MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-każ ta' Dr Denis Mukwege fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
16.9.2020 - (2020/2783(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0287/2020 (GUE/NGL)
B9-0288/2020 (Verts/ALE)
B9-0289/2020 (ECR)
B9-0293/2020 (S&D)
B9-0296/2020 (PPE)
B9-0298/2020 (Renew)
Michael Gahler, Loránt Vincze, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Krzysztof Hetman, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Luděk Niedermayer, Janina Ochojska, David Lega, Stelios Kympouropoulos, Benoît Lutgen, Stanislav Polčák, Antonio López-Istúriz White, Peter Pollák, Michal Wiezik, Vladimír Bilčík, Inese Vaidere, Michaela Šojdrová, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Romana Tomc, Maria Walsh, Loucas Fourlas, Lefteris Christoforou, Tomáš Zdechovský
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Maria Arena
f'isem il-Grupp S&D
Frédérique Ries, Clotilde Armand, Petras Auštrevičius, Stéphane Bijoux, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jan-Christoph Oetjen, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew
Salima Yenbou
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Assita Kanko
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo
European Parliament resolution on the case of Dr Denis Mukwege in the Democratic Republic of the Congo
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dik tat-18 ta' Jannar 2018[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Mejju 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Ituri,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2528 tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u r-Riżoluzzjoni 2463 tad-29 ta' Marzu 2019 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO);
– wara li kkunsidra l-miżuri stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2528 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet sa Lulju 2021 sensiela ta' sanzjonijiet bħal embargo fuq l-armi fuq il-gruppi armati fir-RDK, projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar ta' individwi u ffriżar tal-assi tal-individwi u l-entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU ta' Awwissu 2010 dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar li jiddokumenta l-aktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq fit-territorju tar-RDK bejn Marzu 1993 u Ġunju 2003,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lil Dr Denis Mukwege fl-2014,
– wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lil Dr Denis Mukwege fl-2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-28 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-VP/RGħ, Josep Borrell, u tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Vjolenza Sesswali fil-Konflitti, Pramila Patten, tat-18 ta' Ġunju 2020 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Sesswali fil-Konflitti,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li ġiet adottata b'mod unanimu fil-31 ta' Ottubru 2000,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-RDK għadha qed issofri vjolenza, attakki, qtil u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi armati domestiċi u barranin, b'mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat dawn l-attakki kienu qed jimmultiplikaw, b'mod partikolari fil-fruntiera bejn Ituri u Kivu tat-Tramuntana;
B. billi Dr Denis Mukwege, ginekologu magħruf mir-RDK, iddedika l-biċċa l-kbira ta' ħajtu biex itemm l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tal-kunflitt armat; billi fl-1999, Dr Mukwege waqqaf l-isptar Panzi f'Bukavu biex jagħti trattament lill-vittmi tal-vjolenza sesswali u sessista fil-Lvant tar-RDK; billi kważi 55 000 superstiti ġew ikkurati fl-isptar Panzi mid-data li twaqqaf sa Awwissu 2018;
C. billi Dr Mukwege ilu żmien twil jitkellem bil-miftuħ b'difiża tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-ħtieġa tal-obbligu ta' rendikont, u dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem li jimmappja l-abbużi fir-reġjun bejn l-1993 u l-2003; billi Dr Mukwege bi ftit irnexxielu jeħlisha minn attentat ta' assassinju f'Ottubru 2012, meta persuni armati libsin ta' ċivili attakkaw id-dar tiegħu f'Bukavu, u f'dan l-attakk il-gwardja personali tiegħu tilef ħajtu;
D. billi Dr Mukwege rċieva theddid serju u sostnut, inkluż theddid ta' mewt kontrih, kontra l-familja tiegħu u kontra l-persunal mediku fl-isptar Panzi; billi l-għadd ta' dawn it-theddidiet żdied f'dawn l-aħħar xhur b'reazzjoni għall-appelli ripetuti ta' Dr Mukwege f'Lulju 2020 biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu reati sesswali u massakri f'Kipupu, Sange u fil-provinċja ta' Ituri;
E. billi Dr Mukwege ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-2018 u l-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2014 talli ddedika ħajtu biex jipprovdi kura għall-vittmi tal-vjolenza sesswali fir-RDK; billi bħala rebbieħ tal-Premju Sakharov, Dr Mukwege huwa intitolat għall-appoġġ sħiħ tal-Parlament Ewropew; billi Dr Mukwege sar figura pubblika prominenti u simbolu internazzjonali permezz tal-kisbiet u r-rikonoxximenti internazzjonali tiegħu, u jistħoqqlu protezzjoni speċjali kontra t-theddid;
