwar il-finanzjament tal-programm ta' azzjoni annwali tal-2019 għar-Repubblika tal-Burundi,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-29 ta' Novembru 2019 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Burundi,

 wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Frar 2017, tal-25 ta' Jannar 2018 u tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Burundi, ippubblikat f'Settembru 2019,

 wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Diċembru 2019, iffirmata minn 39 Membru tal-Parlament Ewropew, li tappella għall-ħelsien tal-ġurnalisti tal-midja tal-aħbarijiet Burundjana "Iwacu",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar Jum id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi ppreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-15 ta' Ġunju 2017,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Marzu 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (UNIIB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi (il-Ftehim ta' Arusha) tat-28 ta' Awwissu 2000,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi adottata fis-Summit tal-Unjoni Afrikana fit-13 ta' Ġunju 2015,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 36/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Settembru 2017 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015[6] u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015[7], (CFSP) 2016/1745 tad-29 ta' Settembru 2016[8] u (PESK) 2019/1788 tal-24 ta' Ottubru 2016[9] dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2018 tal-VP/RGħ, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi qabel ir-referendum kostituzzjonali,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

 wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986, u ġiet ratifikata mill-Burundi,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra[10],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra t-taqsima tar-rapport Dinji tal-2019 tal-Human Rights Watch dwar il-Burundi,

 wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019 tar-Reporters mingħajr fruntieri,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Burundi ħolqu inkwiet ċiviku, ġew ikkatterizzati, skont il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi, b'deterjorament sever tal-kundizzjonijiet essenzjali għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-vot, u ġew ibbojkottjati mill-oppożizzjoni;

B. billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti jibqgħu magħluqa, għexieren ta' ġurnalisti għadhom ma jistgħux jirritornaw mill-eżilju awtoimpost, u dawk li baqgħu jsibuha diffiċli biex jaħdmu b'mod liberu, spiss minħabba l-fastidju min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, li huwa mħeġġeġ mid-dibattiti uffiċjali li jassoċjaw lill-midja mhux allinjata mal-għedewwa tan-nazzjon;

C. billi s-sitwazzjoni fil-Burundi għadha inkwetanti, b'ħafna rapporti dwar ksur ta' libertajiet ċiviċi u politiċi fundamentali, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet qed ikollha impatt negattiv fuq id-drittijiet ekonomiċi u soċjokulturali, bħad-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, id-dritt għall-edukazzjoni, id-drittijiet għal ikel adegwat u l-ħelsien mill-ġuħ, id-drittijiet tan-nisa, id-dritt għax-xogħol u d-drittijiet sindikali;

D. billi l-istaġnar fil-progress biex tinstab soluzzjoni politika permezz tad-Djalogu Intern għall-Burundi jhedded serjament l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għal Mejju 2020; billi dawn l-elezzjonijiet jistgħu jikkonsolidaw aktar id-deġenerazzjoni tal-Burundi f'awtoritarjaniżmu fin-nuqqas ta' djalogu politiku sinifikanti; billi għad hemm inċertezza dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-proċess, fost spazju politiku li qed jiċkien u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jwassal għal elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli;

E. billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi (COIB) inkarigata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, fir-rapport tagħha tal-4 ta' Settembru 2019, issottolinjat li ftit xhur qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2020, kien hemm klima ta' biża' u intimidazzjoni għal dawk li kienu kontra l-partit CNDD-FDD li jinsab fil-gvern, u filwaqt li t-tensjonijiet komplew jiżdiedu hekk kif kienu qed jersqu l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019, l-awtoritajiet lokali u l-membri tas-sezzjoni notorja taż-żgħażagħ, l-Imbonerakure, komplew iwettqu vjolenza b'motivazzjoni politika u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; billi minkejja t-talbiet ripetuti tas-COIB, il-Gvern tal-Burundi rrifjuta li jikkoopera magħha;

F. billi l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, li ħadem mal-Gvern tal-Burundi dwar il-bini tal-paċi, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u r-riforma tas-settur tal-ġustizzja u għen biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ingħalaq f'Marzu 2019 fuq l-insistenza tal-Gvern tal-Burundi, li kien diġà ssospenda kull forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju f'Ottubru 2016;

G. billi l-Bank Dinji stima li t-tkabbir ekonomiku tal-Burundi kien ta' 1,8 % fl-2019, meta mqabbel ma' 1,7 % fl-2018; billi l-baġit ġenerali tal-Istat għall-2019–2020 juri defiċit ta' FBu 189,3 biljun (14.26 %), meta mqabbel mad-defiċit ta' FBu 163,5 biljun għall-istess perjodu fl-2018–2019; billi skont l-UNHCR, mit-30 ta' Settembru 2019, 369 517 refuġjat Burundjan kienu f'pajjiżi ġirien; billi total ta' 78 000 refuġjat reġgħu marru lura b'mod volontarju fil-Burundi minn Settembru 2017; billi 130 562 Burundjan ġew spostati internament mill-28 ta' Frar 2019;

H. billi Reporters mingħajr fruntieri jikklassifikaw il-Burundi fil-159 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħhom tal-2019; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-kelma huma vitali biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u infurmati; billi l-ġurnaliżmu ħieles, indipendenti u mhux parzjali jirrappreżenta estensjoni tad-dritt fundamentali tal-bniedem għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja tradizzjonali kkontrollata mill-Istat bħar-radju u l-gazzetti tibqa' sors dominanti ta' informazzjoni; billi t-tisħiħ tal-litteriżmu fil-midja u l-aċċess għall-internet u l-midja soċjali huma meħtieġa biex jippermettu aċċess għal informazzjoni u jsaħħu l-istabbiltà u d-djalogu soċjali u politiċi, u għalhekk jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, infurmati u ġusti;

I. billi l-Burundi huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u 74,7 % tal-popolazzjoni tiegħu tgħix fil-faqar, u huwa kklassifikat fil-185 post mill-189 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi aktar minn 50 % tal-popolazzjoni Burundjana tbati minn nuqqas ta' sigurtà kronika tal-ikel, kważi nofs il-popolazzjoni hija taħt l-età ta' 15-il sena u, fl-2019 biss, aktar minn tmien miljun ruħ ħadu l-malarja, li 3 000 minnhom mietu bil-marda; billi l-faqar, is-servizzi soċjali fqar, il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' opportunitajiet qed ikomplu joħolqu l-vjolenza fil-pajjiż;

J. billi fis-27 ta' Settembru 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Burundi ħabbar sospensjoni ta' tliet xhur mill-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi (NGOs), u b'hekk xekkel serjament il-ħidma ta' madwar 130 NGO internazzjonali, li xi wħud minnhom kienu qed jipprovdu assistenza li ssalva l-ħajjiet;

K. billi fit-18 ta' Lulju 2019, il-Gvern adotta żewġ digrieti li ħolqu kumitat interministerjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni dwar l-NGOs internazzjonali li joperaw fil-Burundi;

L. billi l-Gvern irrifjuta li jirrikonoxxi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem sa mill-għeluq tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) fil-Burundi fit-28 ta' Frar 2019 u ma wera l-ebda impenn li jżomm kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju; billi s-COIB bħalissa huwa l-uniku mekkaniżmu internazzjonali indipendenti li qed jinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mwettqa fil-Burundi;

M. billi l-awtoritajiet Burundjani komplew jirrifjutaw ix-xogħol tas-COIB b'mod sħiħ u sistematiku, u rrifjutaw li jagħtuha aċċess għall-pajjiż, hekk kif ikkunsidrawha politikament preġudikata, iżda ma offrew l-ebda evidenza biex jissostanzjaw l-akkużi tagħhom;

N. billi f'Ottubru 2017, il-Burundi rtira mill-Istatut ta' Ruma li stabbilixxa l-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi minkejja l-appelli mill-komunità internazzjonali biex titnieda proċedura biex jerġa' jaċċedi għall-Istatut ta' Ruma, ma ttieħdet l-ebda azzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Burundi;

O. billi t-Tanzanija u l-Burundi ffirmaw ftehim fl-2019 għar-ritorn tal-180 000 refuġjat Burundjan fit-Tanzanija lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, kemm jekk b'mod volontarju kif ukoll jekk le, sal-31 ta' Diċembru 2019; billi f'Awwissu 2019, il-UNHCR irrapporta li l-kundizzjonijiet fil-Burundi ma kinux se jwasslu għall-promozzjoni tar-ritorni peress li r-rimpatrijati kienu fost il-miri ewlenin tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

P. billi fit-30 ta' Diċembru 2019, il-prosekutur pubbliku tal-Burundi talab għal sentenza ta' 15-il sena għal erba' ġurnalisti minn Iwacu Press Group, Christine Kamikazi, Agnès Ndirubusa, Térence Mpozenzi, Egide Harerimana, u s-sewwieq tagħhom Adolphe Masabarakiza, li ġew arrestati fit-22 ta' Ottubru 2019 fid-Distrett ta' Musigati, il-Provinċja ta' Bubanza, hekk kif kienu qed jirrapportaw dwar il-kunflitti bejn ir-ribelli u l-forzi tal-gvern fil-majjistral tal-Burundi, u ġew akkużati b'kompliċità f'attakk kontra s-sigurtà interna tal-istat;

Q. billi l-ġurnalist Jean Bigirimana tal-grupp Iwacu ilu nieqes mill-22 ta' Lulju 2016 u, skont rapporti, l-aħħar li deher kien fil-kustodja ta' membri tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence (SNR) f'Muramvya, 45 km lejn il-Lvant tal-Kapitali Bujumbura; billi l-awtoritajiet Burundjani qatt ma qalu xejn dwar l-għajbien tiegħu;

R. billi fit-13 ta' Ottubru 2015, il-ġurnalist Christophe Nkezabahizi, martu u ż-żewġt uliedu nqatlu f'darhom f'Bujumbura; billi l-awtoritajiet ma għamlu l-ebda sforz reali biex jinvestigaw dan ir-reat vjolenti u jressqu lill-awturi tar-reat quddiem il-ġustizzja;

S. billi l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa; billi l-Burundi huwa wkoll parti għall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li tiggarantixxi d-dritt ta' kull Burundjan li jirċievi u jxerred l-informazzjoni; billi l-Gvern Burundjan huwa responsabbli għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni kif minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tiegħu l-Burundi huwa Stat Parti;

T. billi f'dawn l-aħħar snin l-ispazju għas-soċjetà ċivili u l-midja sar ħafna aktar limitat, u ħafna attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti indipendenti għadhom fl-eżilju; billi ħafna minn dawk li baqgħu fil-Burundi qed jiffaċċjaw intimidazzjoni, detenzjoni jew proċessi abbażi ta' akkużi infondati;

U. billi l-Gvern u l-membri tat-taqsima taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern, l-Imbonerakure, orkestraw kampanja nazzjonali biex jinġabru kontribuzzjonijiet "volontarji" mill-popolazzjoni, biex jiffinanzjaw l-elezzjonijiet tal-2020; billi r-rapport tal-Human Rights Watch tas-6 ta' Diċembru 2019 sab li, għal dak il-għan, membri tal-Imbonerakure u uffiċjali tal-gvern lokali spiss għamlu użu minn vjolenza u intimidazzjoni, minn restrizzjoni ta' moviment u ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, u sawtu lil dawk li naqsu milli jobdu;

V. billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem, Germain Rukuki, membru tal-Azzjoni mill-Insara għall-Abolizzjoni tat-Tortura (ACAT), ġie kkundannat għal 32 sena ħabs f'April 2019 fuq akkużi ta' ribelljoni u theddid għas-sigurtà tal-istat, parteċipazzjoni f'moviment ta' insurrezzjoni u attakki fuq il-Kap tal-Istat; billi f'Awwissu 2018, l-attivist, Nestor Nibitanga, osservatur għall-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Persuni Detenuti (APRODH), ġie kkundannat għal ħames snin talli hedded is-sigurtà tal-istat;

W. billi l-BBC u l-Voice of America (VOA) ġew esklużi mix-xandir fil-Burundi minn Mejju 2019 meta l-liċenzji tagħhom ġew sospiżi, oriġinarjament għal sitt xhur, kif ġie rrappurtat dak iż-żmien mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti; billi fid-29 ta' Marzu 2019, ir-regolatur tal-midja tal-Burundi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Komunikazzjoni (CNC), ħabbar li kien irtira l-liċenzja operattiva tal-BBC u kien ġedded is-sospensjoni tiegħu tal-VOA; billi is-CNC ipprojbixxa wkoll lil kwalunkwe ġurnalist fil-Burundi milli "jforni informazzjoni diretta jew indiretta li tista' tiġi mxandra" mill-BBC jew mill-VOA;

X. billi fl-24 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ kontra l-Burundi sal-24 ta' Ottubru 2020;

Y. billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra erba' persuni li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma għal soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

Z. billi l-isforzi tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) biex tinstab soluzzjoni medjata għall-kriżi politika li nħolqot mid-deċiżjoni tal-President fl-2015 li jikkontesta għat-tielet mandat komplew jistaġnaw; billi l-President, Pierre Nkurunziza, tenna f'diversi okkażjonijiet li huwa ma kienx se jikkontesta għal mandat ieħor fil-kariga, iżda l-partit fil-gvern għad irid jinnomina l-kandidat tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali li jmiss;

1. Jikkundanna bil-qawwa r-restrizzjonijiet kurrenti fuq il-libertà ta' espressjoni fil-Burundi, inklużi l-limitazzjonijiet usa' għal-libertajiet pubbliċi, kif ukoll il-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji ta' ġurnalisti u l-projbizzjonijiet tax-xandir li saħħew il-klima ta' biża' għall-midja tal-Burundi, żiedu r-restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar u pprevjenew il-kopertura xierqa, b'mod partikolari fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet tal-2020;

2. Jibqa' mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, li timmina kwalunkwe inizjattiva għar-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-ġustizzja, b'mod partikolari, il-persistenza ta' arresti arbitrarji u ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji;

3. Jikkundanna bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari għall-partitarji reali u suspettati tal-oppożizzjoni, inkluż għall-Burundjani li jirritornaw minn barra l-pajjiż; ifakkar li l-Burundi huwa marbut bil-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani sabiex minnufih ireġġgħu lura din ix-xejra abbużiva u jiddefendu l-obbligi tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk minquxa fil-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, fl-ICCPR u f'mekkaniżmi internazzjonali oħra li l-Gvern irratifika;

4. Ifakkar lill-Gvern tal-Burundi li l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta' elezzjonijiet inklużivi, kredibbli, paċifiċi u trasparenti jimplikaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-midja u l-eżistenza ta' żona ħielsa li fiha d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jitkellmu mingħajr intimidazzjoni jew biża' ta' ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani, għalhekk, ineħħu l-miżuri li jillimitaw jew jostakolaw ix-xogħol tas-soċjetà ċivili u li jillimitaw l-aċċess għal u l-libertà tal-midja indipendenti tradizzjonali u moderna;

5. Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jirtiraw l-akkużi kontra u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet il-ġurnalisti tal-grupp Iwacu li ġew arrestati dan l-aħħar u lill-ġurnalisti l-oħrajn kollha arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom;

6. Jenfasizza r-rwol kruċjali mwettaq mis-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti f'soċjetà demokratika, partikolarment fil-kuntest tal-elezzjonijiet li qed joqorbu, u jappella lill-awtoritajiet Burundjani jwaqqfu l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arrest arbitrarju ta' ġurnalisti, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' membri tal-oppożizzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet jippermettu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti jwettqu d-dmirijiet leġittimi tagħhom li jinvestigaw u jirrapportaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

7. Jinnota bi tħassib kbir l-għadd dejjem jikber ta' persuni spostati internament mill-Burundi u mill-pajjiżi ġirien; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament u l-isforzi umanitarji oħra għal dawk il-Burundjani li sfaw spostati internament jew li huma refuġjati;

8. Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jtemmu l-estorsjoni taċ-ċittadini u jiżguraw li l-ebda individwu ma jinżamm milli jaċċessa beni u servizzi pubbliċi, bħall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-ilma u l-edukazzjoni, u jħallu l-atturi umanitarji joperaw b'mod indipendenti u joffru assistenza abbażi tad-dmir li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti;

9. Jissottolinja li jinħtieġ li jseħħ titjib konsiderevoli fis-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, kif ukoll progress dwar ir-rikonċiljazzjoni, biex jiġu organizzati elezzjonijiet kredibbli; jappella lill-Gvern tal-Burundi jiżgura li l-ksur ta' dawn id-drittijiet jiġi investigat b'mod imparzjali u li l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti fi proċessi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali;

10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u trasparenti biex iressqu quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti u kredibbli l-awturi kollha allegati ta' qtil, għajbien, swat, arresti arbitrarji, theddid, fastidju, jew tipi ta' abbużi oħrajn; jesprimi tħassib kbir dwar l-impunità kontinwa tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Imbonerakure; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jniedu investigazzjoni indipendenti dwar l-għajbien tal-ġurnalisti Jean Bireimirana, li ilu nieqes mit-22 ta' Lulju 2016, u Christophe Nkezabahzi, li nqatel flimkien ma' martu u ż-żewġt uliedu fit-13 ta' Ottubru 2015;

11. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-reġjun, b'mod partikolari l-EAC u l-Unjoni Afrikana (UA), biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi politika fil-Burundi, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar attiv u għal sforzi akbar biex tintemm il-kriżi u tiġi protetta l-popolazzjoni Burundjana, sabiex tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri reġjonali; jistieden lill-UA tiskjera b'urġenza l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem tagħha fil-Burundi u tiżgura li dawn ikollhom aċċess bla xkiel madwar il-pajjiż sabiex iwettqu l-mandat tagħhom;

12. Jesprimi dispjaċir dwar l-impass fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha u jħeġġeġ lill-garanti tal-ftehim biex jirsistu għar-rikonċiljazzjoni; jesprimi l-impenn tiegħu għad-Djalogu Intern għall-Burundi; jistieden lill-VP/RGħ jappoġġja l-EAC biex jiġi ffaċilitat id-Djalogu Intern għall-Burundi; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fid-Djalogu Intern għall-Burundi jikkollaboraw b'mod kostruttiv u jippermettu l-parteċipazzjoni mingħajr ostakoli tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

13. Iħeġġeġ lill-Burundi jerġa' lura għall-aġenda tal-laqgħat komunitarji reġjonali u internazzjonali biex jilħaq ftehim dwar kompromess għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet eżistenti fil-livell tan-NU u tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari: l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 2303; l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil mal-Osservaturi tal-Unjoni Afrikana; l-issoktar tal-kooperazzjoni mal-OHCHR;

14. Jiddispjaċih li l-Burundi kompla jirrifjuta li jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU u jagħti kunsens għall-issoktar tal-attivitajiet tal-uffiċċju lokali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

15. Jitlob lin-NU tkompli l-investigazzjonijiet imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, inklużi dawk imwettqa minn aġenti statali u mil-lega taż-żgħażagħ tal-Imbonerakure, u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli b'mod xieraq; jenfasizza li l-kriminali u l-qattiela għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-grupp li jappartjenu għalih, u li jrid jiġi pprovdut rimedju xieraq lill-vittmi u lis-superstiti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu appoġġ finanzjarju flessibbli u dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, li għadhom jaħdmu fil-qasam, iżda wkoll lil dawk li jinsabu f'eżilju, b'mod partikolari dawk li jaħdmu għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali u tal-midja;

17. Jistieden lill-UE u lid-diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fil-Burundi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż b'mod partikolari billi jattendu għas-seduti tal-proċessi tal-ġurnalisti, priġunieri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fil-Burundi, b'mod partikolari tal-ġurnalisti tal-grupp Iwacu, u billi jżuru lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti u lill-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs;

18. Jitlob li jiġu estiżi s-sanzjonijiet immirati tal-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi s-sanzjonijiet immirati proprji, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra individwi responsabbli għal ksur serju kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi; jitlob lill-VP/RGħ iħejji b'urġenza, lista estiża ta' ismijiet ta' dawk responsabbli għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li dawn jiżdiedu mal-lista ta' dawk l-uffiċjali Burundjani li diġà jinsabu suġġetti għal sanzjoni tal-UE;

19. Jiddispjaċih ħafna li ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Burundi biex jaderixxi mill-ġdid mal-Istatut ta' Ruma; iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex minnufih, jibda tali proċedura; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi kollha tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinvestiga r-reati mwettqa fil-Burundi u tressaq lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

20. Jiddispjaċih għas-sottofinanzjar kontinwu għall-kriżi tar-refuġjati Burundjani, li qed tħalli impatt serju fuq is-sikurezza u l-benesseri tar-refuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-aġenziji umanitarji jżidu l-assistenza tagħhom għal dawk kollha li attwalment huma refuġjati jew spostati mill-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar il-Burundi, jagħtu status ta' refuġjat lill-applikanti għall-ażil mill-Burundi u biex isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-2020;

21. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta' żieda fil-pressjoni fuq ir-refuġjati Burundjani biex jirritornaw lejn djarhom qabel l-elezzjonijiet tal-2020; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun jiżguraw li r-ritorn tar-refuġjati jkun volontarju, ibbażat fuq deċiżjonijiet infurmati u mwettaq b'mod sikur u dinjituż; ifakkar li l-UNHCR jikkunsidra l-fatt li l-kundizzjonijiet għal ritorni sikuri, dinjitużi u volontarji ma ġewx issodisfati;

22. Jappella lill-Gvern tal-Burundi jħalli lill-avversarji politiċi li jinsabu fl-eżilju jirritornaw u jagħmlu kampanja ħielsa mingħajr intimidazzjoni, arrest jew vjolenza, u jippermetti lill-osservaturi esterni josservaw it-tħejjijiet għall-elezzjoni, kif ukoll il-proċeduri tal-votazzjoni u tal-għadd tal-voti;

23. Itenni li djalogu politiku inklużiv, taħt medjazzjoni internazzjonali u f'konformità mal-Ftehim ta' Arusha u mal-Kostituzzjoni tal-Burundi, jibqa' l-uniku mod li bih tiġi żgurata paċi dejjiema fil-Burundi; jitlob, għalhekk, lill-EAC, bħala l-koordinatur ewlieni tad-Djalogu Intern għall-Burundi, biex tieħu l-miżuri xierqa biex timpenja lill-Gvern Burundjan b'mod sod u mingħajr dewmien fi djalogu inklużiv biex tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kriżi kurrenti;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Burundi, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Burundi, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Awwissu 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza