Proċedura : 2020/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0257/2020

Testi mressqa :

RC-B9-0257/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 11
CRE 15/09/2020 - 11

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0240

<Date>{16/09/2020}16.9.2020</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0257/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0259/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0261/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0265/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0269/2020</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 187kWORD 54k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9-0257/2020 (PPE)

B9-0259/2020 (GUE/NGL)

B9-0261/2020 (Renew)

B9-0265/2020 (S&D)

B9-0269/2020 (Verts/ALE)</TablingGroups>


<Titre>dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku</Titre>

<DocRef>(2020/2780(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Esther de Lange, Andreas Schwab, Peter Liese, Roberta Metsola</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Sara Cerdas</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Véronique Trillet-Lenoir, Nicolae Ştefănuță, Dita Charanzová</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Petra De Sutter, Anna Cavazzini, Francisco Guerreiro, Monika Vana, Tilly Metz</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Kateřina Konečná</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku

(2020/2780(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikoli 4, 6, 9, 21, 67, 114, 153, 169 u 191 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 35 u 45 tagħha,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera[1] (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[2] (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu), u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minqux fiha,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali[3] u li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19"[6],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (COM(2020)0399),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19[8],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19 (COM(2020)0318),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2020 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0499),

 wara li kkunsidra r-rapport l-aktar riċenti dwar it-theddid mill-mard li jittieħed (CDTR) taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-linji gwida tas-saħħa pubblika u l-protokolli ta' rapportar tal-ECDC dwar il-COVID‑19,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[9],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, mill-perspettiva tal-ġestjoni tar-riskji, il-pandemija tal-COVID-19 għaddiet mill-fażi akuta għall-fażi kronika; billi jidher probabbli li l-virus se jibqa' attiv sakemm jinstab vaċċin effikaċi u sikur u jiġi fornut fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa f'parti kbira ħafna tal-popolazzjoni globali; billi dan ifisser li se nkomplu ngħixu f'ċirkostanzi diffiċli għal mill-inqas diversi xhur oħra;

B. billi l-prevalenza, l-intensità taċ-ċirkolazzjoni u d-durata taċ-ċirkolazzjoni tal-COVID-19 ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor fl-istess Stat Membru;

C. billi diversi vaċċini jinsabu fi stadji avvanzati ta' ttestjar, iżda s'issa ma tlestiet il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-UE ta' ebda vaċċin;

D. billi l-istaġun ta' kull sena tal-influwenza x'aktarx li jżid l-għadd ta' nies b'sintomi ħfief li għandhom jiġu ttestjati;

E. billi l-kapaċità tal-ittestjar f'xi Stati Membri għadha mhijiex biżżejjed; billi xi drabi n-nies ikollhom jistennew ħafna ġranet biex jingħataw ir-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 tagħhom; billi dan jaffettwa b'mod sinifikanti l-kapaċità tagħhom li jaħdmu u jivvjaġġaw;

F. billi xi Stati Membri qed jirrifjutaw li jirrikonoxxu testijiet tal-COVID-19 li jkunu saru fi Stat Membru ieħor; billi tali nuqqas ta' fiduċja qed jikkomplika ħafna l-ħajja tan-nies;

G. billi l-approċċi differenti li ntużaw fl-UE għall-ġbir ta' data relatata mal-COVID‑19 jagħmluha diffiċli li d-data titqabbel;

H. billi għad m'hemm ebda metodoloġija armonizzata għall-ġbir u l-evalwazzjoni tal-għadd ta' persuni infettati u lanqas metodoloġija armonizzata rigward is-"semafori" tal-COVID-19; billi minħabba dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni, id-data dwar persuni infettati spiss tiġi interpretata b'mod differenti ħafna fl-Istati Membri, u dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni indebita kontra ċittadini minn Stati Membri oħra;

I. billi r-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa wera nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE f'termini ta' koordinazzjoni tal-miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tan-nies fi ħdan il-fruntieri u bejn il-fruntieri;

J. billi biż-żieda reċenti ta' każijiet ġodda ta' COVID-19 madwar l-UE, l-Istati Membri reġgħu ħadu miżuri differenti u mhux koordinati dwar il-moviment liberu għall-persuni li jivvjaġġaw minn pajjiżi oħra tal-UE, u f'xi każijiet għalqu l-fruntieri tagħhom; billi kull Stat Membru uża l-miżuri nazzjonali proprji mingħajr koordinazzjoni fil-livell tal-UE, inklużi l-kwarantina obbligatorja jew rakkomandata (fejn inħtieġu perjodi differenti ta' kwarantina), testijiet negattivi ta' reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) mal-wasla b'perjodi differenti ta' validità massima, l-użu ta' formoli nazzjonali differenti ta' lokalizzazzjoni tal-vjaġġaturi, l-użu ta' kriterji differenti għad-definizzjoni ta' żoni ta' riskju u rekwiżiti differenti fir-rigward tal-użu tal-maskri;

K. billi ħafna Ewropej ġew soġġetti għal regoli differenti mhux biss skont in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom, iżda anke skont fejn ikunu vvjaġġaw; billi dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni matul il-perjodu tas-sajf wassal għal kontrolli u miżuri diżorganizzati fil-fruntieri, kif ukoll fl-ajruporti u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija;

L. billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatti kbar fuq is-saħħa u, f'ħafna każijiet, konsegwenzi negattivi sinifikanti ħafna għad-drittijiet fundamentali u għall-iskambji ekonomiċi, xjentifiċi, soċjali, turistiċi u kulturali;

M. billi l-għoti tal-kura tas-saħħa huwa, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, iżda s-saħħa pubblika hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni;

N. billi għad hemm lok biex l-Unjoni Ewropea twettaq aħjar il-politika tas-saħħa pubblika fil-parametri eżistenti tat-Trattati; billi d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa pubblika previsti mit-Trattati għadhom sostanzjalment mhux utilizzati biżżejjed f'termini tal-impenji li jistgħu jitwettqu permezz tagħhom; billi l-appell tal-Parlament għall-ħolqien ta' Unjoni tas-Saħħa Ewropea, kif imfisser fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju, għandu jittenna f'dan ir-rigward;

O. billi t-theddid transfruntier jista' jiġi indirizzat biss b'mod konġunt u għalhekk jirrikjedi kooperazzjoni u solidarjetà fi ħdan l-Unjoni u approċċ Ewropew komuni;

P. billi sa mill-bidu tat-tixrid usa' tal-COVID-19 fl-UE, il-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri koordinati dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi fis-suq intern; billi l-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi huma tlieta mill-pilastri essenzjali tal-erba' libertajiet, li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

Q. billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri, inkluża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kif minquxa fid-dritt tal-Unjoni; billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jew mill-Unjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; billi dawn il-miżuri għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati, temporanji u b'kamp ta' applikazzjoni limitat;

R. billi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex għażla iżda obbligu previst mit-Trattati u parti mill-valuri Ewropej tagħna;

S. billi r-restrizzjonijiet skoordinati fuq il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE qed jifframmentaw b'mod qawwi s-suq intern;

T. billi l-Kummissjoni diġà ħadet diversi inizjattivi biex ittejjeb il-koordinazzjoni, bħall-adozzjoni ta' linji gwida, komunikazzjonijiet, ittri amministrattivi u proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

U. billi l-Kunsill għandu jappoġġja din ir-rakkomandazzjoni u jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istati Membri jikkoordinaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fi sforz biex iwaqqfu jew jillimitaw it-tixrid tal-virus;

V. billi huwa importanti ferm li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ biex il-prinċipju tal-moviment liberu u l-funzjonament tas-suq intern jitħarsu bħala tnejn mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, u prerekwiżit fundamentali għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

W. billi r-restrizzjonijiet diverġenti fuq l-ivvjaġġar wasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjiriet ta' ħafna ċittadini, li għadhom ma ġewx rimborżati għalihom;

X. billi l-Parlament, bħala koleġiżlatur u l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE, irid jiġi inkluż bħala parti integrali u essenzjali tad-diskussjonijiet kollha dwar il-koordinazzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata din il-kriżi tas-saħħa;

Y. billi jidher li l-Istati Membri ma tgħallmux il-lezzjonijiet misluta mill-bidu tal-kriżi; billi m'hemm l-ebda politika tas-saħħa komuni Ewropea, iżda hemm biss għadd kbir ta' politiki nazzjonali;

Z. billi l-UE teħtieġ li tippjana bil-quddiem biex tiffaċċja l-kontinwazzjoni possibbli tal-pandemija tal-COVID-19 u/jew kriżijiet oħrajn possibbli simili fin-natura tagħhom;

1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatti tat-tifqigħa tal-COVID‑19 u l-konsegwenzi fit-tul tagħha fuq il-benessri tan-nies madwar id-dinja, b'mod partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni anzjani u dawk li diġà qed ibatu minn problemi ta' saħħa;

2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 f'diversi Stati Membri minn Ġunju 'l hawn u jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa ta' ġestjoni tas-saħħa kondiviża u kkoordinata biex din il-pandemija tiġi miġġielda b'mod effikaċi;

3. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li ċ-ċittadini jkollhom rashom mistrieħa rigward il-konsistenza tal-miżuri meħuda minn Stat Membru għal ieħor, u dan jgħin biex iċ-ċittadini jiġu persważi jaderixxu ma' dawn il-miżuri;

4. Ifakkar li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

5. Jissottolinja li dan id-dritt jista' jiġi ristrett biss għal raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-politika pubblika u s-sigurtà pubblika; jinsisti li tali restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni;

6. Jirrimarka li l-kontrolli fil-fruntieri interni huma miżura tal-aħħar istanza u jfakkar li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk miżuri oħra jistgħux ikunu ugwalment jew aktar adatti biex jintlaħaq l-istess objettiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħrfu l-possibbiltà li jimponu kontrolli minimi tas-saħħa u/jew kontrolli proporzjonati min-naħa tal-pulizija bħala alternattiva aħjar għall-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni u jadottaw biss miżuri li jkunu strettament neċessarji, koordinati u proporzjonati;

7. Iqis li hu essenzjali li l-fruntieri interni tal-UE jinżammu miftuħin għall-merkanzija u s-servizzi fi ħdan l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea, peress li l-għeluq tal-fruntieri interni jista' jkollu effetti negattivi fuq is-suq intern; jirrimarka li huwa essenzjali li jkun hemm impenn għall-adozzjoni ta' miżuri komuni li jerġgħu jibnu l-fiduċja bejn l-Istati Membri sabiex jerġa' jibda l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi fis-suq intern;

8. Itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isegwu kooperazzjoni dedikata, strutturata u effikaċi f'dan il-kuntest, sabiex jiddefinixxu u jantiċipaw il-ħtieġa ta' miżuri komuni;

9. Jirrimarka li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għadu jenfasizza li hemm disparitajiet fil-ġbir u r-rapportar tad-data mill-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni ma jħalliniex ikollna stampa ċara u sħiħa tat-tixrid tal-virus fl-Ewropa f'kull mument;

10. Jinnota li kull Stat Membru qed isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-kunsill xjentifiku tiegħu stess b'koordinazzjoni limitata ħafna mal-Istati Membri l-oħra jew mal-Kummissjoni;

11. Iqis li l-ECDC għandu jkun kapaċi jevalwa b'mod adegwat u effikaċi r-riskju tat-tixrid tal-virus u jippubblika mappa tar-riskju li tiġi aġġornata kull ġimgħa, abbażi ta' kodiċi kromatiku komuni, stabbilita skont l-informazzjoni miġbura u pprovduta mill-Istati Membri;

12. Jappoġġa l-kodiċi kromatiku proposta mill-Kummissjoni fil-proposta reċenti tagħha għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill; iqis li l-kategorizzazzjoni ssuġġerita (aħdar, oranġjo, aħmar u griż) se tiffaċilita l-moviment fl-UE u se tagħti liċ-ċittadini informazzjoni aktar trasparenti;

13. Iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, jadotta u jimplimenta malajr il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19; jinsisti li qafas komuni bħal dan huwa kruċjali biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq intern, mhux l-inqas billi jiġu stabbiliti regoli ċari għall-vjaġġaturi li jwettqu funzjonijiet essenzjali, bħall-ħaddiema tat-trasport, il-fornituri ta' servizzi transfruntiera bħall-kura tas-saħħa u tal-anzjani, u l-ħaddiema staġjonali;

14. Jissottolinja li l-metodoloġija u l-kriterji komuni adottati u l-mapep żviluppati mill-ECDC għandhom jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat rigward il-proċessi deċiżjonali proprji tal-Istati Membri, u jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri tkun konsistenti u kkoordinata tajjeb;

15. Jirrikonoxxi l-importanza tar-rati kumulattivi ta' inċidenza u tar-rati ta' pożittività tat-testijiet fl-evalwazzjoni tat-tixrid tal-virus, iżda jqis li kriterji oħrajn bħar-rati ta' pazjenti li jiddaħħlu l-isptar u r-rati ta' okkupanza tal-unitajiet tal-kura intensiva għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi metodoloġija komuni għall-ġbir ta' data dwar is-saħħa u għall-għadd u r-rapportar tan-numru ta' mwiet;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-istess definizzjoni għal każ pożittiv ta' COVID-19, għal mewt bil-COVID-19 u għall-irkupru mill-infezzjoni;

18. Jissottolinja li definizzjonijiet, kriterji tas-saħħa u metodoloġiji komuni jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu analiżi komuni tar-riskju epidemjoloġiku fil-livell tal-UE;

19. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-approċċ reġjonali ssuġġerit mill-Kummissjoni; iqis li l-immappjar tar-riskju tal-ECDC għandu jsir fil-livell reġjonali u mhux biss fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jittrażmettu lill-ECDC id-data miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi reġjonali;

20. Ifakkar li l-ECDC irrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu miżuri bażiċi minimi biex jevitaw it-tixrid tal-virus, bħal miżuri ta' iġjene, tbegħid fiżiku u limitazzjoni tal-ammont ta' nies miġburin f'daqqa, l-użu ta' maskri f'ambjenti speċifiċi, arranġamenti ta' telexogħol, ittestjar estensiv, l-iżolament ta' każijiet, il-kwarantina ta' persuni li jkunu ġew f'kuntatt ma' persuni infettati u l-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli;

21. Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC imsemmija hawn fuq u jiddefinixxu qafas komuni ta' miżuri tas-saħħa li l-awtoritajiet pubbliċi fiż-żoni affettwati għandhom jadottaw sabiex iwaqqfu t-tixrid tal-pandemija;

22. Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw u jikkondividu miżuri addizzjonali jekk ir-rata ta' trażmissjoni tiżdied, inklużi interventi li jillimitaw il-moviment tal-popolazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' kuntatti għal kull persuna u jipprojbixxu l-avvenimenti tal-massa, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni b'riskju għoli;

23. Iqis li qafas bħal dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn iż-żoni affettwati, u jevita li jkun hemm miżuri restrittivi ta' reazzjoni;

24. Jirrimarka li l-ekonomija u l-ħajjiet ta' kuljum tan-nies li jgħixu fir-reġjuni transfruntiera ġew affettwati b'mod negattiv mill-għeluq tal-fruntieri u li diversi Stati Membri introduċew eżenzjonijiet u adattamenti speċifiċi tar-regoli għal dawn ir-reġjuni; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntieri, fejn l-ivvjaġġar transfruntier huwa komuni, u jinsistu fuq il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali f'dawn l-oqsma, jistabbilixxu mekkaniżmi tas-saħħa konġunti għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali u jintroduċu l-hekk imsejħa korsiji ħodor għall-ħaddiema essenzjali;

25. Jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija komuni ta' ttestjar li fil-qafas tagħha r-riżultati tat-testijiet jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha u jiġu pprovduti kapaċitajiet ta' ttestjar adegwati biex jiġi żgurat li kull min jeħtieġ jagħmel test ikun jista' jagħmel dan mingħajr ħinijiet ta' stennija sproporzjonati; iqis li l-ittestjar għal skopijiet ta' vjaġġar, fejn meħtieġ, għandu preferibbilment isir fil-pajjiż tal-oriġini; iqis ukoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ifasslu lista tal-awtoritajiet li jkollhom l-awtorità li joħorġu ċertifikat tal-ittestjar għal dawn il-finijiet, sabiex dan il-proċess jiġi ssalvagwardat mill-abbuż;

26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC jevalwaw il-possibbiltà li jagħmlu użu mit-testijiet ta' 15-il minuta, li huma affidabbli iżda mhux għaljin;

27. Ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw apps għat-traċċar tal-COVID-19 bl-użu tal-istess arkitettura deċentralizzata; jistenna li l-interoperabbiltà ta' dawn l-apps tinkiseb fil-livell tal-UE sa Ottubru, sabiex ikun jista' jsir traċċar tal-COVID-19 fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jużaw dawn l-apps, u jagħmlu dan f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

28. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, filwaqt li jikkunsidraw l-opinjoni tal-ECDC, jaqblu dwar perjodu ta' kwarantina komuni fir-rigward tal-ivvjaġġar essenzjali u mhux essenzjali bejn il-pajjiżi tal-UE, u l-ivvjaġġar essenzjali u mhux essenzjali lejn l-UE minn pajjiżi terzi;

29. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw protokoll komuni għall-monitoraġġ tal-pazjenti asintomatiċi, għal miżuri rigward l-iżolament tal-pazjenti li jkunu ħarġu pożittivi għall-COVID-19, kif ukoll għal miżuri ta' iżolament għall-persuni li jkunu ġew f'kuntatt ma' dawk il-pazjenti;

30. Jilqa' l-użu tal-formoli għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri min-naħa taċ-ċittadini; iqis li għandha tingħata prijorità lill-użu ta' verżjoni armonizzata tal-formola ta' informazzjoni għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar, u li din għandha tiġi pprovduta f'format analoġiku biex jiġi żgurat aċċess għall-Ewropej kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa formola armonizzata għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri bil-għan li tinħoloq fiduċja f'sistema ta' monitoraġġ applikabbli fl-UE kollha;

31. Jinsisti li l-formola għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u l-użu tagħha trid tkun konsistenti bis-sħiħ mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, partikolarment l-integrità u l-kunfidenzjalità; jinsisti li d-data rreġistrata għandha tintuża biss għat-traċċar tal-kuntatti tal-COVID-19 u għall-ebda skop ieħor, bi qbil mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġġornaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom skont il-bżonn;

32. Itenni l-appell li għamel lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19 biex tipproponi l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju (EHRM) biex tirrispondi għat-tipi kollha ta' kriżijiet tas-saħħa, issaħħaħ il-koordinazzjoni operattiva fil-livell tal-UE u timmonitorja l-kostituzzjoni u l-iskattar tar-riżerva strateġika tal-mediċini u tat-tagħmir mediku u tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha; jenfasizza li l-EHRM għandu jifformalizza l-metodi ta' ħidma stabbiliti waqt il-kriżi tas-saħħa tal-COVID‑19, filwaqt li jibni fuq il-miżuri previsti fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa[10] u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

33. Jitlob li tiġi stabbilita task force tal-COVID-19 immexxija mill-Kummissjoni fil-qafas tal-EHRM; iqis li kull Stat Membru għandu jkun rappreżentat f'din it-task force u għandu jaħtar punt ta' kuntatt mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu; jipproponi li l-objettiv ewlieni ta' din it-task force għandu jkun li xxerred regolarment ir-rakkomandazzjonijiet trażmessi fil-livell Ewropew u nazzjonali; iqis li l-Parlament għandu jkollu mandat ta' evalwazzjoni permanenti biex jivvaluta x-xogħol ta' din it-task force;

34. Ifakkar li l-għoti ta' informazzjoni ċara, f'waqtha u komprensiva lill-pubbliku huwa kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta' kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità min-naħa taċ-ċittadini;

35. Jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni ċara, aċċessibbli u li tinftiehem dwar in-numri ta' infezzjonijiet, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-miżuri fis-seħħ u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li din l-informazzjoni kruċjali jeħtieġ li tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u fil-lingwi użati minn partijiet sinifikanti tal-popolazzjoni biex jiġu inklużi l-persuni li jkunu ġejjin minn kuntest migratorju;

36. Jenfasizza li l-informazzjoni kollha trid tkun tista' tinftiehem faċilment mill-popolazzjoni kollha, inkluż minn persuni b'livelli ta' litteriżmu baxxi, bl-użu ta' kuluri ċari u armonizzati u simboli li jinftiehmu f'informazzjoni pubblika, u jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll f'format analoġiku f'postijiet xierqa biex ikunu inklużi persuni li m'għandhomx aċċess għall-internet jew li għandhom aċċess limitat;

37. Jistieden lill-kumpaniji tal-ajru jirrimborżaw lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija mill-aktar fis possibbli, u jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 261/2004; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-passiġġieri matul din il-pandemija;

38. Ifakkar li waqt il-pandemija tal-COVID‑19, diversi setturi kritiċi, bħalma huma s-setturi tal-ikel, il-farmaċewtika u s-saħħa, u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, esperjenzaw tfixkil enormi;

39. Jissottolinja l-ħtieġa ta' suq intern effikaċi, reżiljenti u li jibqa' validu fil-futur fejn il-prodotti u s-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini jibqgħu jitwasslu madwar l-UE u jkunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha;

40. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, flimkien mal-Istati Membri, analiżi komprensiva u transsettorjali tal-ekonomiji fi ħdan l-UE, sabiex tifhem il-kobor tal-impatti kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, u biex tivvaluta kemm ġew imħarbta l-ktajjen tal-valur transfruntiera; iqis li din tikkostitwixxi bażi ta' evidenza essenzjali sabiex il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet aġġornati u tiddetermina l-politiki ewlenin li se jkunu qed isaħħu, fi ħdan is-suq uniku, irkupru kollettiv fuq terminu twil li ma jħalli lil ħadd lura;

41. Itenni li, għall-ħajja ta' kuljum tan-nies, huwa kruċjali li l-konsenja ta' prodotti essenzjali bħal ikel, tagħmir mediku jew tagħmir protettiv tibqa' għaddejja fl-UE kollha fi kwalunkwe mument; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva mtejba dwar l-infrastruttura kritika biex jiġi żgurat il-moviment liberu kontinwu ta' prodotti u servizzi essenzjali fi ħdan is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi bħal pandemija;

42. Iqis li għandha tiġi żviluppata strateġija komprensiva f'dan ir-rigward sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fi kwalunkwe mument u jiġu evitati miżuri restrittivi unilaterali, filwaqt li jitqiesu l-miżuri tas-sigurtà u s-saħħa pubblika, u jitħeġġeġ l-irkupru ekonomiku sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq intern u nkunu ppreparati f'każ ta' kriżi ġdida;

43. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-appell tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jieħdu miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-esportazzjoni intra-UE ta' tagħmir protettiv personali, strumenti mediċi jew prodotti farmaċewtiċi importanti oħra;

44. Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru r-riżorsi tagħhom flimkien, inklużi l-kapaċitajiet ta' manifattura, biex jiġi żgurat li tiġi ssodisfata ż-żieda fid-domanda fl-UE għal tagħmir protettiv personali, ventilaturi u tagħmir mediku ieħor, provvisti tal-laboratorji u prodotti ta' sanitizzazzjoni, li jgħin ukoll biex jissaħħu r-riżervi tal-ħażna strateġika tar-rescEU;

45. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-qafas attwali tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku sabiex jimmassimizzaw il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-flessibbiltà għal akkwist aktar sempliċi, aktar rapidu u aktar flessibbli, u jirrimarka l-importanza tal-akkwist konġunt ta' mediċini, tagħmir mediku u tagħmir protettiv personali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u r-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi;

46. Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 kixfet dgħufijiet fil-protezzjoni tal-konsumaturi minħabba l-proliferazzjoni ta' skemi qarrieqa u prodotti mhux sikuri, partikolarment online; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet u li jiġi żgurat li s-suq uniku diġitali jkun ġust u sikur għal kulħadd permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid billi l-pjattaformi online jiġu mġiegħla jieħdu azzjoni xierqa kontra prodotti bħal dawn;

47. Jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġ ikunu infurmati sew dwar drittijiethom u dwar l-għażliet li jkollhom meta jixtru prodotti jew servizzi, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jipprovdu informazzjoni affidabbli u adegwata b'mod li tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi fl-Unjoni kollha;

48. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ta' Next Generation EU mill-aktar fis possibbli billi l-proċeduri nazzjonali neċessarji jagħmluhom sempliċi kemm jista' jkun u mingħajr burokrazija żejda biex jiġi żgurat li l-irkupru ekonomiku tal-UE jkun effikaċi fl-indirizzar tal-aktar kriżi profonda li l-UE ffaċċjat f'dawn l-aħħar żminijiet; jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 m'għandhiex tintuża bħala skuża biex tiġi posposta, imdgħajfa jew abolita l-implimentazzjoni ta' diversi standards tal-prodotti u tal-industrija, inklużi dawk imfassla biex jippromwovu s-sostenibbiltà, iżda minflok għandha tittieħed bħala opportunità biex is-suq uniku jittejjeb b'mod li jippromwovi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;

49. Iqis li ritorn rapidu għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ huwa ta' importanza fundamentali, u jistieden b'urġenza lill-Istati Membri jiddiskutu, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, Pjan ta' Rkupru għal Schengen, inklużi l-modi u l-mezzi kif iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u pjanijiet ta' kontinġenza, mill-aktar fis possibbli, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta' żmien;

50. Ifakkar li ġew introdotti restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għall-vjaġġi mhux essenzjali kollha lejn iż-żona Schengen; jissottolinja li d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rifjut ta' dħul fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali b'mod partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tiegħu;

51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw is-suq matul u wara l-kriżi b'mod proattiv sabiex tiġi evitata l-ħsara lill-konsumaturi b'rabta mas-sitwazzjoni tal-COVID-19 u jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

52. Jissottolinja li kwalunkwe miżura restrittiva imposta b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 mill-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun, minnha nfisha, limitata fiż-żmien, billi l-unika ġustifikazzjoni tagħha tkun li taffronta l-pandemija; jistenna li l-Kummissjoni toqgħod attenta li l-miżuri temporanji ma jsirux ostakli permanenti inġustifikati għall-moviment liberu ta' prodotti, servizzi u persuni fi ħdan is-suq intern;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għal "Ewropa reżiljenti", li tikkonsisti f'mappa ta' valutazzjoni tar-riskji u għażliet li jindirizzaw ġestjoni tajba, investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u risponsi għall-pandemija fil-livell tal-UE, inklużi ktajjen ta' provvista reżiljenti fl-UE, u b'hekk tiżgura l-produzzjoni ta' prodotti kruċjali bħal ingredjenti farmaċewtiċi, mediċini u tagħmir mediku;

54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

 

 

 

 

[1] ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

[2] ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

[3] ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1.

[4] ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 12.

[5] Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

[6] ĠU C 169, 15.5.2020, p. 30.

[7] Testi adottati, P9_TA(2020)0175.

[8] Testi adottati, P9_TA(2020)0205.

[9] ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

[10] ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza