Proċedura : 2020/2779(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0271/2020

Testi mressqa :

RC-B9-0271/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 7
CRE 15/09/2020 - 7

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0231

<Date>{15/09/2020}15.9.2020</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9-0271/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0272/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0274/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0275/2020</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9-0278/2020</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 180kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9-0271/2020 (PPE)

B9-0272/2020 (Verts/ALE)

B9-0274/2020 (S&D)

B9-0275/2020 (ECR)

B9-0278/2020 (Renew)</TablingGroups>


<Titre> dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja</Titre>

<DocRef>(2020/2779(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Sandra Kalniete, Michael Gahler, Željana Zovko, Paulo Rangel, David McAllister, Jerzy Buzek, Andrius Kubilius, Radosław Sikorski, Andrzej Halicki, Vladimír Bilčík, Isabel Wiseler-Lima, Antonio López-Istúriz White, David Lega, Andrey Kovatchev, Arba Kokalari, Rasa Juknevičienė, Tomasz Frankowski, Eugen Tomac, Roberta Metsola</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE  </Commission>

<Depute>Kati Piri, Tonino Picula, Norbert Neuser, Robert Biedroń, Isabel Santos</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Petras Auštrevičius, Clotilde Armand, Malik Azmani, Izaskun Bilbao Barandica, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Moritz Körner, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Viola Von Cramon-Taubadel</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Ruža Tomašić, Elżbieta Kruk, Charlie Weimers, Joanna Kopcińska, Jadwiga Wiśniewska, Adam Bielan</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2020/2779(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir, b'mod partikolari l-każ dwar il-Kapitlu 97[1], tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja[2], tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[3], tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[4], u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt fil-Belarussja[5],

 wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u tas-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, jiġifieri l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

 wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet presidenzjali, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Awwissu 2020 u tas-17 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Awwissu 2020 qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-14 ta' Lulju 2020 dwar in-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-kandidati għall-presidenza, id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada tas-26 ta' Awwissu 2020, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tal-10 ta' Awwissu 2020 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020 u dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra l-eżitu ewlieni tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu u l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tas-7 ta' Settembru 2020 dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji u mhux ġustifikati abbażi ta' raġunijiet politiċi, u tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-intimidazzjoni fil-konfront tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni,

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-SEAE, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-iżviluppi reċenti qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-estensjoni tal-embargo tal-UE tal-2004 fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw fir-repressjoni interna fil-konfront tal-Belarussja[6],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ODIHR tal-15 ta' Lulju 2020 dwar in-nuqqas ta' mobilizzazzjoni ta' missjoni ta' osservazzjoni elettorali lejn il-Belarussja peress li ma saritlux stedina,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Lulju 2020 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE tas-17 ta' Lulju 2020 u r-rapporti preċedenti tal-ODIHR dwar l-elezzjonijiet fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-10 u l-14 ta' Awwissu 2020 dwar l-iżviluppi wara l-elezzjoni fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, minkejja tentattivi ripetuti, l-ebda partit politiku ġdid ma ġie rreġistrat fil-Belarussja mis-sena 2000 'l hawn; billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali Belarussa ċaħdet ir-reġistrazzjoni bħala kandidati fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 lil politiċi li jikkritikaw lir-reġim, li kienu allegatament ġabru aktar minn 100 000 firma, kif preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li ssottolinjat l-ostakli sproporzjonati u mhux raġonevoli għall-kandidatura, li jmorru kontra l-impenji tal-OSKE u standards internazzjonali oħra;

B. billi l-kampanja presidenzjali kienet ikkaratterizzata sa mill-bidu ta' Mejju minn repressjoni nazzjonali fuq dimostranti paċifiċi, attivisti tas-soċjetà ċivili, bloggers u ġurnalisti, kif ukoll minn intimidazzjoni gravi ta' attivisti politiċi u tal-familji u s-sostenituri tagħhom; billi aktar minn 650 persuna bejn dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u attivisti ċiviċi sfaw detenuti mal-pajjiż kollu talli pprotestaw kontra r-reġim;

C. billi l-proċessi elettorali Belarussi ma segwewx il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li jappellaw għar-rispett tal-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, l-universalità, il-pluraliżmu politiku, il-fiduċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà, minkejja li l-Belarussja hija stat parteċipanti tal-OSKE;

D. billi l-proċess elettorali ma setax jiġi osservat minn missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Belarussi naqsu intenzjonalment milli joħorġu stedina f'waqtha;

E. billi f'jum l-elezzjoni ġew rapportati irregolaritajiet u vjolazzjonijiet sistematiċi tal-istandards elettorali internazzjonali, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom li jivvutaw u l-falsifikazzjoni fuq skala massiva tal-protokolli maħruġa miċ-ċentri tal-votazzjoni; billi osservaturi domestiċi indipendenti, inklużi dawk li mmonitorjaw il-votazzjoni bikrija fl-elezzjonijiet presidenzjali Belarussi, ġew detenuti fil-pajjiż kollu wara li ddokumentaw għadd kbir ta' vjolazzjonjiet  tal-liġi elettorali;

F. billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarussja ħabbret li l-President fil-kariga, Aliaksandr Lukashenka, kien rebaħ l-hekk imsejħa elezzjonijiet;

G. billi rapporti kredibbli mal-pajjiż kollu u inizjattivi tal-midja soċjali fil-livell lokali jixhdu frodi elettorali fuq skala kbira favur il-President fil-kariga, Aliaksandr Lukashenka, u billi bosta Belarussi jikkunsidraw lil Sviatlana Tsikhanouskaya bħala r-rebbieħa tal-elezzjonijiet;

H. billi immedjatament wara li tħabbru r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet bdew protesti paċifiċi mingħajr preċedent li jesprimu xewqa għal tibdil demokratiku u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem bdew  u għadhom għaddejjin sal-lum, protesti li qed jiġbru flimkien mijiet ta' eluf fit-toroq tal-Belarussja u jilħqu l-ogħla livell ta' parteċipazzjoni matul tmiem il-ġimgħa waqt "marċiet għall-għaqda", xhieda tal-livell ta' skuntentizza u ta' mobilizzazzjoni tas-soċjetà Belarussa;

I. billi l-protesti kienu qed ikunu akkumpanjati minn strajks mifruxa f'impjanti industrijali, inkluż f'intrapriżi ewlenin tal-istat f'varjetà ta' setturi ekonomiċi, kumpaniji, skejjel, universitajiet, bliet u rħula, fil-pajjiż kollu;

J. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali minħabba dubji sostanzjali dwar kemm kienet ġusta l-elezzjoni u minħabba rapporti mifruxa ta' falsifikazzjoni; billi l-mandat attwali tal-President fil-kariga Lukashenka jintemm fil-5 ta' Novembru 2020;

K. billi l-protesti fil-Belarussja huma ta' skala li qatt ma dehret bħalha qabel, infirxu mal-pajjiż kollu u huma interġenerazzjonali, taħt it-tmexxija viżibbli tan-nisa;

L. billi l-awtoritajiet Belarussi rreaġixxew għall-protesti leġittimi u paċifiċi bl-użu ta' vjolenza sproporzjonata; billi r-reazzjoni tal-forzi tas-sigurtà għall-protesti paċifiċi kienet ħarxa ħafna, bl-użu frekwenti ta' forza eċċessiva, bla bżonn u indiskriminata, bħall-użu qawwi ta' gass tad-dmugħ, lenbubi, granati ta' sturdament u kanuni tal-ilma; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem irrapporta qrib is-6 700 persuna li f'dawn l-aħħar ġimgħat sfaw detenuti waqt li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika; billi, sa mid-9 ta' Awwissu 2020, l-esperti rċevew rapporti ta' mill-anqas 450 każ ta' tortura, vjolenza sesswali, stupru u trattament ħażin ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom, filwaqt li diversi persuni huma neqsin jew instabu mejta, fosthom Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Alexander Vikhor u Gennady Shutov;

M. billi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni ġie stabbilit biex jipprovdi sieħeb istituzzjonali temporanju għall-proċess ta' djalogu nazzjonali bl-għan li jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda li jiżvolġu skont l-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR; billi diversi eluf ta' persuni minn dakinhar 'l hawn esprimew l-appoġġ tagħhom għat-talbiet tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni għal elezzjonijiet ġodda, u l-membri ewlenin kollha tal-Kunsill ġew iffastidjati, interrogati jew arrestati (Liliya Ulasava, Maksim Znak, Siarhei Dyleuski, Maria Kalesnikava); billi t-theddid u l-fastidju kontinwu wasslu biex membri ewlenin tal-oppożizzjoni, Sviatlana Tsikhanouskaya, Veranika Tsapkala, Pavel Latushka u Volha Kovalkova, fittxu rifuġju fl-Unjoni Ewropea; billi, fis-7 ta' Settembru, mexxejja oħra, Maria Kalesnikava, inħatfet bi nhar minn irġiel mgħammda f'vann mingħajr reġistrazzjoni fi triq ta' Minsk; billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel, Sviatlana Aleksijevic, hija l-uniku membri tal-Praesidium tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni li għadha ħielsa fil-Belarussja; billi għad hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tagħha minkejja l-appoġġ eċċezzjonali li rċeviet minn diplomatiċi Ewropej;

N. billi l-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 iddeċieda li jimponi sanzjonijiet kontra għadd sostanzjali ta' individwi responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja, li jipprojbixxu li dawn jidħlu fl-UE u li jiffriżaw l-assi finanzjarji tagħhom fl-UE;

O. billi l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet presidenzjali seħħew fi żmien il-pandemija tal-COVID-19, li l-effetti tagħha ġew miċħuda konsistentement mit-tmexxija politika u mill-awtoritajiet Belarussi, fatt li wassal lil ġurnalisti, lil membri tal-persunal mediku u lil ċittadini ordinarji biex jaqsmu informazzjoni kruċjali dwar il-pandemija u l-miżuri ta' prekawzjoni meħtieġa, u dan jixhed l-involviment taċ-ċittadini fis-soċjetà u l-vitalità tas-soċejtà ċivili Belarussa;

P. billi, fis-27 ta' Awwissu, il-President tal-Federazzjoni Russa ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-awtoritjaiet Belarussi fir-repressjoni tagħhom tal-iskuntentizza ċivika leġittima billi offra li jiskjera forzi tal-pulizija speċjali; billi, fil-21 ta' Awwissu, is-Sur Lukashenka ħabbar li l-ġurnalisti li jaħdmu fil-midja tal-istat li strajkjaw jew li rriżenjaw kienu se jinbidlu bl-hekk imsejħa speċjalisti tal-midja Russi; billi r-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija kienu fost l-ewwel stati li ferħu lis-Sur Lukashenka għar-rebħa elettorali frodulenti tiegħu;

Q. billi l-awtoritajiet Belarussi għadhom għaddejjin bir-repressjoni vjolenti tagħhom fuq il-ġurnalisti Belarussi indipendenti, kemm professjonali u kemm ċittadini, u għadhom jipparteċipaw fi sforzi intenzjonali biex ixekklu r-rapportar oġġettiv bil-għan li jrażżnu t-tħassib u l-kundanna nazzjonali u internazzjonali, inkluż bl-irtirar tal-akkreditazzjoni tal-istampa għal aktar minn tnax-il ġurnalista  internazzjonali fid-29 ta' Awwissu;

R. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja kompliet tmur għall-agħar matul il-kampanja elettorali u wara l-elezzjonijiet; billi l-ambjent għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dejjem qiegħed imur għall-agħar, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu sistematikament soġġetti għal intimidazzjoni, fastidju u restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

1. Jissottolinja li l-Parlament Ewropew, bi qbil mal-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew, jirrifjuta r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali li seħħew fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu, peress li dawn żvolġew bi ksur flagranti tal-istandards internazzjonali rikonoxxuti kollha; mhuwiex se jirrikonoxxi lil Aliaksandr Lukashenka bħala president tal-Belarussja ladarba jiskadi l-mandat attwali tiegħu;

2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi lill-awtoritajiet Belarussi għar-repressjoni vjolenti tagħhom tal-protesti paċifiċi favur il-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti tad-9 ta' Awwissu; jitlob li tieqaf il-vjolenza b'mod immedjat, li jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u jaqgħu l-akkużi kollha kontrihom, il-persuni kollha detenuti għal raġunijiet politiċi qabel u wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu, inklużi l-persuni kollha detenuti għall-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti kontra r-riżultati tal-elezzjoni jew kontra l-vjolenza użata mill-awtoritajiet jew għall-espressjonijiet ta' appoġġ tagħhom għal dawn il-protesti;

3. Jikkundanna l-intimidazzjoni, il-persekuzzjoni u l-użu sproporzjonat tal-forza li għaddejjin bħalissa fil-konfront tal-parteċipanti fl-istrajkijiet, tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni u personalitajiet oħra tal-oppożizzjoni, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-bloggers; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju qabel u wara l-elezzjonijiet iffalsifikati tad-9 ta' Awwissu, inklużi Pavel Sevyarynets, Mikalaj Statkievich, Maria Kalesnikava, Andrei Yahorau, Anton Radniankou, u Ivan Krautsou; jitlob li l-prosekuzzjonijiet kollha għal raġunijiet politiċi jitwaqqfu;

4. Jilqa' l-Kunsill ta' Koordinazzjoni bħala rappreżentazzjoni interim tan-nies li qed jitolbu bidla demokratika fil-Belarussja li tkun miftuħa għall-partijiet interessati politiċi u soċjali kollha;

5. Jappoġġa tranżizzjoni paċifika u demokratika tal-poter bħala riżultat ta' djalogu nazzjonali inklużiv b'rispett sħiħ għad-drittijiet demokratiċi u fundamentali tal-poplu Belarussu; itenni, f'dan ir-rigward, l-appelli tal-poplu Belarussu għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti li għandhom isiru malajr kemm jista' jkun taħt superviżjoni internazzjonali, immexxija mill-OSKE/ODIHR u skont standards rikonoxxuti internazzjonalment;

6. Jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanza demokratika, il-parteċipazzjoni politika, id-dinjità u d-dritt li huwa jagħżel id-destin tiegħu stess; jirrikonoxxi li l-moviment ta' protesta kurrenti fil-Belarussja huwa bbażat fuq it-talba ġenerali u wiesgħa għad-demokratizzazzjoni tal-Belarussja, li biha l-poplu tagħha jeħtieġlu jgawdi l-istess drittijiet fundamentali tad-demokrazija u l-libertà bħaċ-ċittadini l-oħra kollha fil-kontinent Ewropew;

7. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu assistenza lill-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja, inkluż lill-Kunsill ta' Koordinazzjoni mmexxi minn Sviatlana Tsikhanouskaya;

8. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-kontribut importanti magħmul min-nisa kuraġġużi tal-Belarussja, immexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya, Veranika Tsapkala u Maria Kalesnikava, u s-sostenituri tagħhom, talli esprimew u rrappreżentaw it-talbiet leġittimi tal-poplu Belarussu; jinnota li bosta Belarussi jikkunsidraw lil Sviatlana Tsikhanouskaya bħala r-rebbieħa tal-elezzjonijiet presidenzjali u l-president elett tal-Belarussja;

9. Jappella għall-ħelsien immedjat tal-membri arrestati tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, Liliya Ulasova, Maksim Znak, Siarhei Dyleuski u Maria Kalesnikava; jinsisti li kwalunkwe djalogu nazzjonali jrid isir bil-parteċipazzjoni sħiħa u mingħajr xkiel tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni; jilqa' l-protezzjoni offruta lil Sviatlana Aleksijevic mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħra tal-istess opinjoni;

10. Jiddeplora bl-aktar mod qawwi possibbli l-atti terribbli ta' vjolenza kontra d-dimostranti u d-detenuti paċifiċi, kif ukoll ir-repressjoni krudili u t-tortura tagħhom; jappella għal investigazzjoni indipendenti u effettiva dwar l-imwiet relatati mal-protesti ta' Alyaksandr Taraykouski, Alexander Vikhor, Artsyom Parukou, Gennady Shutov u Konstantin Shishmakov;

11. Jappella għall-waqfien tat-trattament ħażin u tat-tortura kollha, għall-introduzzjoni ta' definizzjoni speċifika ta' tortura fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għal bidliet leġiżlattivi li jikkriminalizzaw l-għajbien sfurzat;

12. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni u ta' opinjoni, kif ukoll għal-libertà tal-midja, u b'hekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fil-liġi u fil-prattika li jimpedixxu dawn il-libertajiet; jikkundanna bil-qawwa l-applikazzjoni kontinwa tal-piena tal-mewt u jappella għall-abolizzjoni immedjata u permanenti tagħha u, sakemm isir dan, għad-dritt effettiv ta' appell kontra s-sentenzi tal-piena tal-mewt;

13. Jappoġġa bis-sħiħ lill-ħaddiema Belarussi u lit-trade unions indipendenti u jistieden lill-awtoritajiet u lill-impjegaturi Belarussi jirrispettaw id-dritt fundamentali tal-ħaddiema Belarussi li jistrajkjaw mingħajr riskju ta' tkeċċija, arrest jew ritaljazzjoni oħra, f'konformità mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO; jappoġġa t-talba tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali indirizzata lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex tintervjeni b'urġenza kontra l-arresti u l-ħruġ ta' sentenzi kontra l-mexxejja tal-kumitati tal-istrajkijiet u l-attivisti tat-trade unions indipendenti biex jiġi protett id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-rwol ta' koordinazzjoni mwettaq mill-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi;

14. Jappoġġa bil-qawwa s-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi responsabbli għall-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni u r-repressjoni fil-Belarussja, inkluż Aliaksandr Lukashenka; jistieden lill-Kunsill jimplimenta mingħajr dewmien, u f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, sanzjonijiet wiesgħa u effettivi kontra dawk il-Belarussi kollha responsabbli għall-frodi elettorali, il-vjolenza u r-repressjoni fil-Belarussja; jistieden lill-Kunsill isegwi l-eżempju tal-Istati Baltiċi, li inkludew lil Lukashenka fil-lista tas-sanzjonijiet tagħhom, billi kabbru l-grupp propost inizjalment ta' persuni fil-mira tas-sanzjonijiet ħalli jinkludi għadd sostanzjali ta' uffiċjali, kemm ta' grad għoli kif ukoll dak medju, u wkoll intraprendituri magħrufa li appoġġaw ir-reġim jew li keċċew l-impjegati tagħhom minħabba parteċipazzjoni fi strajkijiet; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jesploraw il-possibbiltà li jinkludu liċ-ċittadini Russi li huma direttament involuti fl-appoġġ tar-reġim ta' Lukashenka fil-Belarussja;

15. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-proposta tal-President fil-kariga tal-OSKE f'koordinazzjoni mas-suċċessur tiegħu biex il-Belarussja tiġi assistita ħalli torganizza proċess ta' djalogu; jinsisti li l-awtoritajiet Belarussi jaċċettaw l-offerta estiża lilhom kemm mill-President fil-kariga tal-OSKE kif ukoll mis-suċċessur tiegħu;

16. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħejju rieżami komprensiv tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Belarussja, bil-għan li jappoġġaw lill-poplu tal-Belarussja u l-aspirazzjonijiet demokratiċi tiegħu, kif ukoll lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lit-trade unions indipendenti u lill-midja indipendenti; jitlob li jiżdied il-finanzjament tal-UE għas-soċjetà ċivili Belarussa filwaqt li jiġi ffriżat kwalunkwe trasferiment ta' fondi tal-UE lill-Gvern Belarussu kurrenti u għall-proġetti kkontrollati mill-istat u jitwaqqaf is-self tal-BEI, il-BERŻ u self ieħor lir-reġim kurrenti; iħeġġeġ lill-UE torganizza konferenza tad-donaturi għal Belarussja demokratika, li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G-7, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u oħrajn li huma lesti li jwiegħdu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' Euro biex jappoġġaw l-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija;

17. Jistieden lis-SEAE jissospendi n-negozjati dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Belarussja sakemm ikunu saru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;

18. Iħeġġeġ lill-gvern isaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa u jipprovdi liċ-ċittadini Belarussi bl-informazzjoni rilevanti kollha u li tista' ssalva l-ħajja dwar il-pandemija b'mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza l-ħtieġa li, fid-dawl ta' rapporti li l-pulizija qed jipprevjenu l-għajnuna għal dimostranti midruba u qed jarrestaw ħaddiema mediċi, jitjiebu l-aċċess, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa fil-postijiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal mediku;

19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw u jħaffu l-istabbiliment ta' kuritur umanitarju u l-proċedura li biha jingħataw il-viżi għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li għandhom bżonn trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru l-appoġġ meħtieġ lilhom u lill-familji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni effettiva tal-assistenza finanzjarja tal-UE biex tappoġġa lis-soċjetà ċivili u lill-vittmi tar-repressjoni u biex timmobilizza aktar riżorsi lejn is-sostenn fiżiku, psikoloġiku u materjali tagħhom;

20. Jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni billi tappoġġa NGOs indipendenti tal-Belarussja, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti tal-midja u ġurnalisti indipendenti, toħloq opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ Belarussi biex jistudjaw fl-UE u tkompli tappoġġa l-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi; jitlob li l-Kummissjoni twaqqaf b'mod urġenti programm ta' boroż ta' studju għall-istudenti u l-akkademiċi li tkeċċew mill-universitajiet Belarussi minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom;

21. Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva dwar ir-reati mwettqa mir-reġim kontra l-poplu tal-Belarussja u jenfasizza r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għal tali investigazzjonijiet;

22. Jikkundanna s-soppressjoni tal-midja u tal-internet, kif ukoll l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers sabiex jitwaqqaf il-fluss ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni; jistieden lill-UE tuża l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u strumenti oħra sabiex tappoġġa dawn l-istabbilimenti u l-ġurnalisti li huma soġġetti għal repressjoni mir-reġim;

23. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jipprovdu appoġġ sħiħ għall-isforzi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE biex jiżguraw dokumentazzjoni u rappurtar minn organizzazzjonijiet internazzjonali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà u l-ġustizzja sussegwenti għall-vittmi;

24. Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra t-tixrid ta' diżinformazzjoni fil-Belarussja rigward l-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħha, kif ukoll id-diżinformazzjoni fl-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, kif ukoll forom oħra ta' theddidiet ibridi mwettqa minn partijiet terzi; iwissi lir-reġim kontra kwalunkwe tentattiv li juża l-minoranzi nazzjonali, reliġjużi, etniċi u minoranzi oħra bħala bersall sostitut, li jiddevja l-attenzjoni tas-soċjetà mill-frodi elettorali u mill-protesti u r-repressjoni massivi sussegwenti;

25. Jikkundanna l-indħil ibridu tal-Federazzjoni Russa fil-Belarussja, partikolarment billi tibgħat l-hekk imsejħa esperti tal-midja fil-midja tal-istat Belarussu u konsulenti fl-aġenziji militari u tal-infurzar tal-liġi, u jistieden lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jieqaf jindaħal b'mod apert jew minn taħt fil-proċessi interni tal-Belarussja; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirrispetta d-dritt internazzjonali u s-sovranità tal-Belarussja; iwissi li Aliaksandr Lukashenka ma għandu l-ebda mandat politiku jew morali biex jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali ulterjuri f'isem il-Belarussja, inkluż mal-awtoritajiet Russi, li jistgħu jheddu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja;

26. Jissottolinja l-importanza li l-iżviluppi fil-Belarussja jinżammu prijorità għall-UE; ifakkar fil-ħtieġa li l-UE tkun magħquda u persistenti fir-reazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni fil-Belarussja;

27. Jiddeplora l-fatt li l-Belarussja diġà bdiet timla l-ewwel reattur tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets bi fjuwil nukleari u qed tippjana li tibda tipproduċi l-enerġija f'Novembru 2020, mingħajr ma implimentat bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet relatati mat-test tal-istress, li huwa saħansitra aktar inkwetanti f'dawn iż-żminijiet ta' instabbiltà politika kbira;

28. Jappella lill-federazzjonijiet nazzjonali tal-ice hockey tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi demokratiċi l-oħra kollha biex iħeġġu lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Hockey (IIHF) ħalli, sakemm is-sitwazzjoni u, b'mod partikolari, l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikunu tjiebu, tirtira d-deċiżjoni tagħha li torganizza l-Kampjonat Dinji tal-Ice Hockey tal-2021 parzjalment fil-Belarussja;

29. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' miżuri restrittivi komprensiv, effettiv, f'waqtu u mifrux mal-UE kollha, li jippermetti li jikkonċentra fuq kwalunkwe individwu, attur statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli minn ksur u abbuż gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom, mingħajr aktar dewmien;

30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja u l-Federazzjoni Russa.

[1] ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18.

[2] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 100.

[3] ĠU C 298, 23,08.2018, p. 60.

[4] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 135.

[5] ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.

[6] ĠU L 45, 18.2.2020, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza