Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0246/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0246/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa

14.9.2020 - (2020/2708(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0246/2020 (GUE/NGL)
B9-0249/2020 (PPE)
B9-0250/2020 (Renew)

Tomasz Frankowski, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen
f'isem il-Grupp PPE
Petra Kammerevert
f'isem il-Grupp S&D
Laurence Farreng, Stéphane Séjourné, Irena Joveva, Vlad-Marius Botoş, Ilana Cicurel, Radka Maxová, Monica Semedo, Petras Auštrevičius, Ramona Strugariu, Claudia Gamon, Nicola Danti, Klemen Grošelj, Sylvie Brunet, Frédérique Ries, Izaskun Bilbao Barandica, Marie-Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou, Clotilde Armand, Fabienne Keller, Martina Dlabajová, Irène Tolleret
f'isem il-Grupp Renew
Niklas Nienaß
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Dace Melbārde, Elżbieta Kruk, Andrey Slabakov
f'isem il-Grupp ECR
Niyazi Kizilyürek, Alexis Georgoulis
f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2020/2708(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0246/2020
Testi mressqa :
RC-B9-0246/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa

(2020/2708(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Preambolu u l-Artikoli 2, 3 u 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2018 intitolata "Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura (COM(2018)0268),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata "It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura" (COM(2017)0673),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar Trasport u Turiżmu fl-2020 u lil hinn[3],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE ("ir-Regolament")[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17, it-18, id-19, l-20 u l-21 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (2018/C 460/10),

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Identifying Europe's recovery needs" ("Nidentifikaw il-ħtiġijiet tal-irkupru tal-Ewropa") li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-27 ta' Mejju 2020 dwar "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 intitolat "Cultural Heritage Counts for Europe" ("Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa"),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kultura hija settur strateġiku għall-Unjoni Ewropea, li mhux biss tikkostitwixxi parti importanti mill-ekonomija tagħna, iżda tikkontribwixxi wkoll għal soċjetajiet demokratiċi, sostenibbli, liberi u inklużivi, filwaqt li tirrifletti d-diversità, il-valuri, l-istorja, il-libertajiet u l-istil ta' ħajja Ewropej tagħna;

B. billi l-kultura u l-libertà tal-oqsma tal-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-vitalità ta' soċjetà u jippermettu lis-segmenti kollha tas-soċjetà jesprimu l-identitajiet tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u d-djalogu interkulturali li jwittu t-triq għal Unjoni Ewropea dejjem eqreb;

C. billi l-kultura għandha valur intrinsiku bħala espressjoni ta' umanità, demokrazija u impenn ċiviku li jistgħu jkunu kruċjali għall-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli;

D. billi l-kultura ssaħħaħ il-kapital soċjali tas-soċjetajiet, tiffaċilita ċ-ċittadinanza demokratika, trawwem il-kreattività, il-benesseri u l-ħsieb kritiku, tinkoraġġixxi l-integrazzjoni u l-koeżjoni u tippromwovi d-diversità, l-ugwaljanza u l-pluraliżmu;

E. billi l-parteċipazzjoni kulturali ġiet rikonoxxuta bħala wieħed mill-aċċeleraturi ewlenin tal-bidla soċjali u tal-bini ta' soċjetajiet inklużivi u reżiljenti;

F. billi l-kultura u s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma mezz importanti fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u huma pjattaforma għal-libertà tal-espressjoni;

G. billi l-pandemija żvelat il-valur soċjali reali għas-soċjetà Ewropea kif ukoll il-piż ekonomiku tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; billi l-parti ekonomika tal-kultura hija settur strateġiku għall-Unjoni Ewropea u għall-ekonomija tagħha, u tiżgura impjiegi ta' valur għal miljuni ta' Ewropej u finanzjament sostenibbli għad-diversità Ewropea, filwaqt li tirrifletti l-valuri, l-istorja u l-libertajiet tagħna Ewropej;

H. billi l-atturi kulturali u kreattivi Ewropej jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa u jipparteċipaw fit-tisħiħ ta' identità Ewropea fil-livelli kollha; billi dawn l-atturi jirrappreżentaw forza imprezzabbli għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u huma sors importanti ta' kompetittività globali;

I. billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw madwar 4 % tal-prodott domestiku gross Ewropew, livell simili għall-ICT u s-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel; billi fl-2019 kien hemm 7,4 miljun ruħ f'impjieg kulturali fl-UE b'27 Stat Membru, li jammontaw għal 3,7 % tal-impjiegi totali fl-UE b'27 Stat Membru; billi fl-2019 il-proporzjon ta' persuni li kienu jaħdmu għal rashom fil-qasam tal-kultura fl-UE ta' 27 Membru kien aktar mid-doppju tal-medja osservata għall-ekonomija kollha kemm hi[5];

J. billi skont l-istimi tal-Kummissjoni stess, is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi – li huma responsabbli għal EUR 509 biljun f'valur miżjud għall-PDG – x'aktarx li tilfu 80 % tal-fatturat tagħhom fit-tieni kwart tal-2020 b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment;

K. billi 'l fuq minn 300 000 ruħ fl-Ewropa huma impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, filwaqt li 7,8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbuta indirettament miegħu; billi l-forza tax-xogħol kreattiva Ewropea fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bħalissa hija sottorappreżentata mis-sistemi tal-istatistika;

L. billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma interkonnessi mill-qrib u wrew bil-provi li huma ta' benefiċċju għal setturi oħra, bħat-turiżmu u t-trasport; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, erbgħa minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha, u żewġ terzi tal-Ewropej jemmnu li l-preżenza tal-wirt kulturali għandha influwenza fuq l-għażla tagħhom ta' destinazzjoni għall-vaganzi; billi l-Ewropa tibqa' d-destinazzjoni turistika kulturali l-aktar popolari fid-dinja;

M. billi x-xenarju kulturali divers tal-Ewropa qed isofri serjament mill-pandemija tal-COVID-19 u ħafna atturi fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi se jiġu rovinati mingħajr investiment u għajnuna pubbliċi; billi l-għeluq ta' dan is-settur kellu riperkussjonijiet fuq setturi oħra bħat-trasport u t-turiżmu u l-edukazzjoni;

N. billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma settur atipiku, ibbażat fuq il-mudell ekonomiku speċifiku tagħhom, il-ħtiġijiet u d-daqsijiet tagħhom, iżda huma prinċipalment magħmula minn strutturi żgħar (SMEs, mikroorganizzazzjonijiet u dawk li jaħdmu għal rashom) bl-ebda aċċess jew bi ftit aċċess għas-swieq finanzjarji u spiss bi dħul irregolari u mħallat li ġej minn sorsi differenti, bħal sussidji pubbliċi, sponsorizzar privat, dħul ibbażat fuq l-udjenzi jew id-drittijiet tal-awtur;

O. billi l-kriżi pandemika tal-COVID-19 enfasizzat ukoll il-vulnerabbiltajiet preeżistenti tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, inkluż l-għajxien prekarju tal-artisti u tal-ħaddiema fil-kultura, kif ukoll il-baġits stretti ta' ħafna istituzzjonijiet kulturali;

P. billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi għadhom qed isiru evidenti, u l-impatt globali fuq terminu medju u twil għadu mhux magħruf; billi dan jaffettwa d-drittijiet soċjali tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, li għandhom id-dritt għal kumpens finanzjarju ġust għal xogħolhom, u l-protezzjoni ta' diversità ta' espressjonijiet kulturali;

Q. billi l-kriżi tal-COVID-19 diġà għandha, u se jibqa' jkollha, effett negattiv dejjiemi fuq il-produzzjoni kulturali u kreattiva, id-diffużjoni u l-introjtu, u għaldaqstant fuq id-diversità kulturali Ewropea;

R. billi t-teatri, it-teatri tal-opra, is-swali taċ-ċinema, is-swali tal-kunċerti, il-mużewijiet, is-siti ta' wirt storiku u postijiet ta' xogħol artistiku oħra kienu fost l-ewwel li ngħalqu minħabba l-miżuri ta' konteniment, u huma fost l-aħħar li reġgħu fetħu; billi ħafna avvenimenti kulturali u artistiċi bħall-fieri, il-festivals, il-kunċerti u l-ispettakli ġew ikkanċellati jew posposti għal żmien twil; billi l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà imposti biex jipprevjenu tifqigħa ġdida ma jippermettux li postijiet ta' xogħol artistiku joperaw b'kapaċità sħiħa għall-futur qarib;

S. billi, matul il-pandemija, peress li ħafna Ewropej sabu ruħhom f'sitwazzjoni ta' konfinament, il-kondiviżjoni ta' kontenut kulturali u kreattiv saret appoġġ għal ħafna ċittadini; billi l-opportunitajiet ta' aċċess għall-kontenut kulturali online mmultiplikaw u għamlu l-kontenut kulturali aktar aċċessibbli, u ħafna drabi mingħajr ħlas bis-saħħa tal-awturi, l-artisti, in-nies mid-dinja tal-ispettaklu u kreaturi oħra tal-arti; billi dan ikompli jnaqqas id-dħul tal-kreaturi tal-arti; billi d-disponibbiltà tal-kontenut kulturali online ma ssarrfitx f'żieda fl-introjtu tad-detenturi tad-drittijiet u tan-nies mid-dinja tal-ispettaklu;

T. billi l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-infrastrutturi diġitali naqqsu d-drittijiet fundamentali tal-aċċess għall-kultura, id-dritt tal-parteċipazzjoni fil-kultura u d-dritt tal-espressjoni tal-arti;

U. billi huwa ċar li l-proposti baġitarji suċċessivi għall-programm Ewropa Kreattiva taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss anki qabel il-COVID-19 ma jissodisfaw la l-aspettattivi tas-settur u lanqas dawk tal-Parlament, u dan tal-aħħar appella biex il-livell tal-finanzjament jiġi rduppjat meta mqabbel mal-QFP 2014-2020;

V. billi l-proposta riveduta tal-Kummissjoni dwar il-QFP tippreżenta tnaqqis ta' 20 % għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tnaqqis ta' 13 % għal Ewropa Kreattiva u tnaqqis ta' 7 % għal Erasmus+, meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP tal-2018; billi l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew kif ifformulata fis-17 ta' Lulju 2020 hija allinjata biss mal-proposta tal-Kummissjoni tal-2018; billi Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-UE li jipprovdi appoġġ dirett lis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa; billi la l-inizjattivi li suppost ikopri l-programm Ewropa Kreattiva u lanqas il-baġit tiegħu ma jipprovdu l-appoġġ meħtieġ minn programm li diġà jirċievi iktar talbiet milli jiflaħ u li huwa sottofinanzjat;

W. billi l-pandemija tirrappreżenta opportunità biex inħarsu lejn il-futur tal-kultura b'mod ġdid, u billi l-ħolqien ta' ekosistema kulturali aktar reżiljenti jirrikjedi riflessjoni usa' dwar il-futur tal-pjaneta u l-urġenza li nirreaġixxu għall-kriżi klimatika;

X. billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma vitali biex tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali; billi dawn iridu jibqgħu jiġu ffinanzjati b'mod xieraq u jiġu identifikati bħala investiment sikur sabiex ikunu lesti għat-tranżizzjoni lejn kontinent newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

1. Jesprimi s-solidarjetà sinċiera tiegħu man-nies mid-dinja tal-ispettaklu, l-artisti, il-kreaturi tal-arti, l-awturi, il-pubblikaturi, il-kumpaniji tagħhom u l-kreaturi u l-ħaddiema fil-kultura l-oħra kollha, inklużi l-kreaturi dilettanti tal-arti, li kollha ġew affettwati serjament mill-pandemija tal-COVID-19, u jagħti ġieħ lill-azzjonijiet u s-solidarjetà tagħhom matul iż-żminijiet diffiċli li għaddew minnhom miljuni ta' Ewropej;

2. Jissottolinja li l-irkupru wara l-pandemija u l-għoti ta' ħajja ġdida lill-politika kulturali Ewropea huma strettament marbuta mal-isfidi l-oħra li qed jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea u d-dinja, prinċipalment il-kriżi klimatika; jinsab konvint li l-politika futura dwar il-kultura għandha tkun interkonnessa sew mal-isfidi soċjali kif ukoll mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

3. Iqis li huwa fundamentali li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jiġu allokati parti sinifikanti mill-miżuri ta' rkupru ekonomiku ppjanati mill-istituzzjonijiet Ewropej u li dan jiġi kkombinat ma' azzjonijiet mifruxa u rapidi favur il-forzi kulturali u kreattivi tal-Ewropa, u dan jippermettilhom ikomplu bil-ħidma tagħhom fix-xhur li ġejjin u li jissopravvivu dawn iż-żminijiet ta' kriżi, u joħolqu reżiljenza fis-settur; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fl-appoġġ tagħhom għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

4. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-pjan ta' rkupru "Next Generation EU"; jinsab allarmat, madankollu, mill-fatt li l-ebda ammont speċifiku ma ġie allokat b'mod ċar għall-benefiċċju dirett tal-industriji kulturali u kreattivi; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-atturi kulturali u kreattivi għandhom ikunu mira ċara tal-azzjonijiet iffukati tal-Istati Membri u għandhom jibbenefikaw b'mod wiesa' u bil-ħeffa mill-fondi ta' rkupru;

5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, mill-inqas 2 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ddedikata għall-irkupru; jenfasizza li dan il-perċentwal għandu jirrifletti l-importanza tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi għall-PDG tal-UE, meta jitqies li dawn jirrappreżentaw 7,8 miljun impjieg u 4 % tal-PDG; itenni l-ħtieġa għal programmazzjoni preċiża u pjanijiet finanzjarji mfassla biex jiżguraw il-kontinwità tan-negozju fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u li l-persuni attivi fil-qasam jingħataw prevedibbiltà;

6. Jilqa' l-ħolqien ta' REACT-EU bħala pjan ta' azzjoni dirett bil-għan li jipprovdi finanzjament addizzjonali lir-reġjuni u s-setturi ekonomiċi affettwati ħafna; jilqa' l-fatt li l-kultura ġiet identifikata bħala settur importanti u affettwat; jinsab imħasseb, madankollu, li ma ttieħdet l-ebda miżura biex jiġi żgurat li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jibbenefikaw minn din l-inizjattiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bħala setturi strateġiċi u prijorità taħt il-Pjan ta' Rkupru tal-UE u jidentifikaw baġit ċar assoċjat ma' azzjonijiet rapidi u konkreti ddedikati għall-irkupru ta' dawn l-atturi; dan għandu jkun ta' benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-artisti indipendenti, u jkun immirat mhux biss lejn l-irkupru ekonomiku tagħhom iżda wkoll lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

7. Jikkritika l-fatt li l-programm Ewropa Kreattiva ma rċieva l-ebda finanzjament addizzjonali mill-fond Next Generation EU u jitlob li l-baġit globali tal-UE Kreattiva jiżdied għal EUR 2,8 biljun;

8. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli domestiċi soċjali, fiskali u ekonomiċi speċifiċi li normalment jiġu applikati għall-atturi tas-setturi kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jiġu estiżi matul u wara l-kriżi; jitlob li l-Istati Membri jinkludu l-SMEs li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru tal-SMEs li diġà implimentaw; jitlob li l-Istati Membri jikkunsidraw li joffru appoġġ finanzjarju lill-postijiet u l-avvenimenti kulturali hekk kif jimplimentaw miżuri ġodda ta' saħħa u sikurezza;

9. Jappella għal aktar koordinazzjoni sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet konkreti li jistgħu jappoġġjaw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi matul is-sitwazzjoni attwali u kwalunkwe tnedija mill-ġdid futura; jilqa' l-kampanji #saveEUculture u #double4culture tas-settur, kif ukoll l-isforz tal-Kummissjoni biex tippromwovi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bil-kampanja #CreativeEuropeAtHome;

10. Jinnota bi tħassib li x-xbieki ta' sikurezza soċjali spiss ma kinux aċċessibbli għall-professjonisti kreattivi f'forom ta' impjieg mhux standard; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-benefiċċji soċjali għall-professjonisti kreattivi kollha, inklużi dawk f'forom ta' impjieg mhux standard;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi u fl-industriji kulturali u kreattivi fil-livell tal-UE, li jkun jirrifletti l-ispeċifiċitajiet tas-settur u jintroduċi linji gwida u prinċipji bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għall-impjiegi transnazzjonali;

12. Jinnota li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ikomplu jfixklu l-kooperazzjoni kulturali Ewropea u ħallew impatt serju fuq il-mobilità internazzjonali u t-turiżmu, li jirrappreżentaw sors ewlieni ta' dħul għall-atturi kulturali; jinnota li l-finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali, it-turiżmu u l-koproduzzjoni spiss tnaqqas u ġie direzzjonat lejn fondi ta' emerġenza relatati mal-pandemija; jinsab imħasseb dwar l-effett detrimentali ta' dawn il-miżuri fuq il-kollaborazzjoni kulturali Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jillimitaw ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati tax-Schengen, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-Istati Membri għal turiżmu, avvenimenti kulturali live u attivitajiet kulturali transfruntiera sikuri;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-mobilità tal-artisti sabiex ikunu jistgħu jiskambjaw prattiki u tekniki, u b'mod sinifikanti jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jappoġġja bil-qawwa r-rikonoxximent reċiproku konkomitanti tal-kompetenzi artistiċi;

14. Jilqa' l-ħolqien tal-istrument tal-UE għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE), li huwa maħsub biex jappoġġja l-miżuri ta' xogħol b'ħinijiet iqsar stabbiliti mill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom; iqis li dan l-istrument, peress li jkopri kemm jista' jkun atturi kulturali, inklużi awturi freelance, nies fid-dinja tal-ispettaklu, artisti u kreaturi tal-arti oħra, jista' jippermetti lill-atturi kulturali u kreattivi jibqgħu fil-qasam tal-attività tagħhom filwaqt li jikkumpensa għat-telf tad-dħul tagħhom u jiżgura li l-għarfien espert ma jintilifx; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jipprovdu garanziji adegwati sabiex SURE jkun jista' jopera malajr u jkun disponibbli għall-entitajiet legali kollha, inklużi l-entitajiet mhux formali fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

15. Huwa tal-fehma li l-pandemija attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomiji tagħna m'għandhomx jintużaw bħala argument biex ikompli jitnaqqas l-infiq pubbliku nazzjonali jew Ewropew fuq il-kultura; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-programm Ewropa Kreattiva u s-sottoprogrammi MEDIA u Culture, kif ukoll il-fergħat transsettorjali tiegħu f'li jiġu żgurati kooperazzjoni Ewropea u grad ġust ta' stabbiltà fis-settur permezz tal-aċċess għall-finanzjament Ewropew b'tali mod li jippermetti lill-proġetti jiżviluppaw sħubijiet fuq terminu twil; jistieden lill-Kummissjoni tintegra s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi permezz tal-QFP; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Parlament talab irduppjar meħtieġ tal-baġit allokat għall-programm Ewropa Kreattiva għall-QFP li jmiss u jafferma mill-ġdid bil-qawwa l-pożizzjoni tiegħu fl-appoġġ tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u l-ħaddiema tagħhom; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-programmi jiġu ffinalizzati u adottati malajr kemm jista' jkun sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-predeċessuri tagħhom; jenfasizza li, jekk il-bidu tal-perjodu ta' finanzjament il-ġdid jiddewwem, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura tranżizzjoni biex jitnaqqas id-distakk bejn il-programm Ewropa Kreattiva attwali u dak il-ġdid;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tikkomunika b'mod ċar firxa wiesgħa ta' sorsi ta' finanzjament imħallta li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; jinsisti li l-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni futura ddedikata għall-industriji kulturali u kreattivi fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għandu jkollha rwol ewlieni f'dan il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-finanzjament ta' Orizzont Ewropa għas-setturi kulturali u kreattivi attivi fl-isperimentazzjoni kulturali, l-innovazzjoni u r-riċerka artistika; itenni l-ħtieġa għal sinerġiji li qed jikbru fil-livell Ewropew filwaqt li fl-istess ħin jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi u diġitali ġodda li jistgħu jgħinu lis-settur fiż-żminijiet attwali u lil hinn;

17. Jirrikonoxxi l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fil-ħolqien, il-produzzjoni, it-tixrid u l-aċċessibbiltà ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tidentifika l-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej u tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet għall-ħiliet u l-infrastruttura diġitali;

18. Jinnota li l-maġġoranza tal-miżuri ta' appoġġ imfassla s'issa kienu bbażati fuq is-self, għażla li mhijiex sostenibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha fl-ekosistemi kulturali; jitlob appoġġ imdaqqas u primarju bbażat fuq l-għotjiet għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-komunitajiet lokali;

19. Jilqa' l-miżuri ġodda ta' appoġġ taħt il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF), li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għal finanzjament tad-dejn affordabbli għall-SMEs fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; jissottolinja l-ħtieġa għaliha li tkun disponibbli b'mod aktar wiesa', filwaqt li tkopri l-Istati Membri u r-reġjuni u l-SMEs ta' kull daqs; jitlob li tiġi infurzata l-introduzzjoni tas-CCS GF taħt InvestEU, fejn toffri aktar flessibbiltà għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-SMEs fil-qasam kulturali u kreattiv jibbenefikaw minn aktar appoġġ f'termini ta' finanzjament tad-dejn permezz tal-istrumenti futuri tal-faċilità ta' garanzija taħt il-Programm InvestEU 2021-2027;

21. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda żvilupp ulterjuri biex jippermetti l-aċċess għal riżorsi finanzjarji għal NGOs u organizzazzjonijiet iżgħar; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw il-kriterji u l-politiki attwali tagħhom f'termini ta' garanzija, speċjalment għal dawk l-SMEs li għandhom profili ta' riskju ogħla b'aċċess baxx jew mingħajr aċċess għas-swieq finanzjarji u li jiġġeneraw assi intanġibbli;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittaffi l-impatt, li kull ma jmur dejjem qed jiżdied, tal-kriżi fuq is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, fi żmien meta l-kanċellazzjoni kontinwa ta' festivals u avvenimenti kulturali qed ikollha konsegwenzi finanzjarji diżastrużi, b'mod partikolari għas-settur tal-mużika u tal-arti tal-ispettaklu kif ukoll għall-artisti indipendenti; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti pjattaformi diġitali Ewropej iddedikati għall-arti tal-ispettaklu sabiex jikkondividu kemm jista' jkun kontenut kulturali u prodotti kreattivi Ewropej; jitlob li tali pjattaformi jitfasslu b'kunsiderazzjoni tar-remunerazzjoni ġusta tal-artisti, il-kreaturi tal-arti u l-kumpaniji; jitlob li jkun involut b'mod aktar qawwi fl-identifikazzjoni flimkien mal-atturi rilevanti tas-soluzzjonijiet għall-appoġġ tal-attivitajiet u speċjalment l-artisti u l-kreaturi tal-arti affettwati mill-kanċellazzjoni ta' festivals u avvenimenti kulturali ewlenin;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika jekk il-metodi ta' distribuzzjoni finanzjarja nazzjonali għall-finanzjament kulturali humiex aċċessibbli għall-kreaturi tal-arti kollha, u jekk l-allokazzjoni hijiex indipendenti, ħielsa u ġusta; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi aħjar sabiex tipprovdi fluss affidabbli u kostanti ta' data relatata mas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

24. Ifakkar lill-Istati Membri li jistgħu jintużaw miżuri oħra biex jgħinu lis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jirkupraw mill-kriżi, bħal rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti u s-servizzi kulturali kollha, valutazzjoni aħjar tal-assi intanġibbli u krediti tat-taxxa għall-produzzjoni kulturali;

25. Jirrimarka li t-turiżmu jirrappreżenta 10,3 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea, li 40 % minnu huwa marbut mal-offerta kulturali; iqis li l-irkupru gradwali tat-turiżmu huwa opportunità biex jiġu promossi b'mod attiv il-kultura u l-wirt Ewropew filwaqt li jitqiegħdu s-sisien għal turiżmu Ewropew sostenibbli; jitlob, f'dan ir-rigward, it-tnedija ta' programm annwali għall-ħolqien tal-valur tal-wirt u kulturali Ewropew li jirrifletti d-diversità kulturali Ewropea; jitlob li l-fondi strutturali jinkludu, kemm jista' jkun, il-preservazzjoni kulturali u l-kreazzjoni artistika fil-proġetti li jappoġġjaw; jenfasizza l-valur miżjud importanti tat-turiżmu storiku u kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu politika integrata sabiex jappoġġjaw il-qawmien mill-ġdid ta' dan is-settur;

26. Iqis li għandna naħtfu din l-opportunità biex nippromwovu l-kontenut kulturali Ewropew madwar id-dinja billi nħeġġu l-produzzjoni Ewropea u niżviluppaw networks tax-xandir Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri sabiex il-leġiżlazzjoni rilevanti tkun tista' tiġi trasposta kemm jista' jkun mingħajr xkiel, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva[6], id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali[7] u d-Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable[8]; jissottolinja l-potenzjal tal-industrija tal-films u l-vidjows u jitlob li jkun hemm sħubija pan-Ewropea mfassla biex tappoġġja lill-kreaturi tal-arti Ewropej f'dan il-qasam; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' dawk id-direttivi u l-proposti leġiżlattivi li ġejjin iridu jippreservaw u jippromwovu mekkaniżmi kollettivi biex jiżguraw protezzjoni adegwata tal-kreaturi tal-arti individwali;

27. Jirrikonoxxi l-istat dgħajjef tal-ekosistema tal-midja u l-istat ħażin tal-midja tal-aħbarijiet lokali u reġjonali kif ukoll dawk li joperaw fi swieq iżgħar; iqis li peress li midja ħielsa, indipendenti u ffinanzjata biżżejjed hija wkoll antidotu għat-tixrid u l-effikaċja tad-diżinformazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġiji fuq terminu medju u twil f'dan ir-rigward, inklużi inizjattivi speċifiċi biex jappoġġjaw il-midja lokali u reġjonali u dawk li joperaw fi swieq żgħar; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta' fond tal-midja tal-aħbarijiet ibbażat fuq il-prinċipju ta' distakkament; jappoġġja l-proposti li jmiss tal-Kummissjoni għal pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, speċjalment ir-regoli ġodda u riveduti tiegħu dwar il-pjattaformi online u r-reklamar online; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni lill-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja, li spiss tnaqqas il-pluralità u d-diversità tal-aħbarijiet u jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq is-suq tal-informazzjoni; jappoġġja l-Pjan ta' Azzjoni għall-Midja u l-Awdjoviżiv ippjanat u l-objettivi ddikjarati tiegħu li tiżdied il-kompetittività u li tingħata għajnuna lit-trasformazzjoni diġitali tas-settur;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni artistika, li hija vitali għall-kultivazzjoni tad-demokrazija u l-irkupru b'saħħtu tas-soċjetajiet mill-kriżi bla preċedent; jissottolinja l-importanza tal-finanzjament Ewropew għall-promozzjoni u ż-żamma tal-libertajiet u d-diversità kulturali u tal-midja; iqis li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma fost l-aktar setturi dinamiċi tal-ekonomija, li għandhom jippromwovu b'mod sostanzjali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jistgħu jaġixxu bħala katalist b'saħħtu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta;

29. Jissottolinja l-potenzjal tad-diversità kulturali fis-sensibilizzazzjoni globali tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, u jappella għal approċċ ibbilanċjat li jintegra firxa wiesgħa ta' atturi minn reġjuni differenti u ta' daqsijiet differenti; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni xierqa tal-programmi eżistenti u tal-azzjonijiet tal-UE bħaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, u biex tintegra evalwazzjoni finanzjarja li tippermetti komunikazzjoni aħjar dwar il-wirt u r-rotot kulturali, sabiex iċ-ċittadini jkun jista' jkollhom aċċess għal fehim aħjar tal-azzjonijiet tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi politika ambizzjuża u inklużiva ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni għall-kultura fl-Ewropa, li tippermetti li l-kontenut, l-avvenimenti u l-postijiet kulturali Ewropej igawdu minn firxa verament Ewropea u globali;

30. Huwa tal-fehma li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jassistu lill-atturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa għandhom jappoġġjaw atturi u inizjattivi li jirriflettu d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, inklużi l-lingwi minoritarji u l-lingwi ż-żgħar;

31. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura f'li jidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi u tgħinhom jillimitaw, kemm jista' jkun, it-tfixkil ikkawżat mill-pandemija, b'mod partikolari ma' dawk il-bliet li għandhom it-titolu fl-2020 u fl-2021, permezz ta' djalogu fil-fond mal-organizzaturi; jenfasizza l-importanza ta' aktar mekkaniżmi ta' appoġġ u soluzzjonijiet finanzjarji disponibbli għalihom; itenni l-fatt li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali saru bidliet lill-kalendarju tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, u jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jevalwaw il-possibbiltà li jittawwal il-perjodu għall-bliet organizzaturi li ġejjin;

32. Jappella għal aktar sforzi biex jiġi sfruttat il-momentum tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali b'tali mod li niżviluppawh f'legat politiku dejjiemi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar integrat lejn il-wirt kulturali, li jittratta l-patrimonju tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali bħala interkonness u inseparabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita pjattaforma permanenti, bis-soċjetà ċivili organizzata fil-qalba tagħha, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politiki ta' wirt kulturali fil-livell tal-UE; jitlob ukoll qafas komprensiv għall-wirt kulturali diġitali, li jiffoka b'mod partikolari fuq l-isforzi għad-diġitizzazzjoni tal-wirt eżistenti u l-aċċessibbiltà mifruxa tal-materjal kulturali diġitalizzat; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza tal-interoperabbiltà u l-istandards; jitlob li ssir reviżjoni bir-reqqa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali[9];

33. Jissottolinja li matul il-lockdown ħafna siti ta' wirt kulturali tħallew mingħajr superviżjoni u mingħajr manutenzjoni xierqa, li wassal għall-ħsara lil dawn is-siti, li diġà huma suxxettibbli għad-degradazzjoni ambjentali, id-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-iskavar illegali jew it-traffikar illeċitu. jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi fis-settur tal-wirt kulturali, li jiġu appoġġjati l-professjonisti tar-restawr u l-esperti tal-wirt, u li jiġu mgħammra bl-għodod li għandhom bżonn biex jipproteġu s-siti ta' wirt Ewropew;

34. Iqis li d-dimensjoni kulturali jeħtieġ li tifforma parti mid-djalogu maċ-ċittadini, b'mod partikolari matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza