MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha
15.4.2020 - (2020/2616(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0413/2020 (Renew)
B9-0144/2020 (PPE)
B9-0146/2020 (S&D)
B9-0147/2020 (Verts/ALE)
Manfred Weber, Esteban González Pons
f'isem il-Grupp PPE
Iratxe García Pérez
f'isem il-Grupp S&D
Dacian Cioloş
f'isem il-Grupp Renew
Philippe Lamberts
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 2 u l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxu s-solidarjetà bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-Artikolu 3 tat-TUE jiddikjara li l-Unjoni għandha l-għan li tippromwovi l-valuri tagħha, jiġifieri l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, u s-solidarjetà, fost l-Istati Membri, kif ukoll il-benessri tal-popli tagħha;
B. billi l-Parlament adotta r-riżoluzzjoni fil-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2019/2956(RSP))[1],
C. billi t-tixrid globali u Ewropew tal-COVID-19 traġikament diġà ħasad il-ħajja ta' bosta eluf ta' nies fl-Ewropa u fid-dinja, ikkawża dannu irreparabbli u għalaq lil aktar minn biljun persuna fi djarhom;
D. billi l-provvista tal-kura tas-saħħa hija, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, u billi s-saħħa pubblika hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni;
E. billi r-rispons fl-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi restrizzjonijiet fuq il-moviment tan-nies sew fi ħdan il-fruntieri u sew minn naħa għal oħra tagħhom kif ukoll is-sospensjoni ta' drittijiet u liġijiet oħra; billi, peress li l-ekonomija tagħna ġiet iffriżata, l-effetti tat-taqlib konsegwenti fuq iċ-ċittadini, in-negozji, il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Ewropa se jkunu drammatiċi;
F. billi, matul il-pandemija, is-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika jinsabu taħt pressjoni kbira biex jiżguraw kura adegwata għall-pazjenti kollha;
G. billi l-miżuri meħuda mill-gvernijiet għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' kull individwu; billi dawn il-miżuri għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati u temporanji;
H. billi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex fakultattiva, iżda hija obbligu minqux fit-Trattati u tifforma parti mill-valuri Ewropej tagħna;
I. billi l-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni inizjali, inkluż pakkett ta' miżuri li l-Parlament ivvota dwaru fis-sessjoni plenarja tiegħu tas-26 ta' Marzu 2020;
J. billi sal-lum il-Kunsill Ewropew ma rnexxilux jilħaq kunsens rigward il-miżuri ekonomiċi meħtieġa biex jindirizzaw il-kriżi;
K. billi jeħtieġ li l-Parlament, bħala koleġiżlatur, awtorità baġitarja konġunta u l-unika istituzzjoni direttament eletta b'suffraġju universali, jiġi inkluż bħala parti integrali u essenzjali fid-diskussjonijiet kollha dwar ir-rispons tal-UE għal din il-kriżi u dwar l-irkupru sussegwenti;
L. billi dan huwa mument ta' verità għall-Unjoni Ewropea, li se jiddetermina l-ġejjieni tagħha, u billi l-Unjoni tista' toħroġ minn din il-kriżi biss jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jibqgħu spalla ma' spalla fis-solidarjetà u r-responsabbiltà, u f'dan iż-żmien il-leħen qawwi u magħqud tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel;
Rispons magħqud u deċiżiv għal kriżi komuni
1. Jesprimi l-iktar sogħba profonda tiegħu għat-telf tal-ħajjiet u għat-traġedja umana li l-pandemija ġabet għall-Ewropej u qrabathom u għaċ-ċittadini madwar id-dinja kollha, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom; jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu ma' dawk kollha li ġew affettwati mill-virus u li qed jiġġieldu għal ħajjithom, kif ukoll mal-familji u l-ħbieb tagħhom;
2. Jesprimi l-qima profonda u l-ammirazzjoni tiegħu lejn dawk kollha li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-pandemija u ħadmu bla heda, bħal tobba u infermiera, iżda jħoss ukoll gratitudni profonda għall-eroj anonimi li jissodisfaw dmirijiet essenzjali, bħal dawk li jaħdmu fil-bejgħ bl-imnut u l-konsenja tal-ikel, fl-edukazzjoni, fl-agrikoltura u fit-trasport, il-membri tas-servizzi ta' emerġenza, is-soċjetà ċivili, il-voluntiera u dawk li jaħdmu fit-tindif u l-ġbir tal-iskart, biex iżommu għaddejjin il-ħajja u s-servizzi pubbliċi u jiggarantixxu l-aċċess għall-prodotti essenzjali; iqis li huwa d-dmir tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jipprovdu l-akbar sostenn lil dawn il-ħaddiema essenzjali u jirrikonoxxu s-sagrifiċċji li jagħmlu ta' kuljum; Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri għall-ħaddiema kollha li jinsabu fuq quddiem nett f'din l-epidemija, b'mod partikolari l-membri tal-persunal mediku tal-ewwel linja, billi jimplimentaw miżuri nazzjonali adatti u koordinati, inkluż il-forniment ta' biżżejjed tagħmir protettiv personali (PPE); jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;
