Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0070/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0070/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

27.1.2020 - (2019/2983(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0070/2020 (PPE)
B9-0072/2020 (S&D)
B9-0074/2020 (Verts/ALE)
B9-0075/2020 (Renew)
B9-0076/2020 (GUE/NGL)
B9-0085/2020 (ECR)

Andreas Schwab, Róża Thun und Hohenstein, Antonius Manders, Ivan Štefanec, Edina Tóth, Pablo Arias Echeverría, Tomislav Sokol, Maria da Graça Carvalho, Andrey Kovatchev, Kris Peeters
f'isem il-Grupp PPE
Christel Schaldemose, Alex Agius Saliba
f'isem il-Grupp S&D
Dita Charanzová, Liesje Schreinemacher
f'isem il-Grupp Renew
David Cormand
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Adam Bielan, Andżelika Anna Możdżanowska
f'isem il-Grupp ECR
Kateřina Konečná, Pernando Barrena Arza, Anja Hazekamp, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis, Konstantinos Arvanitis, Petros Kokkalis
f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2019/2983(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0070/2020
Testi mressqa :
RC-B9-0070/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

(2019/2983(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE[1],

 wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward l-armonizzazzjoni tal-kapaċità tal-iċċarġjar għat-telefons mobbli tal-5 ta' Ġunju 2009,

 wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar is-soluzzjoni futura ta' ċċarġjar komuni għall-ismartphones tal-20 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2018 dwar it-tħaddim tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 2014/53/UE (COM(2018)0740),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-suq uniku kien, u għadu, il-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa, il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u mutur tat-tkabbir u l-impjiegi;

B. billi s-suq uniku mhux qed jisfrutta għal kollox il-potenzjal tiegħu, u billi l-kontinwazzjoni tal-frammentazzjoni tas-suq għaċ-ċarġers tat-telefons mobbli u ta' apparati elettroniċi ta' daqs żgħir u medju oħrajn tissarraf f'żieda fl-iskart elettroniku u fil-frustrazzjoni tal-konsumaturi;

C. billi l-konsumaturi għadu qed ikollhom jakkwistaw ċarġers differenti meta jixtru apparati ġodda mingħand bejjiegħa differenti, u huma obbligati jixtru ċarġer ġdid meta jixtru apparat ġdid mingħand l-istess bejjiegħ;

D. billi l-Membri tal-Parlament Ewropew ilhom għal aktar minn għaxar snin jitolbu li jkun hemm ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, inklużi t-telefons mobbli, it-tablets, l-apparati għall-qari ta' kotba elettroniċi, il-kameras intelliġenti, it-tagħmir elettroniku li jintlibes u apparati elettroniċi oħra ta' daqs medju jew żgħir; billi l-Kummissjoni pposponiet ripetutament l-att delegat li jissupplementa d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju;

E. billi l-implimentazzjoni tempestiva tal-leġiżlazzjoni adottata mill-UE permezz ta' passi leġiżlattivi konkreti hija essenzjali għall-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea f'għajnejn iċ-ċittadini tagħha u fix-xena internazzjonali;

F. billi l-ftehimiet volontarji bejn l-atturi industrijali, minkejja li naqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' tipi ta' ċarġers disponibbli fis-suq, ma rnexxilhomx jiksbu soluzzjoni ta' ċċarġjar komuni, u l-konsumaturi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' tipi differenti ta' ċarġers fis-suq;

G. billi kull sena jiġu ġġenerati madwar 50 miljun tunnellata metrika ta' skart elettroniku fid-dinja, b'medja ta' aktar minn 6 kg għal kull persuna; billi l-ġenerazzjoni totali ta' skart elettroniku fl-Ewropa fl-2016 kienet tammonta għal 12,3 miljun tunnellata metrika, li huma ekwivalenti għal medja ta' 16,6 kg għal kull abitant; billi dan jirrappreżenta impronta bla bżonn fuq l-ambjent li tista' titnaqqas;

H. billi, fi ħdan il-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament talab pjan ta' azzjoni ġdid u ambizzjuż għall-ekonomija ċirkolari bl-għan li titnaqqas l-impronta totali tal-produzzjoni u l-konsum tal-UE fuq l-ambjent u r-riżorsi, fejn l-effiċjenza fir-riżorsi, it-tniġġis żero u l-prevenzjoni tal-iskart ikunu prijoritajiet ewlenin;

I. billi x-xejriet tal-konsumaturi f'dawn l-aħħar 10 snin juru żieda fis-sjieda ta' aktar minn apparat wieħed u ċikli tal-ħajja qosra għal xi tagħmir tar-radju, eż. l-ismartphones; billi ħafna drabi t-tagħmir iktar qadim jiġi sostitwit għax jitqies skadut; billi, barra minn hekk, dawn il-prattiki jwasslu għall-produzzjoni ta' skart elettroniku addizzjonali, inklużi ċarġers;

J. billi l-konsumaturi stess jużaw u ħafna drabi jġorru magħhom ħafna ċarġers differenti għal apparati simili li jaħdmu bil-batteriji; billi l-provvista żejda attwali ta' ċarġers tikkawża inkonvenjenza u spejjeż eċċessivi għall-konsumaturi u impronta bla bżonn fuq l-ambjent;

K. billi n-nies illum jiddependu fuq l-apparati mobbli tagħhom f'bosta sitwazzjonijiet ta' kuljum, speċjalment fil-każ ta' emerġenza jew meta jkunu qed jivvjaġġaw, u dan huwa dovut ukoll għan-nuqqas ta' telefons pubbliċi; billi n-nies jiddependu fuq telefon mobbli li jiċċarġja faċilment biex jiksbu aċċess rapidu għal servizzi essenzjali u għodda vitali bħalma huma l-mezzi ta' pagament, il-magni tat-tiftix, l-apparati ta' navigazzjoni, eċċ.; billi l-apparati mobbli huma għodda essenzjali għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

1. Jenfasizza bil-qawwa li hemm bżonn urġenti ta' azzjoni regolatorja tal-UE biex jitnaqqas l-iskart elettroniku, tingħata s-setgħa lill-konsumaturi ħalli jagħmlu għażliet sostenibbli, u jitħallew jipparteċipaw bis-sħiħ f'suq intern effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb;

2. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta u tippubblika, mingħajr aktar dewmien, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt rigward l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni għat-telefons mobbli u għal apparati kompatibbli oħrajn bil-ħsieb li jiġu proposti dispożizzjonijiet obbligatorji;

3. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat standard għal ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, li għandu jiġi adottat b'urġenza sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern;

4. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tintroduċi ċarġer komuni mingħajr ebda dewmien ulterjuri billi tadotta l-att delegat li jissupplementa d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju li jiddefinixxi standard għal ċarġer komuni għat-telefons mobbli u tagħmir tar-radju ieħor ta' daqs żgħir u medju sa Lulju 2020, jew, jekk ikun meħtieġ, billi tapprova miżura leġiżlattiva sa mhux aktar tard minn Lulju 2020;

5. Jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiżgura, mingħajr ma xxekkel l-innovazzjoni, li l-qafas leġiżlattiv għal ċarġer komuni jiġi skrutinizzat regolarment sabiex jitqies il-progress tekniku; itenni l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni f'dan il-qasam biex jittejbu t-teknoloġiji eżistenti u jfeġġu oħrajn ġodda;

6. Jirrimarka li l-użu tat-teknoloġija tal-iċċarġjar bla fili jinvolvi benefiċċji addizzjonali bħal pereżempju l-mitigazzjoni tal-iskart elettroniku; jenfasizza li ħafna telefons mobbli diġà jużaw metodi ta' ċċarġjar bla fili, u li l-frammentazzjoni f'dan il-qasam għandha tiġi evitata; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura bl-aħjar mod l-interoperabbiltà ta' ċarġers bla fili differenti ma' tagħmir tar-radju mobbli differenti;

7. Ifakkar li f'konformità mar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni[2], l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jridu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti, li jinkludu, f'dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani u l-konsumaturi;

8. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi biex tkabbar il-volum ta' fili u ċarġers li jinġabru u jiġu riċiklati fl-Istati Membri;

9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid, biex b'hekk jitnaqqas il-volum ta' ċarġers prodotti kull sena; iqis li l-istrateġiji ta' diżakkoppjament jippermettu benefiċċji ambjentali akbar; jenfasizza sadanittant li kwalunkwe miżura mmirata lejn id-diżakkoppjament għandha tevita prezzijiet potenzjalment ogħla għall-konsumaturi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-istrateġiji ta' diżakkoppjament għandhom jiġu introdotti flimkien ma' soluzzjoni ta' ċarġer komuni, għax jekk ma jsirx hekk l-għanijiet tad-Direttiva ma jintlaħqux;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza