MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny
15.9.2020 - (2020/2777(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0280/2020 (Verts/ALE)
B9-0281/2020 (S&D)
B9-0282/2020 (Renew)
B9-0283/2020 (ECR)
B9-0284/2020 (PPE)
Michael Gahler, Andrius Kubilius, Sandra Kalniete, Andrzej Halicki, Antonio López-Istúriz White, Radosław Sikorski, Rasa Juknevičienė, Eugen Tomac, Miriam Lexmann, Roberta Metsola, David Lega
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Tonino Picula, Włodzimierz Cimoszewicz
f'isem il-Grupp S&D
Bernard Guetta, Clotilde Armand, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Anna Júlia Donáth, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew
Sergey Lagodinsky
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Ruža Tomašić, Jadwiga Wiśniewska, Ryszard Czarnecki, Bogdan Rzońca, Elżbieta Kruk, Assita Kanko, Joanna Kopcińska, Charlie Weimers, Alexandr Vondra, Adam Bielan
f'isem il-Grupp ECR
European Parliament resolution on the situation in Russia: the poisoning of Alexei Navalny
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 u speċifikament l-Artikolu 29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE fit-3 ta' Settembru 2020 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-24 ta' Awwissu u t-2 ta' Settembru 2020 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-8 ta' Settembru 2020, li appellat li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-8 ta' Settembru dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi), li tipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment ta' armi kimiċi,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni unanima tad-deċiżjonijiet C-24/DEC.4 u C-24/DEC.5 mill-24 Sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tas-27 ta' Novembru 2019, li żiedu l-aġent nervin Novichok organophosphorus fl-Iskeda 1 tal-Anness dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-Konvenzjoni, u d-dħul fis-seħħ ta' dawn id-deċiżjonijiet fis-7 ta' Ġunju 2020;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-isptar Charité – Universitätsmedizin Berlin tal-24 ta' Awwissu 2020 li tgħid li Alexei Navalny kien il-vittma ta' avvelenament b'aġent nervin kimiku,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Gvern Federali Ġermaniż tat-2 ta' Settembru 2020 li tappella b'urġenza lill-Gvern Russu biex jagħmel dikjarazzjoni dwar l-inċident u jikkundanna l-attakk bl-aktar mod qawwi possibbli,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) tat-3 ta' Settembru 2020 dwar allegazzjonijiet ta' użu ta' armi kimiċi kontra Alexei Navalny, li tissottolinja li "skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, kwalunkwe avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin jitqies bħala użu ta' armi kimiċi",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti, u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Alexei Navalny, politiku tal-oppożizzjoni, avukat, blogger u attivist kontra l-korruzzjoni ewlieni Russu, kixef diversi kwistjonijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu intrapriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa għadd ta' protesti pubbliċi madwar ir-Russja kollha u sar wieħed mill-ftit mexxejja effettivi tal-oppożizzjoni Russa; billi huwa kien ġie detenut, arrestat, u kkundannat preċedentement, f'tentattivi biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li għadd minn dawk il-proċeduri kienu abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju ta' proċess ġust; billi Alexei Navalny kien ġie attakkat fiżikament fl-2017 bl-użu ta' diżinfettant mediku li ħallih kważi għami, u permezz ta' allegat avvelenament matul id-detenzjoni tiegħu fl-2019; billi għal dawn iż-żewġ każijiet, l-awturi ma tressqux quddiem il-ġustizzja;
B. billi Alexei Navalny hu rapportat li fl-20 ta' Awwissu daħal f'koma abbord titjira interna Russa, ġie ttrasportat lejn sptar fil-belt Russa ta' Tomsk, u, fuq talba tal-familja tiegħu, ilu jirċievi trattament mediku fl-isptar Charité f'Berlin mit-22 ta' Awwissu;
C. billi l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny seħħ fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet lokali u reġjonali tar-Russja fit-13 ta' Settembru 2020, fejn hu u t-tim tiegħu kienu involuti b'mod attiv fl-introduzzjoni ta' strateġija ta' "votazzjoni intelliġenti" biex jgħelbu l-kandidati tar-reġim ta' Putin; billi dan jixħet dawl partikolarment inkwetanti fuq l-istat tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;
D. billi eżatt qabel l-attentat ta' avvelenament, Alexei Navalny kien f'Novosibirsk u Tomsk, fejn kien qed jinvestiga każijiet ta' korruzzjoni fost il-gvernaturi lokali; billi permezz tal-attivitajiet tiegħu kontra l-korruzzjoni fir-reġjuni, Alexei Navalny żied il-kuxjenza dwar każijiet bħal dawn fost il-pubbliku lokali, u b'riżultat ta' dan, żdied l-għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet reġjonali, u b'hekk immobilizza l-voti favur l-oppożizzjoni; billi Alexei Navalny stabbilixxa sistema ta' 40 uffiċċju reġjonali madwar il-pajjiż, li jiskrutinizzaw l-awtoritajiet lokali fuq bażi permanenti, iżda huma wkoll soġġetti għal intimidazzjoni u persekuzzjoni mill-awtoritajiet Russi;
E. billi Alexei Navalny esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għad-dimostranti f'Khabarovsk u l-Belarussja u qies il-bidliet fil-Belarussja bħala ispirazzjoni għall-poplu tar-Russja;
F. billi l-assassinji u l-avvelenamenti politiċi fir-Russja huma strumenti sistemiċi tar-reġim immirati b'mod deliberat kontra l-oppożizzjoni; billi dan huwa aggravat aktar min-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet li jinvestigaw bir-reqqa l-omiċidji jew attentati ta' omiċidji politikament motivati ta' Anna Politkovskaya, Boris Nemtsov, Sergei Protazanov, Vladimir Kara-Murza u oħrajn; billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni huma sistematikament soġġetti għal attakki verbali, kampanji ad hominem u diżumanizzazzjoni mill-midja tal-gvern jew dik favur il-gvern;
G. billi dan l-attentat ta' qtil l-aktar reċenti huwa biss l-aktar eżempju reċenti ta' rigress serju ħafna fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-prinċipji demokratiċi maqbula b'mod komuni u l-istat tad-dritt fil-Federazzjoni Russa;
H. billi din ir-ripressjoni kontinwa tad-dissidenza soċjali hija msaħħa mill-impunità tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà kif ukoll min-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-qrati li jressqu lill-awturi reali ta' dawn ir-reati, li mhux biss ma jiġux ikkastigati, iżda saħansitra jiġu ppremjati min-naħa tal-Kremlin;
I. billi skont Memorial, is-soċjetà magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Russa, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300 priġunier politiku u reliġjuż; billi l-UE turi solidarjetà mad-dissidenti kollha u mal-poplu Russu, li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom u l-pressjoni mill-Kremlin u mill-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
J. billi l-assassinji u l-attentati ta' assassinji b'motivi politiċi mis-servizzi sigrieti Russi għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà interna tal-UE;
K. billi l-isptar Charité – Universitätsmedizin Berlin ikkonkluda li Alexei Navalny ġie vvelenat b'aġent nervin tal-grupp Novichok, li huwa grad militari ta' aġenti nervini żviluppati mill-Unjoni Sovjetika u l-Federazzjoni Russa; billi din is-sejba ġiet ikkonfermata minn laboratorju speċjalizzat tal-forzi armati Ġermaniżi u minn diversi laboratorji li jaħdmu b'mod indipendenti; billi l-aġent nervin Novichok reċentement intuża, f'Marzu 2018, fit-territorju tal-UE f'attakk fuq l-ex operatur tal-intelligence Russu Sergei Skripal u bintu Yulia Skripal f'Salisbury, fir-Renju Unit, attakk li kkawża wkoll il-mewt aċċidentali ta' Dawn Sturgess, residenta ta' Amesbury;
L. billi t-tobba Russi kienu l-ewwel li ttrattaw lil Alexei Navalny minħabba avvelenament u wara sostnew li ma kienx hemm traċċi ta' velenu f'ġismu u ppruvaw iżommuh milli jiġi ttrasportat 'il barra mill-pajjiż, u billi l-awtoritajiet Russi jiċħdu kwalunkwe konnessjoni mal-inċident;
M. billi l-aġent nervin Novichok huwa strument li ġie żviluppat unikament għall-istrutturi militari u s-servizzi sigrieti fir-Russja, u huwa disponibbli għalihom biss; billi sustanzi ta' dan it-tip huma regolati mil-liġi Russa; billi l-aġent nervin Novichok huwa arma kimika li tista' tiġi żviluppata biss f'laboratorji militari li jappartjenu lill-istat u ma tistax tiġi akkwistata minn individwi privati; billi, madankollu, jekk dan ikun il-każ, dan ikun ksur tal-impenji legali internazzjonali tar-Russja;
N. billi l-Kunsill appella lill-awtoritajiet Russi biex iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny, appella għal rispons internazzjonali konġunt u rriżerva d-dritt tiegħu li jieħu azzjonijiet xierqa, inklużi miżuri restrittivi;
O. billi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, kwalunkwe avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin huwa meqjus bħala użu ta' armi kimiċi, u billi l-użu ta' armi kimiċi minn kwalunkwe persuna taħt kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi wara l-adozzjoni unanima ta' żewġ proposti għal dak il-għan, inkluża waħda mressqa mill-Federazzjoni Russa, Novichok ġie miżjud mal-lista ta' sustanzi kontrollati tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u għalhekk huwa soġġett għal-linji gwida ta' kontroll l-aktar stretti skont il-Konvenzjoni;
P. billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;
Q. billi l-uffiċċji ta' informazzjoni Russi kkontrollati mill-istat qed jippruvaw jinnegaw ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Russi fl-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny billi jxerrdu d-diżinformazzjoni u jiddevjaw l-attenzjoni mill-ksur kontinwu tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa;
R. billi l-elezzjonijiet reġjonali fir-Russja tat-13 ta' Settembru 2020 irriżultaw f'għadd rekord ta' lmenti dwar il-falsifikazzjoni tar-riżultati; billi fil-bliet fejn Alexei Navalny kien preżenti qabel it-tentattiv tiegħu li jiġi avvelenat (Novosibirsk u Tomsk), is-sistema ta' votazzjoni intelliġenti tiegħu wriet li kienet effikaċi u għenet biex tegħleb il-kandidati ta' Putin;
S. billi l-Parlament Ewropew uffiċjalment wasal għall-konklużjoni li r-Russja ma tistax tibqa' titqies bħala "sieħba strateġika", anke fid-dawl tal-politika barranija antagonistika tagħha, inklużi l-interventi militari u l-okkupazzjonijiet illegali f'pajjiżi terzi;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-użu ripetut ta' aġenti nervini kimiċi kontra ċ-ċittadini Russi;
2. Ifakkar li l-użu ta' armi kimiċi taħt kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi reat kundannabbli skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;
3. Jissottolinja li l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny kien parti minn sforz sistemiku biex isikket lilu u lil ilħna dissidenti oħra, u biex jiskoraġġixxi lilu u lil dawk l-ilħna milli jesponu aktar korruzzjoni serja fir-reġim u jiskoraġġixxu l-oppożizzjoni politika fil-pajjiż b'mod ġenerali, partikolarment bil-ħsieb li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet sekondarji lokali u reġjonali tar-Russja ta' bejn il-11 u t-13 ta' Settembru;
4. Itenni li l-każ ta' Alexei Navalny huwa element wieħed ta' politika Russa usa' li tiffoka fuq politiki interni oppressivi u azzjonijiet aggressivi madwar id-dinja, it-tixrid tal-instabbiltà u l-kaos, l-istabbilizzazzjoni mill-ġdid tal-isfera tal-influwenza u d-dominanza tagħha, u d-dgħajfien tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;
5. Jitlob li tinbeda investigazzjoni internazzjonali b'mod immedjat (bl-involviment tal-UE, in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-alleati tagħhom u l-OPCW) u jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi għal tali investigazzjoni; jistieden lill-OPCW tistabbilixxi investigazzjoni dettaljata dwar il-ksur tal-impenji internazzjonali tar-Russja fil-qasam tal-armi kimiċi; jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw bis-sħiħ mal-OPCW biex jiżguraw investigazzjoni internazzjonali imparzjali u biex iżommu responsabbli lil dawk responsabbli għad-delitt imwettaq kontra Alexei Navalny;
6. Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin jieħu pożizzjoni attiva dwar din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Settembru; jitlob li l-UE tistabbilixxi malajr kemm jista' jkun lista ta' miżuri restrittivi ambizzjużi fir-rigward tar-Russja u ssaħħaħ is-sanzjonijiet eżistenti tagħha kontra r-Russja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' tali mekkaniżmi ta' sanzjonijiet b'tali mod li jippermettu l-ġbir u l-iffriżar tal-assi Ewropej tal-individwi korrotti skont is-sejbiet tal-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Alexei Navalny;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-fastidju, l-intimidazzjoni, il-vjolenza u r-ripressjoni tal-avversarji politiċi tagħhom billi jtemmu l-klima prevalenti ta' impunità, li diġà wasslet biex tilfu ħajjithom ħafna ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u politiċi tal-oppożizzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li tali individwi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi u utli tagħhom mingħajr ebda interferenza u mingħajr biża' għal ħajjithom jew għal dawk tal-membri tal-familja u l-ħbieb tagħhom;
8. Jistieden lill-UE titlob b'mod kontinwu li r-Russja tirrevoka jew temenda l-liġijiet kollha inkompatibbli mal-istandards internazzjonali, inklużi l-bidliet reċenti li saru b'mod illegali fil-Kostituzzjoni Russa u l-qafas legali tagħha għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa, sabiex jiġi ffaċilitat il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni;
9. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, u l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li huma fil-mira ta' attakki u repressjoni;
10. Jissottolinja d-dmir tal-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tirrispetta d-dritt internazzjonali u l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet rilevanti, u li tikkonforma bis-sħiħ mal-impenji internazzjonali tagħha, inkluż li tikkoopera mal-OPCW fl-investigazzjoni ta' kwalunkwe ksur tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;
11. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tindirizza b'mod urġenti l-mistoqsijiet imressqa mill-komunità internazzjonali u tipprovdi lill-OPCW informazzjoni immedjata, sħiħa u kompluta dwar il-programm tagħha Novichok;
12. Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, impenjat ruħha li tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
13. Jistieden lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżguraw li meta jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja jitqajmu l-każijiet tal-persuni kollha pproċessati għal raġunijiet politiċi, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ; jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ, ikomplu jsegwu każijiet bħal dawn mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji ta' fehmiet mal-awtoritajiet Russi;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-Russja u biex jitkellmu b'vuċi waħda f'fora bilaterali u multilaterali mal-awtoritajiet Russi;
15. Itenni li huwa urġenti ħafna li titnieda valutazzjoni mill-ġdid strateġika u bir-reqqa tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li tinkludi l-prinċipji li ġejjin:
a. appell lill-VP/RGħ biex jirrieżamina l-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja u l-ħames prinċipji gwida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja u jiżviluppa strateġija komprensiva ġdida, li tkun tiddependi fuq żviluppi ulterjuri fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mit-tmexxija u l-awtoritajiet Russi;
b. appell lill-Istati Membri biex ikomplu jiżolaw lir-Russja f'fora internazzjonali (bħall-G7 u formati oħra) u jagħmlu rieżami b'mod kritiku tal-kooperazzjoni tal-UE mar-Russja permezz ta' diversi pjattaformi tal-politika barranija;
c. appell lill-Kunsill biex jipprijoritizza l-approvazzjoni tal-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem tat-tip Magnitsky u l-implimentazzjoni tiegħu fil-futur qarib, li se jinkludi lista ta' individwi u jista' jinkludi wkoll sanzjonijiet settorjali mmirati lejn ir-reġim Russu;
d. fid-dawl tal-każ Navalny, itenni l-pożizzjoni tiegħu preċedenti li jitwaqqaf il-proġett Nord Stream 2;
e. appell lill-Kunsill biex jadotta strateġija tal-UE biex jappoġġja d-dissidenti Russi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-mezzi tax-xandir/ġurnalisti indipendenti, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jinħolqu opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ Russi biex jistudjaw fl-UE, u jkun hemm assistenza fit-tnedija ta' università Russa fl-eżilju f'wieħed mill-Istati Membri;
f. appell lill-Kunsill biex immedjatament jibda t-tħejjijiet u jadotta strateġija tal-UE għal relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika, inkluża offerta wiesgħa ta' inċentivi u kundizzjonijiet biex jissaħħu t-tendenzi domestiċi lejn il-libertà u d-demokrazija;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.