F. billi f'Awwissu 2020, il-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo Félix Tshisekedi, ikkundanna t-theddid ta' mewt u wiegħed li jieħu miżuri biex jiżgura s-sikurezza ta' Dr Mukwege;
G. billi l-protezzjoni tas-sigurtà għal Dr Mukwege u tal-isptar Panzi ġiet ipprovduta min-NU permezz tal-MONUSCO; billi din il-protezzjoni ġiet irtirata f'Mejju 2020 iżda reġgħet iddaħħlet fid-9 ta' Settembru 2020 wara protesti internazzjonali rigward is-sikurezza ta' Dr Mukwege, li inkludew appelli mingħand il-Parlament Ewropew; billi l-protezzjoni fit-tul ta' Dr Mukwege għadha mhix ċara u jeħtieġ li tiġi żgurata;
H. billi d-dimostranti niżlu fit-toroq ta' Kinshasa, il-kapitali tar-RDK, biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għal Dr Denis Mukwege, u talbu li huwa jiġi protett;
I. billi fit-12 ta' Marzu 2017, irġiel armati qatlu lil żewġ investigaturi tan-NU – Zaida Catalán, Żvediża, u Michael Sharp, Amerikan – waqt li kienu qed jiddokumentaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ċentrali ta' Kasai fir-RDK;
J. billi fit-22 ta' Lulju 2020, għadd ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-moviment taċ-ċittadini Lutte pour le Changement (LUCHA) ġew arrestati arbitrarjament f'Kalehe (Kivu tan-Nofsinhar) talli ddenunzjaw is-serq tad-dawl tat-toroq pubbliku li kien ġie installat biex tittejjeb is-sikurezza; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u l-membru tal-LUCHA Lucien Byamungu Munganga ġie arrestat arbitrarjament f'Kalehe waqt li kien qed jipprotesta paċifikament għall-ħelsien tagħhom, u bħalissa jinsab f'detenzjoni fil-ħabs ċentrali ta' Kalehe; billi ġie espress tħassib għad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Josué Aruna – President provinċjali bbażat f'Bukavu tas-Société Civile Environnementale et Agro-Rurale du Congo;
K. billi r-RDK ilha firmatarja tal-Protokoll ta' Maputo minn Marzu 2018;
L. billi fit-3 ta' Settembru 2020, 20 suldat u uffiċjal tal-pulizija tar-RDK irċevew sentenzi ta' ħabs ta' bejn 5 snin u 20 sena għal stupru fil-Lvant tar-RDK;
M. billi l-Parlament Ewropew fit-12 ta' Awwissu 2020, il-VP/RGħ fl-20 ta' Awwissu 2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-28 ta' Awwissu 2020, kif ukoll għadd ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali f'għadd ta' okkażjonijiet oħra, talbu pubblikament lill-awtoritajiet tar-RDK jwettqu investigazzjonijiet kriminali dwar it-theddid li għaddej bħalissa kontra Dr Mukwege u jerġgħu jistabbilixxu l-protezzjoni tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU;
N. billi n-Nazzjonijiet Uniti esprimew l-impenn tagħhom li jkomplu jħarrġu lill-kontropartijiet tar-RDK sabiex tkun tista' tinstab soluzzjoni stabbli u fit-tul għas-sigurtà;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-periklu serju esperjenzat minn Dr Mukwege; jikkundanna t-theddid fuq ħajtu u t-theddid kontra l-familja u l-persunal tiegħu; jesprimi s-solidarjetà sħiħa u l-appoġġ tiegħu għal Dr Mukwege;
2. Ifaħħar lil Dr Mukwege għall-kuraġġ u l-impenn tiegħu tul ħajtu biex jiġġieled kontra l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tal-kunflitt armat; jenfasizza l-importanza tal-pożizzjoni pubblika ta' Dr Mukwege, li huwa żamm għal diversi deċennji, b'rabta mad-denunzja ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fir-RDK;
3. Jilqa' d-deċiżjoni tan-NU li terġa' tistabbilixxi l-protezzjoni tas-sigurtà tal-MONUSCO għal Dr Mukwege; itenni li l-protezzjoni personali tiegħu hija ta' importanza primarja u hija urġenti; iħeġġeġ lin-NU jiżguraw il-protezzjoni stabbli u sostnuta tiegħu, b'mod partikolari fid-dawl tat-theddid serju fuq ħajtu;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jwettaq mingħajr dewmien investigazzjoni komprensiva dwar it-theddid li jsir permezz tal-midja soċjali, telefonati u messaġġi diretti mmirati mhux biss lejn Dr Mukwege, iżda wkoll lejn il-familja tiegħu u lejn l-persunal tal-Isptar Panzi, kif imwiegħed mill-President Félix Tshisekedi;
5. Jenfasizza li l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb mhuwiex biss premju, iżda huwa impenn meħud mill-Membri tal-Parlament Ewropew li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem flimkien mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov u li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li r-rebbieħ ikun jista' jkompli jaġixxi b'mod liberu u sikur fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
6. Jilqa' l-impenn fil-miftuħ ta' Dr Mukwege favur il-ħidma mwettqa fir-rapport tan-NU tal-2010 tal-eżerċizzju ta' mmappjar; jikkundanna n-nuqqas ta' progress li sar mill-komunità internazzjonali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jsaħħu l-isforzi biex jipprevjenu aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, u jieħdu passi biex jistabbilixxu mekkaniżmi li se jiżguraw li l-vittmi ta' kunflitti futuri jgawdu mid-drittijiet tagħhom għall-ġustizzja u r-riparazzjoni;
7. Jappoġġa, għalhekk, il-proposti għall-istabbiliment ta' kmamar imħallta speċjalizzati fil-qrati tar-RDK biex il-ġudikatura tar-RDK u l-komunità internazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw u jressqu quddiem il-ġustizzja l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jeżamina mill-ġdid il-ħidma tal-Kummissjoni preċedenti tiegħu għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni; jappoġġa bis-sħiħ it-talba li l-President Tshisekedi għamel lill-gvern tiegħu biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ġustizzja tranżizzjonali li jiġġudika l-aktar reati serji, u jittama bil-qawwa li jkun hemm adozzjoni f'waqtha taż-żewġ abbozzi ta' digrieti mill-Kunsill tal-Ministri, li ilhom jiġu kkunsidrati għal diversi xhur;
9. Jistieden lill-Istati Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jitolbu l-istabbiliment ta' tribunal kriminali internazzjonali li jmexxi 'l quddiem il-każijiet dokumentati ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jmorru lura għal qabel l-2002;
10. Jikkundanna bil-qawwa l-arresti arbitrarji ta' Lucien Byamungu Munganga u tal-membri l-oħra tal-LUCHA u jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u immedjat tagħhom; jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Josué Aruna;
11. Iqis li huwa pass pożittiv 'il quddiem li, fit-3 ta' Settembru 2020, ġew ikkundannati suldati ħatja ta' stupru fil-parti tal-Lvant tar-RDK; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-impunità tal-milizzji u tal-forzi armati fil-pajjiż sabiex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà għall-popolazzjonijiet ikkonċernati;
12. Ifaħħar lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, li għadhom iwettqu xogħolhom minkejja l-isfidi li qed jiffaċċjaw, u jilqa' l-kundanna miftuħa tal-avvenimenti minn diversi organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali;
13. Jistieden lill-VP/RGħ, lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet tal-UE fir-RDK jżidu l-appoġġ viżibbli tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fir-RDK, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli (jiġifieri politiċi, diplomatiċi u finanzjarji) bħala miżura protettiva biex jipprovdu rikonoxximent għall-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u jirrikonoxxu r-rwol importanti tagħhom bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda għall-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun;
14. Jistieden lill-UE ssostni s-sanzjonijiet kontra l-awturi ta' vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK u jitlob li dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi għall-awturi msemmija fir-rapport tan-NU tal-eżerċizzju ta' mmappjar;
15. Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa fil-kunflitti u jistieden lill-komunità internazzjonali tħaffef l-isforzi tagħha biex telimina l-pjaga tal-vjolenza sesswali u sessista fil-kunflitti armati u l-gwerer, tipproteġi lill-vittmi, ittemm l-impunità għall-awturi tar-reati, u tiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja, ir-riparazzjonijiet u r-rimedju għas-superstiti;
16. Jilqa' l-progress li sar permezz tar-ratifika tal-Protokoll ta' Maputo għad-drittijiet tan-nisa; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll;
17. Ifakkar li l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK hija mwettqa minn gruppi armati ta' ribelli domestiċi u barranin, li huma ffinanzjati mill-aċċess għall-kummerċ tal-minerali u li qed jiġġieldu għall-istess aċċess; jenfasizza li kwalunkwe negozju, individwu, stat jew attur relatat ma' stat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta' reati bħal dawn irid jitressaq quddiem il-ġustizzja; jilqa' d-dħul fis-seħħ skedat tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt fl-UE f'Jannar 2021, li huwa l-ewwel minn ħafna passi meħtieġa mill-komunità internazzjonali biex tindirizza din il-problema profonda; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' aktar azzjoni dwar id-diliġenza dovuta mandatarja u l-imġiba kummerċjali responsabbli min-negozji li joperaw f'żoni ta' kunflitt;
18. Iħeġġeġ bil-qawwa l-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani u l-istabbiliment ta' strateġija reġjonali mill-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;
19. Jiddeplora l-posponiment sine die tal-mini-summit ta' Goma, li inizjalment kien skedat għat-13 ta' Settembru 2020, wara l-istedina mir-RDK, fi sforz biex jitlaqqgħu l-ħames Kapijiet ta' Stat tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani biex jiddiskutu modi kif iġibu l-paċi fir-reġjun; jittama bil-qawwa li dan is-summit jista' jiġi skedat mill-ġdid mal-ewwel opportunità u li jista' jwassal biex jittaffew it-tensjonijiet bejn il-pajjiżi bi fruntiera komuni;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.