3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk l-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-virus, u mal-pajjiżi l-oħra kollha li qed iħabbtu wiċċhom mal-effetti tal-pandemija; jesprimi s-solidarjetà l-aktar sinċiera tiegħu ma' dawk li tilfu xogħolhom u li l-ħajja professjonali tagħhom tħarbtet minħabba l-pandemija; jenfasizza l-ħtieġa li lkoll niġbdu ħabel wieħed bħala komunità u li niżguraw li l-ebda pajjiż ma jitħalla jiġġieled waħdu kontra dan il-virus u l-konsegwenzi tiegħu;
4. Jinsab imħasseb dwar l-impatti potenzjali tal-kriżi, inkluż tal-konfinament, fuq il-benessri tan-nies madwar id-dinja, b'mod partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, fosthom l-anzjani, il-persuni li diġà jbatu minn problemi tas-saħħa, il-popolazzjonijiet f'żoni milquta minn kunflitti u f'żoni suxxettibbli għad-diżastri naturali, il-migranti, u dawk li huma esposti għall-vjolenza domestika, speċjalment in-nisa u t-tfal;
5. Jinsab imħasseb dwar l-inkapaċità inizjali tal-Istati Membri biex jaġixxu kollettivament, u jitlob bil-qawwa li l-azzjonijiet futuri kollha li se jittieħdu mill-Istati Membri jkunu ggwidati mill-prinċipju fundatur tal-Unjoni ta' solidarjetà u kooperazzjoni leali; jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 uriet l-ewwel u qabel kollox l-importanza ta' azzjoni Ewropea konġunta; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom ir-riżorsi komuni biex jiġġieldu l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, iżda dan biss meta jikkooperaw fi spirtu ta' għaqda; jirrikonoxxi li l-Istati Membri, wara li aġixxew b'mod unilaterali fil-bidu tal-kriżi, issa jifhmu li l-kooperazzjoni, il-fiduċja u s-solidarjetà huma l-uniku mezz biex jegħlbu din il-kriżi;
6. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaġixxu flimkien biex jilqgħu għal din l-isfida u jiżguraw li l-Unjoni toħroġ minn din il-kriżi aktar soda milli kienet; jenfasizza li l-Parlament se jikkopera mal-istituzzjoni l-oħra tal-UE biex isalva l-ħajjiet, jipproteġi l-impjiegi u n-negozji, u jmexxi 'l quddiem l-irkupru ekonomiku u soċjali, u li se jkun lest biex iżommhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;
Is-solidarjetà u l-azzjoni tal-Ewropa fis-settur tas-saħħa
7. Jilqa' b'sodisfazzjon is-solidarjetà Ewropea attiva li qed juru l-Istati Membri li jieħdu ħsieb pazjenti minn Stati Membri oħra, ifornu tagħmir tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz ta' inizjattivi ta' akkwist konġunt u ta' ġmigħ ta' riżervi mmexxija mill-UE, u li jirripatrijaw iċ-ċittadini; jenfasizza li l-fruntieri jridu jibqgħu miftuħin fi ħdan l-UE għaċ-ċirkulazzjoni ta' PPE, ikel, mediċini, apparati mediċi, prodotti derivati mid-demm u organi, kif ukoll għall-katina tal-forniment fis-Suq Uniku; jissottolinja l-ħtieġa li niffaċilitaw il-mobilizzazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa, u jitlob li l-Korp Mediku Ewropew jitħaddem biex jipprovdi assistenza medika; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li niffaċilitaw it-trasport ta' pazjenti minn sptarijiet saturati fi Stat Membru partikolari lejn ieħor li jkun għad għandu kapaċità disponibbli;
8. Jitlob li l-kompetenzi, il-baġit u l-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) jissaħħu b'mod sostanzjali b'tali mod li jkunu jistgħu jikkoordinaw ir-risponsi mediċi fi żminijiet ta' kriżi; jissuġġerixxi li l-panel ta' esperti dwar il-COVID-19 għandu jsir tim ta' esperti indipendenti permanenti dwar it-tifqigħat ta' virus, li għandu jaħdem mal-ECDC biex jiżviluppa standards, joħroġ rakkomandazzjonijiet u jiżviluppa protokolli għall-użu tal-Kummissjoni u l-Istati Membri f'każ ta' kriżi;
9. Jitlob li jinħoloq Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju biex iħejji u jirrispondi aħjar, b'mod komuni u koordinat, għal kwalunkwe tip ta' kriżi tas-saħħa jew sanitarja li titfaċċa fil-livell tal-UE, biex is-saħħa taċ-ċittadini tagħna tkun protetta; jemmen li mekkaniżmu bħal dan għandu jiffunzjona kemm bħala ċentru ta' informazzjoni kif ukoll bħala tim ta' rispons għall-emerġenzi li jkun kapaċi jforni provvisti vitali, tagħmir mediku u persunal mediku f'reġjuni li jesperjenzaw tkattir f'daqqa tal-infezzjonijiet;
10. Jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ kull parti komponenti tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tar-rispons għad-diżastri, u ssaħħaħ aktar strumenti bħal RescEU biex tiżgura rispons tassew komuni, koordinat u effikaċi fil-livell tal-UE; jemmen li l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, il-preparatezza għalihom u l-prevenzjoni tagħhom fil-livell Ewropew għandhom jittejbu, flimkien ma' tagħmir, materjal u ħażniet ta' mediċini komuni, biex ikunu jistgħu jiġu mobilizzati bil-ħeffa ħalli jipproteġu l-ħajja u l-għajxien taċ-ċittadini tal-UE; jemmen li l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għandu jissaħħaħ bil-għan li jiffaċilita r-ripatrijazzjoni konġunta ta' ċittadini tal-UE;
11. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tidderieġi fondi mill-programm ta' riċerka tal-UE lejn il-ġlieda kontra l-virus billi tiżgura li t-trattamenti , it-tilqimiet u d-dijanjostika jkunu disponibbli globalment, aċċessibbli u affordabbli; jitlob li jiġi stabbilit finanzjament addizzjonali għal "fond COVID-19 ta' riċerka u innovazzjoni" biex jagħti spinta lill-isforzi biex niffinnzjaw riċerka rapida dwar tilqima u/jew trattament; jemmen li r-riċerkaturi, l-SMEs innovattivi u l-industrija tal-Ewropa għandhom jingħataw is-sostenn kollu li jeħtieġu biex isibu mezz ta' fejqan; jitlob li l-Istati Membri jqawwu b'mod sinifikanti s-sostenn għall-programmi ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni li jaħdmu biex jifhmu l-marda, iħaffu d-dijanjożi u l-ittestjar u jiżviluppaw tilqima; jitlob li l-isptarijiet u r-riċerkaturi jaqsmu d-data mal-EMA, u jagħmlu provi kliniċi Ewropej fuq skala kbira; jenfasizza l-ħtieġa li nsostnu miżuri li jiffavorixxu x-xjenza miftuħa bil-għan li naċċeleraw l-iskambju tad-data u tar-riżultati tar-riċerka fi ħdan il-komunità xjentifika fl-Ewropa u lil hinn minnha; jinsisti li kwalunkwe riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi trid tibqa' fid-dominju pubbliku;
12. Jesprimi tħassib dwar jekk l-Istati Membri hux qed jiddedikaw biżżejjed attenzjoni lill-implikazzjonijiet tal-kriżi għas-saħħa mentali u jitlob li tiġi organizzata kampanja dwar is-saħħa mentali fl-UE kollha li tagħti pariri liċ-ċittadini dwar kif jissalvagwardjaw il-benessri mentali tagħhom fiċ-ċirkostanzi tal-lum u dwar fejn jistgħu jitolbu parir f'każ ta' bżonn;
13. Jitlob li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-kapaċità tagħha għas-servizzi tal-cloud, filwaqt li tikkonforma mad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika[2] u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data[3] sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' data dwar ir-riċerka u s-saħħa fil-livell tal-UE minn entitajiet li jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' trattamenti u/jew tilqimiet;
14. Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' politiki li jiżguraw il-provvista affidabbli u ta' kwalità tal-ikel mill-agrikoltura, mis-sajd u min-negozji alimentari matul il-kriżi immedjata tas-saħħa u lil hinn minnha, u l-ħtieġa li nappoġġjaw dawn is-setturi u nissalvagwardjaw il-kontinwità tal-produzzjoni u tat-trasport mingħajr ostakli tagħhom madwar is-Suq Uniku;
15. Jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat għal meta jitneħħa l-lockdown fl-UE, sabiex nevitaw li l-virus jerġa' jitfaċċa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex flimkien jiżviluppaw kriterji għat-tneħħija tal-kwarantina u ta' miżuri oħra ta' emerġenza abbażi tal-preservazzjoni tal-ħajja tal-bniedem; jitlob li l-Kummissjoni tvara strateġija ta' ħruġ effikaċi li tinkludi ttestjar fuq skala kbira, u PPE għall-akbar numru ta' ċittadini possibbli; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw ittestjar aktar sistematiku fuq l-infezzjoni u l-esponiment għall-virus u jaqsmu l-aħjar prattiki ma' xulxin;
Soluzzjonijiet Ewropej biex jingħelbu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali
16. Jilqa' l-miżuri li ttieħdu s'issa fil-livell tal-UE f'termini ta' miżuri fiskali u appoġġ għal-likwidità;
17. Jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi pakkett massiv ta' rkupru u rikostruzzjoni għal investiment li jappoġġja l-ekonomija Ewropea wara l-kriżi, lil hinn minn dak li qed jagħmlu diġà l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali Ewropew, u li jiddaħħal fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid; jemmen li pakkett bħal dan għandu jkun fis-seħħ kemm idum għaddej it-tfixkil ekonomiku kkawżat minn din il-kriżi; l-investiment meħtieġ jista' jkun iffinanzjat minn QFP miżjud, il-fondi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, u l-bonds ta' rkupru garantiti mill-baġit tal-UE; dan il-pakkett m'għandux jinvolvi l-mutwalizzazzjoni tad-dejn eżistenti, u għandu jkun orjentat lejn investiment futur;
18. Jisħaq fuq il-fatt li dan il-pakkett ta' rkupru u rikostruzzjoni għandu jkollu fil-qalba tiegħu l-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali sabiex jagħti spinta lill-ekonomija, itejjeb ir-reżiljenza tagħha u joħloq l-impjiegi, filwaqt li fl-istess ħin jgħin it-tranżizzjoni ekoloġika, irawwem żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli – inkluża l-awtonomija strateġika tal-kontinent tagħna – u jgħin fl-implimentazzjoni ta' strateġija industrijali li tippreserva setturi industrijali ewlenin tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li nallinjaw ir-rispons tagħna mal-objettiv tal-UE dwar in-newtralità klimatika;
19. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li tfassal strateġija industrijali ġdida tal-UE fi sforz biex tikseb industrija aktar kompetittiva u reżiljenti hi u tissielet max-xokkijiet globali; jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid tal-katini tal-provvista fl-UE u ż-żieda fil-produzzjoni tal-UE ta' prodotti ewlenin bħal mediċini, ingredjenti farmaċewtiċi u apparati, tagħmir u materjali mediċi;
20. Jinsisti, għaldaqstant, fuq l-adozzjoni ta' QFP ambizzjuż li jkollu baġit akbar f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni, mal-impatt previst tal-kriżi fuq l-ekonomiji tal-UE u mal-istennijiet taċ-ċittadini dwar il-valur miżjud Ewropew, b'aktar flessibbiltà u sempliċità fil-mod kif nużaw il-fondi biex nirrispondu għall-kriżijiet, u li jkun mgħammar bil-flessibbiltà meħtieġa; jitlob, barra minn hekk, li ssir reviżjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji sabiex niksbu biżżejjed lok għal manuvrar fiskali u niżguraw aktar previdibbiltà, kapaċità għal azzjoni u inqas esponiment għal perikli nazzjonali; jenfasizza li jkun jeħtieġ riżorsi proprji ġodda biex il-baġit tal-UE jiggarantixxi l-pakkett tal-irkupru u r-rikostruzzjoni;
21. Jitlob li l-Istati Membri jilħqu ftehim malajr dwar din il-proposta l-ġdida dwar il-QFP, bħala strument ta' solidarjetà u koeżjoni; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' kontinġenza f'każ ta' nuqqas ta' ftehim, billi testendi d-durata tal-programmi ta' finanzjament li għaddejjin bħalissa għal wara l-31 ta' Diċembru 2020;
22. Jitlob li jintużaw il-mezzi disponibbli kollha u l-flus mhux użati fil-baġit kurrenti tal-UE, inklużi l-marġnijiet żejda u mhux minfuqa u l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, biex l-assistenza finanzjarja titqassam b'ħeffa lir-reġjuni u n-negozji l-aktar milquta, u tiġi permessa l-akbar flessibbiltà possibbli fl-użu tal-fondi, filwaqt li jibqa' jiġi rispettat il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u jiġi żgurat li l-finanzjament jilħaq lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn; jilqa', għal dan il-għan, il-proposta riċenti tal-Kummissjoni li jinħoloq Strument għall-Appoġġ ta' Emerġenza;
23. Jitlob li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jattivaw EUR 410 biljun tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà b'linja ta' kreditu speċifika; ifakkar li din il-kriżi mhix ir-responsabbiltà ta' xi Stat Membru partikolari u li l-objettiv ewlieni għandu jkun il-ġlieda tal-konsegwenzi tat-tifqigħa; jenfasizza li, bħala miżura fuq żmien qasir, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà għandu jestendi minnufih linji ta' kreditu prekawzjonarji lill-pajjiżi li jfittxu li jaċċedu għalih sabiex jindirizzaw ħtiġijiet finanzjarji għal żmien qasir biex jittrattaw il-konsegwenzi immedjati tal-COVID-19 u b'maturitajiet fit-tul, kundizzjonijiet kompetittivi ta' pprezzar u ħlas lura marbuta mal-irkupru tal-ekonomiji tal-Istati Membri;
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqblu malajr dwar injezzjoni sinifikanti ta' kapital fil-BEI biex dan ikun jista' jikkontribwixxi f'qasir żmien is-saħħa sostanzjali tiegħu ħalli jtaffi l-impatt ekonomiku tal-COVID-19, inkluż il-ħolqien ta' linja ta' kreditu ġdida tal-BEI li tiggarantixxi likwidità għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);
25. Jinsisti fuq rwol proattiv għas-settur bankarju f'din il-kriżi, sabiex il-kumpaniji u ċ-ċittadini li qed isofru finanzjarjament b'riżultat tal-COVID-19 jitħallew inaqqsu jew iwaqqfu temporanjament il-ħlasijiet tad-dejn jew tas-self ipotekarju, jipprovdi flessibbiltà massima fit-trattament ta' self improduttiv, jissospendi temporanjament il-pagamenti tad-dividendi, u jbaxxi r-rati ta' mgħax li sikwit huma eċċessivi fuq overdrafts tal-kontijiet kurrenti; jenfasizza li, għal dan il-għan, is-superviżuri jeħtiġilhom juru livell għoli ta' flessibbiltà;
26. Jenfasizza l-ħtieġa immedjata li jsir aktar għall-SMEs u li jiġu megħjuna biex jippreservaw l-impjiegi u jiġġestixxu l-likwidità tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet prudenzjali u superviżorji Ewropej, kif ukoll lill-Istati Membri, biex jesploraw l-għażliet kollha bil-għan li jnaqqsu l-piż minn fuq l-SMEs; jitlob strateġija orizzontali Ewropea għall-irkupru tal-SMEs biex tappoġġjahom billi tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzji, u trawwem l-investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi;
27. Jemmen li l-UE jeħtiġilha taħtaf l-opportunità u tipproponi Azzjoni għall-Awtonomija tas-Saħħa f'oqsma strateġiċi bħall-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (API) li huma essenzjali għall-manifattura tal-mediċina, u b'hekk tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi mingħajr ma ddgħajjef il-vantaġġi li l-ekonomiji miftuħa jisiltu mill-kummerċ internazzjonali; jenfasizza li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jgħin biex jipproduċi, jaħżen u jikkoordina l-produzzjoni ta' mediċina kritika u tagħmir u prodotti farmaċewtiċi, b'mod partikolari l-ġell sanitizzatur, il-ventilaturi u l-maskri fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza, barra minn hekk, li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jiġbor flimkien u jikkoordina l-kapaċitajiet tal-manifattura diġitali bħall-istampar 3D, li jistgħu jikkontribwixxu biex jissostitwixxu t-tagħmir meħtieġ;
28. Jissottolinja li, minbarra d-dimensjoni tas-saħħa, il-kriżi qed taffettwa b'mod drammatiku lill-ħaddiema, l-impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom u l-SMEs – is-sinsla tas-soċjetajiet tagħna; iqis li l-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu l-miżuri kollha biex jippreservaw kemm jista' jkun impjiegi u jiżguraw li l-irkupru jkun ibbażat fuq konverġenza ekonomika soċjali 'l fuq, djalogu soċjali u drittijiet soċjali mtejba, u kundizzjonijiet tax-xogħol b'miżuri speċifiċi għal dawk f'forom prekarji ta' xogħol;
29. Jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju pubbliku pprovdut lill-kumpaniji sabiex jiġu miġġielda l-effetti ekonomiċi tal-COVID-19 jiġi pprovdut biss jekk il-finanzjament jintuża għall-benefiċċju tal-impjegati u l-kumpaniji li jirċevuh ma jħallsux dividendi u ma joffrux skemi ta' xiri lura ta' ishma dment li jkunu qed jirċievu dan l-appoġġ;
30. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-miżuri ta' għajnuna u ta' mitigazzjoni tal-kriżi lill-aktar ċittadini vulnerabbli, in-nisa u t-tfal esposti għall-vjolenza domestika, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-minoranzi etniċi u l-persuni minn reġjuni remoti u iżolati, inklużi l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej u r-reġjuni ultraperiferiċi, permezz ta' fond ta' appoġġ eċċezzjonali apposta ffukat fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa u s-setturi milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19, kif ukoll lil persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, li lkoll mhux biss għandhom l-ogħla riskju ta' infezzjoni bil-COVID-19 iżda anke jsofru l-aktar mill-effetti ekonomiċi tagħha; jitlob li jkun hemm strateġija komprensiva kontra l-faqar, b'Garanzija Ewropea għat-Tfal; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jinkorporaw analiżi tal-ġeneru fl-isforzi kollha ta' rispons sabiex jevitaw li jaggravaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi, jiżguraw li s-servizzi għall-vittmi tal-vjolenza jibqgħu miftuħa, u jsaħħu s-servizzi ta' għajnuna, ix-xelters ta' emerġenza għall-vittmi, l-appoġġ legali online u s-servizzi ta' rapportar sabiex jiġġieldu l-vjolenza domestika u dik abbażi ta' sess u jipproteġu lin-nisa u t-tfal kollha minnha;
31. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-ħaddiema fl-Ewropa, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom, ikunu protetti mit-telf ta' introjtu u li l-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, u s-setturi li ntlaqtu l-aktar ikollhom l-appoġġ u l-likwidità finanzjarja meħtieġa; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni ta' Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar il-leġiżlazzjoni soċjali u fiskali bil-għan li jevitaw riperkussjonijiet f'termini ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u fiskali għall-ħaddiema transfruntiera bħala riżultat tal-miżuri ta' emerġenza;
32. Iqis li hu tal-akbar importanza li l-fruntieri interni tal-UE jinżammu miftuħa għall-merkanzija; ifakkar li s-Suq Uniku hu s-sors tal-prosperità u l-benesseri kollettivi tagħna u li huwa element ewlieni għar-risposta immedjata u kontinwa għat-tifqigħa tal-COVID-19; jappoġġa bil-qawwa t-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jippermettu lill-ħaddiema transfruntiera jibqgħu jaqsmu l-fruntieri, b'mod partikolari fis-setturi li fihom jitqies essenzjali li jitkompla l-moviment liberu fl-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti punti tal-qsim tal-fruntieri b'"korsiji ħodor" għat-trasport bl-art (stradali u ferrovjarju), bil-baħar, bl-ilmijiet navigabbli interni u bl-ajru;
33. Jappoġġa l-miżuri favur is-settur agroalimentari tal-UE u l-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli matul il-kriżi, l-aktar permezz ta' appoġġ għal-likwidità permezz tal-ħlas (minn qabel) f'waqtu tal-pagamenti diretti u fl-ambitu tat-tieni pilastru, flessibbiltà fil-ġestjoni tal-iskemi ta' għajnuna u fil-preżentazzjoni ta' talbiet, monitoraġġ tas-suq u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ħażna privata, miżuri ta' promozzjoni u miżuri eċċezzjonali li jippermettu lill-Kummissjoni tipproponi miżuri addizzjonali tas-suq u derogi għal żmien limitat mil-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni);
34. Iqis li s-setturi tat-trasport u tat-turiżmu ntlaqtu b'mod qawwi u jitlob interventi biex jiġu żgurati s-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport, u jiġi żgurat li l-kumpaniji tat-trasport ikunu jistgħu jissopravvivu l-kriżi; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' prevenzjoni u ġestjoni fil-livell tal-UE għas-settur tat-turiżmu bil-għan li jitħarsu l-ħaddiema tagħna, tingħata għajnuna lill-kumpaniji tagħna u tkun żgurata s-sikurezza lill-passiġġieri;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri maħsuba għar-repressjoni tal-frodaturi fuq l-internet u taċ-ċiberkriminali li jisfruttaw il-biżgħat tan-nies billi jbigħu materjal mediku kontraffatt jew bi prezz eċċessiv;
Protezzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali
36. Jissottolinja li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea trid tkompli tiġi applikata u li jeħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt; jinnota wkoll li, fil-kuntest tal-miżuri ta' emerġenza, l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jiżguraw li kulħadd igawdi mill-istess drittijiet u mill-istess protezzjoni; jenfasizza li l-miżuri kollha li ttieħdu fil-livell nazzjonali u/jew tal-UE jridu jkunu konformi mal-istat tad-dritt, strettament proporzjonati mal-esiġenzi tas-sitwazzjoni, marbuta b'mod ċar mal-kriżi tas-saħħa li għaddejja, għal żmien limitat u suġġetti għal skrutinju regolari; iqis totalment inkompatibbli mal-valuri Ewropej kemm id-deċiżjoni tal-Gvern Ungeriż li jtawwal l-istat ta' emerġenza f'mod indefinit, li tawtorizza lill-Eżekuttiv jiggverna b'digrieti mingħajr limiti ta' żmien u jdgħajjef is-sorveljanza ta' emerġenza tal-Parlament, kif ukoll il-miżuri li ħa l-Gvern Pollakk, jiġifieri l-modifika tal-kodiċi elettorali kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-liġi, biex jorganizza l-elezzjonijiet presidenzjali f'nofs il-pandemija, u dan jista' jipperikola l-ħajja taċ-ċittadini Pollakki u jimmina l-kunċett ta' elezzjonijiet liberi, ugwali, diretti u sigrieti, kif minqux fil-Kostituzzjoni Pollakka;
37. Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tivvaluta b'urġenza jekk il-miżuri ta' emerġenza humiex konformi mat-Trattati u biex tagħmel użu sħiħ mill-għodod u mis-sanzjonijiet kollha, inklużi dawk baġitarji, għad-dispożizzjoni tal-UE biex tindirizza dan il-ksur serju u persistenti; itenni l-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jqiegħed fuq l-aġenda tiegħu d-diskussjonijiet u l-proċeduri relatati mal-proċedura tal-Artikolu 7 li għaddejja bħalissa;
38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri neċessarji, koordinati u proporzjonati biss meta jillimitaw l-ivvjaġġar jew jintroduċu u jtawlu l-kontrolli fil-fruntieri interni, wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-effikaċja tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjoni tas-saħħa pubblika u abbażi tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi eżistenti, jiġifieri l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu u fir-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-kontrolli fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment iridu jibqgħu proporzjonati u eċċezzjonali u li l-libertà ta' moviment kollha fi ħdan iż-Żona Schengen għandha terġa' tiġi stabbilita malli jitqies li jkun fattibbli; jinsisti li ma jridx ikun limitat l-ivvjaġġar transfruntier tal-ħaddiema fl-ewwel linja fis-setturi li huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-COVID-19, b'mod partikolari l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-assistenza għall-anzjani, iżda wkoll dawk li jaħdmu fis-settur agroalimentari, bħall-ħaddiema agrikoli staġjonali; jenfasizza l-bżonn li nerġgħu lura għat-tħaddim sħiħ taż-Żona Schengen ta' moviment liberu, mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, bħala parti minn strateġija ta' ħruġ mill-kriżi;
39. Jitlob rispett sħiħ tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u tad-dritt Ewropew fil-qasam tal-asil; josserva li għandhom ikunu previsti dispożizzjoni għall-akkoljenza tal-applikanti għall-asil il-ġodda f'kundizzjonijiet sanitarji adegwati u b'sostenn mediku; jesprimi għaldaqstant it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u tal-applikanti għall-asil li jaslu fil-gżejjer Griegi, kif ukoll fil-hotspots u fiċ-ċentri ta' detenzjoni, li ma għandhomx aċċess għal assistenza tas-saħħa adegwata u jinsabu partikolarment f'riskju; iqis li għandhom jinstabu soluzzjonijiet neċessarji, inkluża l-evakwazzjoni preventiva tal-popolazzjoni f'riskju għoli, biex ikunu żgurati l-kundizzjonijiet materjali adegwati u t-tbegħid soċjali biex tkun evitata l-kontaminazzjoni; jisħaq fuq il-kontribut importanti ta' ħafna migranti u dixxendenti ta' migranti li qed jaħdmu biex jiżguraw il-funzjonament korrett ta' ħafna setturi essenzjali fl-UE kollha, u b'mod partikolari s-setturi tas-saħħa u tal-assistenza;
40. Jieħu nota tal-pjan tal-Kummissjoni li titlob lill-fornituri tat-telekomunikazzjonijiet jgħaddu d-data anonimizzata u aggregata sabiex ikun limitat it-tixrid tal-coronavirus, tal-programmi nazzjonali ta' traċċar diġà fis-seħħ u tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet jimmonitorjaw il-movimenti, il-kuntatti u d-data tas-saħħa;
41. Jieħu nota tal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ta' traċċar tal-kuntatti fuq apparat mobbli biex iwissu lill-utenti f'każ li kienu qrib persuna infettata, kif ukoll tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat approċċ komuni fil-livell tal-UE għall-użu ta' dawn l-applikazzjonijiet; josserva li kwalunkwe użu ta' applikazzjonijiet żviluppati mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej jista' ma jkunx obbligatorju u li d-data ġġenerata ma għandhiex tinħażen f'bażijiet tad-data ċentralizzati, billi dan jista' jwassal għal riskji potenzjali ta' abbuż u għat-telf ta' fiduċja, b'hekk l-adozzjoni tagħhom fl-Unjoni kollha tista' tiġi pperikolata; jitlob li l-ħżin tad-data jkun kompletament deċentralizzat, li jkun hemm trasparenza sħiħa f'dawk li huma l-interessi kummerċjali (mhux tal-UE) tal-iżviluppaturi ta' dawn l-applikazzjonijiet u li jingħataw projjezzjonijiet ċari li juru li l-użu tal-applikazzjonijiet għat-traċċar tal-kuntatti minn parti mill-popolazzjoni, flimkien ma' miżuri speċifiċi oħrajn, se jwassal għal numru konsiderevolment iżgħar ta' persuni infettati; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu totalment trasparenti dwar il-funzjonament tal-applikazzjonijiet ta' traċċar tal-kuntatti, b'tali mod li l-individwi jkunu jistgħu jivverifikaw il-protokoll sottostanti għas-sigurtà u l-privatezza, u jikkontrollaw il-kodiċi stess biex jaċċertaw ruħhom li l-applikazzjoni taħdem kif jiddikjaraw l-awtoritajiet; jirrakkomanda li jiġi ffissati klawżoli ta' estinzjoni u jkunu totalment rispettati l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u l-minimizzazzjoni tad-data;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw id-dettalji ta' dawn l-iskemi u jippermettu l-iskrutinju pubbliku u s-sorveljanza sħiħa min-naħa tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data; josserva li d-data ta' lokalizzazzjoni mobbli jistgħu jiġu pproċessati biss fir-rispett tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); jenfasizza li l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE huma obbligati jirrispettaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-ħajja privata u jimxu mal-gwida u mas-sorveljanza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data;
43. Jenfasizza li d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 f'dan il-waqt hija problema kbira tas-saħħa pubblika; iħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi sors ta' informazzjoni Ewropew, bil-lingwi uffiċjali kollha, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża u verifikata; jemmen li l-ECDC għandu jkun inkarigat mill-koordinament u mill-allinjament tad-data tal-Istati Membri biex jitjiebu l-kwalità u l-kumparabbiltà; jistieden lill-kumpaniji tal-midja soċjali biex b'mod proattiv jieħdu l-miżuri neċessarji biex iwaqqfu d-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda rigward il-coronavirus;
L-azzjoni esterna, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni internazzjonali
44. Jitlob aġġornament rapidu tal-Istrateġija Globali tal-UE fid-dawl tal-impatt globali tal-kriżi; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari dwar l-hekk imsejħa "diplomazija tal-coronavirus"; itenni li l-UE trid tkun lesta li tikkomunika b'mod strateġiku u tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni esterna u tadatta kontinwament għall-panorama ġeopolitiku li qed jinbidel, mingħajr ma qatt tikkomprometti l-valuri fundamentali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaġixxu b'mod strateġiku fid-dinja u fl-Ewropa biex joħolqu l-ambizzjoni ta' Unjoni ġeopolitika;
45. Jenfasizza li l-UE jeħtieġ issir aktar reżiljenti kontra l-kriżijiet b'mod ġenerali, tibqa' ħielsa minn influwenza politika u ekonomika indebita, pereżempju mir-Russja u ċ-Ċina, u trid tkun lesta li tikkomunika b'mod strateġiku, tiġġieled id-diżinformazzjoni esterna, l-aħbarijiet foloz u l-attakki ċibernetiċi, u tadatta kontinwament għall-panorama ġeopolitiku li jinbidel; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-isforzi aggressivi ta' propaganda tar-Russja u taċ-Ċina li qed jisfruttaw il-pandemija tal-COVID-19 bil-għan li jdgħajfu l-UE u jiżirgħu sfiduċja fil-popolazzjoni lokali fil-konfront tal-UE; jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm komunikazzjoni effettiva dwar l-appoġġ finanzjarju, tekniku u mediku tal-UE;
46. Jinsisti li l-użu ta' awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni fl-ebda ċirkostanza m'għandu jinbidel fi projbizzjonijiet tal-esportazzjoni de facto; jenfasizza l-importanza li jinżamm l-aċċess għal prodotti mediċi skarsi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-esportazzjoni ta' Tagħmir Protettiv Personali (PPE) trid tasal għand dawk li l-aktar għandhom bżonnu u mhux għand dawk li jifilħu jħallsu l-ogħla prezz; iqis li għal dan il-għan, irid jintlaħaq qbil dwar katalgu globali ta' prodotti tas-saħħa ta' emerġenza essenzjali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), sabiex titwaqqaf l-ispekulazzjoni tal-prezzijiet u jiġi ffaċilitat il-kummerċ tagħhom; iħeġġeġ bil-qawwa lill-pajjiżi kollha biex jissieħbu fil-Ftehim dwar l-Eliminazzjoni tad-Dazji fuq il-Prodotti Farmaċewtiċi (Żero għal Żero) tad-WTO, u biex il-kamp ta' applikazzjoni tagħha jiġi estiż għall-prodotti farmaċewtiċi u mediċinali kollha biex ikun żgurat il-kummerċ transfruntier mad-dinja kollha; jistieden lill-membri tad-WTO jagħmlu din it-tema prijorità fuq l-aġenda tal-Laqgħa Ministerjali li jmiss tad-WTO; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-twissija maħruġa b'mod konġunt mid-WTO, il-WHO u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), skont liema l-miżuri restrittivi fil-qasam tal-kummerċ f'livell globali jistgħu jwasslu għal skarsezzi tal-ikel fid-dinja; jitlob li jittieħdu miżuri sabiex jiġu minimizzati l-interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel, biex b'hekk jiġi evitat li jiżdiedu l-insigurtà tal-ikel u l-volatilità tal-prezzijiet; jistieden lill-Istati Membri kollha jużaw l-għodod kollha disponibbli biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi biex jivvalutaw l-investiment u l-akkwiżizzjoni potenzjali ta' infrastruttura kritika u kapaċitajiet industrijali strateġiċi fl-UE, u biex jieħdu miżuri ta' mitigazzjoni jew imblokkar kif meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tagħamel malajr progess fin-negozjati dwar il-kummerċ elettroniku tad-WTO biex tiggarantixxi regoli għal kummerċ elettroniku li qed jiżdied b'mod rapidu, speċjalment għall-oġġetti;
47. Jissottolinja li l-pandemija la għandha fruntieri u lanqas ideoloġiji, u li tirrikjedi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà tal-komunità internazzjonali kollha u tisħiħ tas-sistema tan-NU, u l-WHO b'mod partikolari; iqis li hu essenzjali għall-UE li titlob liċ-Ċina tixħet dawl komplut fuq din il-pandemija, iż-żmien meta feġġet u l-prezz uman reali tagħha; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-appoġġ favur il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-eqreb pajjiżi ġirien tagħna fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u sħabna kif ukoll il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-Amerka Latina; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mar-Renju Unit, il-pajjiż ġar tagħna, li attwalment qed jintlaqat b'mod qawwi ħafna mill-pandemija, u joffri l-miżuri kollha ta' kooperazzjoni biex tiġi miġġielda l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha;
48. Jilqa' l-inizjattivi meħuda mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ multilaterali tal-kriżi COVID-19 u l-konsegwenzi globali tagħha u jitlob approċċ ikkoordinat fuq livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod politiku u finanzjarju l-inizjattivi tan-NU biex tikkoordina l-isforzi fil-livell internazzjonali, primarjament permezz tal-"Pjan ta' Rispons Umanitarju Dinji għall-COVID-19" u tal-"Fond għar-Rispons u l-Irkupru mill-COVID-19";
49. Jirrikonoxxi l-importanza ta' rispons koordinat b'mod globali għall-konsegwenzi ekonomiċi drastiċi tal-kriżi tal-COVID-19, bħal dawk enfasizzati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komprensiv u jieħdu inizjattivi biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw il-konsegwenzi sanitarji u ekonomiċi tal-pandemija;
Unjoni Ewropea ta' wara l-kriżi li tkun aktar b'saħħitha u li tieħu azzjoni aktar effettiva għaċ-ċittadini tagħha
50. Ifakkar fil-fatt li din il-kriżi ħadd ma ħoloqha hu, u li m'għandhiex tkun id-disfatta ta' kulħadd; jesprimi l-intenzjoni konvinta tiegħu li jagħmel kull ma hu possibbli biex l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha joħorġu mill-kriżi, u jistieden lill-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha jagħmlu użu immedjat mid-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tat-Trattati u jaġixxu hekk fl-ispirtu tas-solidarjetà;
51. Jissuġġerixxi li din l-istrateġija tista' tinkludi l-proposta biex jingħataw setgħat akbar lill-Unjoni fil-każ ta' theddid transfruntier għas-saħħa, bi strumenti ġodda u msaħħa biex ikun żgurat li fil-futur l-Unjoni tkun tista' taġixxi mingħajr dewmien biex tikkoordina r-rispons fil-livell Ewropew, u tidderieġi r-riżorsi neċessarji lejn fejn huma l-aktar meħtieġa, kemm jekk huma materjali (eż. maskri tal-wiċċ, ventilaturi u mediċini) jew finanzjarji, u tippermetti l-ġbir ta' data ta' kwalità u standardizzata;
52. Jemmen li l-pandemija wriet il-limiti tal-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi b'mod deċiżiv u ħarġet fid-dieher in-nuqqas ta' setgħat eżekuttivi u baġitarji tal-Kummissjoni; jemmen li l-Unjoni jeħtiġilha tgħaddi minn riforma profonda b'reazzjoni għal dan; iqis li hu meħtieġ f'din l-urġenza li titlesta għalkollox l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li tiġi attivata l-klawżola 'passarelle' ġenerali biex tħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kwistjonijiet kollha li jistgħu jgħinu l-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tas-saħħa attwali;
53. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwarrbu d-differenzi tagħhom u jaġixxu fl-interess komuni u fl-ispirtu tas-solidarjetà; jistedinhom jagħmlu użu immedjat mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati biex jaġixxu f'dan is-sens;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu fuq spallejha r-responsabbiltà mogħtija lilha mit-Trattati u tieħu inizjattivi kuraġġużi;
55. Jenfasizza li l-Unjoni jeħtieġ tlesti ruħha tibda riflessjoni profonda ta' kif issir aktar effettiva u demokratika, u li l-kriżi attwali saħansitra żżid l-urġenza ta' din ir-riflessjoni; jemmen li l-Konferenza ppjanata dwar il-Futur tal-Ewropa hija l-forum adegwat biex dan isir; huwa għaldaqstant tal-fehma li l-Konferenza jeħtieġ li titlaqqa' malajr kemm jista' jkun u li din għandha tressaq proposti ċari, fosthom billi tinvolvi ċ-ċittadini b'mod dirett, bil-għan li ssir riforma profonda tal-Unjoni Ewropea, li tagħmilha aktar effettiva, magħquda, demokratika, sovrana u reżiljenti;
°
° °
56. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-kariga tal-Kunsill.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
- [2] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
- [3] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.