Proċedura : 2020/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0260/2020

Testi mressqa :

RC-B9-0260/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 6
CRE 15/09/2020 - 6

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0230

<Date>{15/09/2020}15.9.2020</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0260/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0263/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0264/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0266/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0268/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0270/2020</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 179kWORD 54k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9-0260/2020 (GUE/NGL)

B9-0263/2020 (Verts/ALE)

B9-0264/2020 (S&D)

B9-0266/2020 (Renew)

B9-0268/2020 (ECR)

B9-0270/2020 (PPE)</TablingGroups>


<Titre>dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran</Titre>

<DocRef>(2020/2774(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Kris Peeters, David McAllister, Antonio López-Istúriz White, Manolis Kefalogiannis, Vangelis Meimarakis, David Lega, Loucas Fourlas, Lefteris Christoforou, Anna-Michelle Asimakopoulou</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Kati Piri, Tonino Picula, Nacho Sánchez Amor</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Nathalie Loiseau, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Sylvie Brunet, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Ilana Cicurel, Bernard Guetta, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Sergey Lagodinsky</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Hermann Tertsch, Elżbieta Kruk</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

<Depute>Stelios Kouloglou, Giorgos Georgiou</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL B9-0172/2020</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

(2020/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija[1], tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[2], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija[3], tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[4], tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti[5] u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru[6],

 wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-9 ta' Lulju 2020 dwar l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Lvant tal-Mediterran u r-rwol negattiv tat-Turkija,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2019)0220),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivitajiet ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Awwissu 2020 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir li reġgħet bdiet it-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet li għamel waqt konferenza stampa wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork, Mevlut Çavuşoğlu, fis-6 ta' Lulju 2020, l-osservazzjonijiet li għamel wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għad-Difiża Grieg, Nikolaos Panagiotopoulos, fil-25 ta' Ġunju 2020 u l-osservazzjonijiet li għamel wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiprijott, Nikos Christodoulides, fis-26 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija, u b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar il-Lvant tal-Mediterran, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2020 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tal-15 ta' Mejju 2020 u tal-14 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran,

 wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE (Gymnich) tat-28 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra t-Trattat tan-NATO tal-1949 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-3 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ajaccio wara s-seba' Summit tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni (MED7) tal-10 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 li tagħha huma firmatarji l-Greċja u Ċipru, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, u l-Karta tan-NU,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) u l-preċedenti stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Lvant tal-Mediterran, żona ta' importanza strateġika għall-UE u żona fundamentali għall-paċi u għall-istabbiltà tar-reġjuni tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani kollha kemm huma, huwa mifni minn għadd ta' tilwim, li ilu żmien twil u mifrux fuq diversi livelli, ta' natura politika, ekonomika u ġeostrateġika; billi t-tensjonijiet dejjem akbar fil-Lvant tal-Mediterran huma mkebbsa minn azzjonijiet unilaterali min-naħa tat-Turkija, b'mod partikolari l-miżuri unilaterali adottati mill-partijiet ikkonċernati, inkluża l-azzjoni militari, in-nuqqas ta' djalogu diplomatiku inklussiv u l-falliment deplorevoli tal-isforzi ta' medjazzjoni tal-kunflitt;

B. billi, sa mill-iskoperta ta' riżervi ta' gass naturali fil-baħar fil-bidu tas-snin 2000, it-Turkija sfidat lill-ġirien tagħha fir-rigward tad-dritt internazzjonali u d-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) tagħhom; billi l-iskoperta ta' riżervi ta' gass importanti fil-Mediterran, inkluża dik tal-baċir Leviathan fl-2010, segwita fl-2015 mill-baċir Zohr fil-baħar tal-Eġittu, l-akbar skoperta ta' gass naturali li qatt saret fil-Baħar Mediterran, qanqlu interess fir-reġjun u wasslu għal aktar esplorazzjonijiet u tħaffir fl-2018 u fl-2019;

C. billi t-Turkija ma ffirmatx l-UNCLOS, li tagħha l-Greċja u Ċipru huma firmatarji, minħabba t-tilwima marittima li għaddejja dwar id-delimitazzjoni ta' ŻEE; billi l-iżvilupp, intrinsikament kumpless, tad-dritt tal-baħar huwa interpretat b'mod differenti mill-Greċja u mit-Turkija; billi hemm rivendikazzjonijiet reċiproċi li l-interpretazzjoni tad-dritt marittimu min-naħa l-oħra tmur kontra d-dritt internazzjonali u li l-attivitajiet tan-naħa l-oħra huma illegali; billi t-tilwima msemmija qabel dwar id-delimitazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali bejn it-Turkija, minn naħa, u l-Greċja, mill-oħra, ilha mhux solvuta minn Novembru 1973;

D. billi t-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħba importanti tal-Unjoni Ewropea u, bħala pajjiż kandidat, hija mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż fil-konformità tagħha mal-konvenzjonijiet internazzjonali; billi l-UE hija ċara u determinata li tiddefendi l-interessi tal-Unjoni Ewropea, turi l-appoġġ sod tagħha u s-solidarjetà tagħha mal-Greċja u ma' Ċipru u tirrispetta d-dritt internazzjonali;

E. billi l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u tħaffir min-naħa tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran qegħdin jirriżultaw f'militarizzazzjoni intensa u perikoluża tal-Lvant tal-Mediterran, u b'hekk joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà tar-reġjun kollu; billi biex issostni lill-Greċja u lil Ċipru, fit-12 ta' Awwissu, Franza bagħtet żewġ bastimenti militari u ajruplani tal-ġlied fiż-żona, u fis-26 ta' Awwissu ħadet sehem f'taħriġ militari flimkien mal-Greċja, ma' Ċipru u mal-Italja;

F. billi fl-10 ta' Ġunju bastiment militari Franċiż iltaqa' ma' reazzjoni estremament ostili minn bastimenti tal-gwerra Torok meta, fil-qafas tal-missjoni Sea Guardian tan-NATO, kien qed jitlob li jispezzjona bastiment Tork issuspettat li kiser l-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja; billi, minn Jannar 2020, il-Greċja rreġistrat aktar minn 600 każ ta' ksur tal-ispazju tal-ajru tagħha mill-Forza tal-Ajru Torka; billi dawn l-attivitajiet tat-Turkija huma akkumpanjati minn retorika dejjem aktar ostili kemm kontra l-Greċja kif ukoll kontra Ċipru, Stati Membri oħra tal-UE u l-UE nnifisha;

G. billi t-taħditiet esploratorji bejn il-Greċja u t-Turkija ilhom wieqfa minn Marzu 2016; billi ngħatat spinta pożittiva favur relazzjonijiet bilaterali kemm mill-Prim Ministru Grieg kif ukoll mill-President Tork wara l-laqgħa li kellhom f'Settembru 2019 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, u f'Diċembru biex jissokta d-djalogu politiku, li warajha uffiċjali għolja ltaqgħu f'Ankara f'Jannar 2020, u fi Frar 2020, f'Ateni, ġew diskussi miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja;

H. billi f'Jannar 2019, il-gvernijiet ta' Ċipru, l-Eġittu, il-Greċja, l-Iżrael, l-Italja, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana waqqfu l-Eastern Mediterranean Gas Forum, organu multinazzjonali bil-kompitu li jiżviluppa suq tal-gass reġjonali u mekkaniżmu għall-iżvilupp tar-riżorsi; billi dan irċieva l-kritika tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork, li jafferma li tali Forum jipprova jeskludi lil Ankara mill-kooperazzjoni u mill-koordinament reġjonali fis-suq tal-gass;

I. billi f'Novembru 2019 it-Turkija u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) li jiddetermina delimitazzjoni marittima ġdida bejn iż-żewġ pajjiżi, minkejja li ma għandhom l-ebda kosta adjaċenti jew faċċata ta' xulxin; billi l-MtQ bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet marittimi fil-Baħar Mediterran jikser id-drittijiet sovrani ta' pajjiżi terzi, mhuwiex konformi mad-dritt tal-baħar u ma jista' jipproduċi l-ebda effett ġuridiku fil-konfront ta' pajjiżi terzi; billi dan il-MtQ, jekk applikat, ikun effettivament jimmarka linja fil-Mediterran li tifred in-naħa tal-Lvant minn dik tal-Punent u b'hekk jhedded is-sigurtà marittima;

J. billi fl-20 ta' April 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment tat-tħaffir Yavuz, akkumpanjat minn bastiment militari Tork, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fit-30 ta' Lulju 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka sismika Barbaros, akkumpanjat minn bastiment militari Tork u bastiment ieħor ta' sostenn, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fl-10 ta' Awwissu 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka Oruç Reis, akkumpanjat minn bastimenti tal-gwerra, fl-ibħra Griegi biex jimmappjaw it-territorju marittimu għall-possibbiltà ta' tħaffir għaż-żejt u għall-gass f'żona li fiha anki t-Turkija għandha rivendikazzjonijiet ta' ġurisdizzjoni; billi l-Greċja wieġbet billi bagħtet il-bastimenti tal-gwerra tagħha biex issegwi l-bastimenti Torok, u wieħed minnhom ħabat ma' bastiment Grieg; billi fil-31 ta' Awwissu 2020 it-Turkija pprorogat l-esplorazzjonijiet ta' Oruç Reis fil-Lvant tal-Mediterran sat-12 ta' Settembru; billi t-twissija navali (Navtex) tat-Turkija tikkonċerna żona li tinsab fuq il-blata kontinentali Griega; billi tali attivitajiet tat-Turkija wasslu għal deterjorament sinifikanti tar-relazzjonijiet bejn il-Greċja u t-Turkija;

K. billi wara li skadiet in-Navtex relatata mal-ibħra bejn it-Turkija, Ċipru, u Kreta, maħruġa fl-10 ta' Awwissu 2020, il-bastiment ta' riċerka sismika tat-Turkija Oruç Reis, fit-13 ta' Settembru, reġa' lura fl-ibħra qrib il-provinċja tan-Nofsinhar ta' Antalya wara diversi sforzi ta' negozjar, mossa li setgħet tikkontribwixxi biex jittaffew it-tensjonijiet bejn Ankara u Ateni;

L. billi f'Novembru 2019, ġie stabbilit qafas għal miżuri restrittivi bi tweġiba għall-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran wara li l-Kunsill ripetutament esprima t-tħassib tiegħu u kkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta' tħaffir f'diversi sensiliet ta' konklużjonijiet, inklużi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 u tal-20 ta' Ġunju 2019; billi fis-27 ta' Frar 2020 il-Kunsill inkluda żewġ uffiċjali eżekuttivi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO) fl-lista ta' sanzjonijiet tal-UE, u impona projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, wara l-involviment tat-Turkija f'attivitajiet ta' tħaffir illegali fil-Lvant tal-Mediterran; billi fit-28 ta' Awwissu 2020 il-laqgħa informali tal-Kunsill (Gymnich) appellat għal aktar sanzjonijiet immirati kontra t-Turkija fil-każ li ma tnaqqasx it-tensjonijiet fir-reġjun; billi dawn il-miżuri restrittivi se jiġu diskussi fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Settembru 2020; billi fl-10 ta' Settembru 2020, waqt is-Summit Med7, il-mexxejja nazzjonali tal-Istati Mediterranji esprimew appoġġ sħiħ lill-Greċja u solidarjetà magħha u esprimew dispjaċir li t-Turkija ma kinitx wieġbet għat-talbiet ripetuti tal-UE biex ittemm l-azzjonijiet unilaterali u illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran u fl-Eġew;

M. billi l-VP/RGħ Borrell, li wettaq attività intensa fir-reġjun, flimkien mal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ipprova jfittex soluzzjonijiet permezz ta' djalogu bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru; billi biex id-djalogu jkun jista' jimxi 'l quddiem, it-Turkija għandha tastjeni milli tieħu azzjonijiet unilaterali; billi t-tentattivi ta' medjazzjoni mmexxija mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill matul ix-xhur ta' Lulju u Awwissu sfortunatament fallew; billi, waqt li kienu għaddejjin in-negozjati, fis-6 ta' Awwissu 2020 l-Eġittu u l-Greċja kkonkludew ftehim marittimu bilaterali li jiddemarka ŻEE għad-drittijiet tat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, wara 15-il sena ta' negozjati mat-Turkija u Ċipru dwar il-kwistjoni;

N. billi n-NATO pproponiet ukoll diversi inizjattivi għal djalogu bejn il-Greċja u t-Turkija u nnegozjat taħditiet bejniethom; billi l-Artikolu 1 tat-Trattat tan-NATO jipprevedi li l-partijiet tat-Trattat jimpenjaw ruħhom li jsolvu kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih b'mezzi paċifiċi b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

O. billi l-Karta tan-NU tipprevedi li l-istati għandhom jimpenjaw ruħhom li jsolvu b'mezzi paċifiċi kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih, b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

1. Jinsab inkwetat ħafna bit-tilwima li għaddejja u bir-riskju relatat ta' eskalazzjoni militari ulterjuri fil-Lvant tal-Mediterran bejn Stati Membri tal-UE u pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE; jinsab konvint sew li riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt tista' tinstab biss permezz tad-djalogu, id-diplomazija u n-negozjati fi spirtu ta' rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali;

2. Jikkundanna l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-blata kontinentali/ŻEE tal-Greċja u ta' Ċipru, li jiksru d-drittijiet sovrani ta' dawn l-Istati Membri tal-UE u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Greċja u ma' Ċipru; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u tastjeni minn kull azzjoni jew theddida unilaterali u illegali, peress li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat;

3. Jilqa' d-deċiżjoni tat-Turkija tat-12 ta' Settembru 2020 li tirtira l-bastiment ta' riċerka sismika tagħha, Oruç Reis, u b'hekk ħadet l-ewwel pass biex ittaffi t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran; iħeġġeġ lit-Turkija turi moderazzjoni u tikkontribwixxi b'mod attiv biex ittaffi t-tensjonijiet tas-sitwazzjoni, inkluż billi tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-ġirien kollha tagħha, billi ttemm minnufih kull attività illegali oħra ta' esplorazzjoni u tħaffir fil-Lvant tal-Mediterran, tastjeni milli tikser l-ispazju tal-ajru Grieg u l-ibħra territorjali Griegi u Ċiprijotti u tiddiżassoċja ruħha mir-retorika belliġeranti nazzjonalistika; jirrifjuta l-użu ta' theddid u lingwaġġ abbużiv fil-konfront tal-Istati Membri u tal-UE, li huma inaċċettabbli u mhux f'lokhom għal pajjiż kandidat tal-UE;

4. Jesprimi l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni b'mezzi diplomatiċi, medjazzjoni u d-dritt internazzjonali u jappoġġa bil-qawwa r-ritorn għad-djalogu bejn il-partijiet; jistieden lill-atturi kollha involuti, speċjalment lit-Turkija, biex jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis urġenti tat-tensjoni billi jirtiraw il-preżenza militari tagħhom fir-reġjun sabiex jippermettu djalogu u kooperazzjoni effettiva;

5. Jistieden lit-Turkija, bħala pajjiż kandidat tal-UE, tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-baħar u s-sovranità tal-Greċja u ta' Ċipru, Stati Membri tal-UE, fuq l-ibħra territorjali tagħhom, kif ukoll id-drittijiet sovrani kollha tagħhom fiż-żoni marittimi tagħhom; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Tork biex jiffirma u jirratifika l-UNCLOS u jfakkar li għalkemm it-Turkija mhijiex firmatarja, id-dritt konswetudinarju jipprevedi ŻEE anke għal gżejjer li mhumiex abitati;

6. Jiddeplora l-fatt li ż-żieda fl-eskalazzjoni tat-tensjoni timmina l-prospettivi għall-issuktar tat-taħditiet diretti dwar ir-riżoluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, filwaqt li din tibqa' l-aktar triq effettiva fir-rigward tal-prospettivi għad-delimitazzjoni taż-ŻEE bejn Ċipru u t-Turkija; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jsostnu b'mod attiv in-negozjati għal soluzzjoni ekwa, komprensiva u prattikabbli tal-kwistjoni ta' Ċipru fil-qafas tan-NU, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali, l-acquis tal-UE u abbażi tar-rispett tal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

7. Jilqa' l-istedina tal-Gvernijiet ta' Ċipru u tal-Greċja lit-Turkija biex jinnegozjaw f'bona fide d-delimitazzjoni marittima bejn il-kosti rispettivi tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet jirreferu l-kwistjonijiet rilevanti lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tal-Aja jew jirrikorru għall-arbitraġġ internazzjonali jekk ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni permezz tal-medjazzjoni;

8. Jilqa' l-isforzi li saru mill-UE, b'mod partikolari mill-VP/RGħ Borrell u mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħan-NATO, fil-kontribut tagħhom biex tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu u d-diplomazija; jistieden lin-naħat kollha biex f'impenn kollettiv ġenwin jinnegozjaw id-delimitazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali f'bona fide, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u l-prinċipju ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jappoġġa l-proposta għal konferenza multilaterali dwar il-Lvant tal-Mediterran bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti, biex toffri pjattaforma għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz tad-djalogu;

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jsegwu djalogu usa' u inklużiv mat-Turkija u arkitettura tas-sigurtà komprensiva u strateġika u kooperazzjoni fl-enerġija għall-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu sodi fl-impenn ta' dan id-djalogu favur il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-prinċipju tas-solidarjetà;

10. Jitlob b'urġenza valutazzjoni komprensiva tar-riskju ambjentali ta' kull attività ta' tħaffir, fid-dawl tal-bosta riskji assoċjati mal-esplorazzjoni tal-gass fuq il-baħar għall-ambjent, għall-ħaddiema u għall-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u f'futur sostenibbli li fih ma ssirx ħsara lill-klima, filwaqt li jistieden lill-UE ssostni l-iżvilupp ta' Patt Ekoloġiku għall-Mediterran, li jkun jinkludi pjanijiet ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli fir-reġjun kollu kemm hu, bil-għan li jiġi evitat tilwim dwar ir-riżorsi fossili limitati li jagħmlu ħsara lill-klima u lill-ambjent tagħna;

11. Jesprimi tħassib serju dwar l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, prinċipalment rigward is-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u l-erożjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jissottolinja l-effetti negattivi tal-imgħoddi u tal-lum tal-inizjattivi unilaterali tal-politika barranija tat-Turkija fir-reġjun kollu kemm hu u jisħaq fuq il-fatt li l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran ikomplu jikkontribwixxu għad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija b'mod ġenerali; jistieden lit-Turkija u lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu flimkien biex jappoġġaw ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u d-djalogu politiku fil-Libja u jaderixxu mal-embargo fuq l-armi impost mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddeplora l-impatt negattiv li l-politika barranija Torka attwali u azzjonijiet oħra fil-Mediterran għandhom fuq l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-pożizzjoni tiegħu kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha[7];

12. Jistieden lill-fora rilevanti fi ħdan in-NATO, u speċjalment lit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali, jiddiskutu b'urġenza l-kontroll tal-armi fil-Lvant tal-Mediterran.

13. Itenni li d-djalogu parlamentari bejn l-UE u t-Turkija huwa element importanti tad-djalogu u tal-isforzi biex jittaffew it-tensjonijiet; jiddeplora bil-qawwa r-rifjut kontinwu min-naħa tal-Assemblea l-Kbira Torka li jerġgħu jsiru laqgħat bilaterali tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija; jappella għall-kontinwazzjoni immedjata ta' dawn is-sessjonijiet;

14. Jinsisti li aktar sanzjonijiet jistgħu jiġu evitati biss permezz ta' djalogu, kooperazzjoni sinċiera u progress konkret fuq il-post; jistieden lill-Kunsill ikun lest jiżviluppa lista ta' miżuri restrittivi oħra fin-nuqqas ta' progress sinifikanti fl-involviment mat-Turkija; jipproponi li tali miżuri għandhom ikunu settorjali u mmirati; jieħu l-pożizzjoni soda li dawn is-sanzjonijiet m'għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-poplu tat-Turkija, fuq l-appoġġ tagħna għas-soċjetà ċivili indipendenti tat-Turkija, jew fuq ir-rifuġjati li jgħixu fit-Turkija;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE.

 

 

 

[1] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.

[2] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.

[3] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0200.

[5] Testi adottati, P9_TA(2019)0017.

[6] ĠU C 285, 5.8.2016, p. 11.

[7] Testi adottati, P9_TA(2019)0049.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza