MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Mozambique
16.9.2020 - (2020/2784(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0300/2020 (Verts/ALE)
B9-0301/2020 (ECR)
B9-0302/2020 (S&D)
B9-0303/2020 (PPE)
B9-0304/2020 (Renew)
Michael Gahler, Paulo Rangel, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Isabel Wiseler-Lima, Krzysztof Hetman, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Luděk Niedermayer, Janina Ochojska, David Lega, Stelios Kympouropoulos, Benoît Lutgen, Stanislav Polčák, Antonio López-Istúriz White, Peter Pollák, Michal Wiezik, Vladimír Bilčík, Inese Vaidere, Michaela Šojdrová, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Romana Tomc, Loránt Vincze, György Hölvényi, Maria Walsh, Loucas Fourlas, Lefteris Christoforou, Tomáš Zdechovský
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Carlos Zorrinho
f'isem il-Grupp S&D
Jan-Christoph Oetjen, Petras Auštrevičius, Stéphane Bijoux, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew
Katrin Langensiepen
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ryszard Czarnecki, Grzegorz Tobiszowski, Joanna Kopcińska, Jadwiga Wiśniewska, Adam Bielan, Elżbieta Kruk, Karol Karski, Anna Fotyga, Assita Kanko, Bogdan Rzońca
f'isem il-Grupp ECR
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Mozambique
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali kontra t-terroriżmu;
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni fil-Mozambique, tal-10 ta' Settembru 2020[1], tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-OCHA, tad-29 ta' Ġunju 2020 dwar is-Sitwazzjoni fil-Mozambique,
– wara li kkunsidra l-opinjoni dwar il-Mozambique adottata fl-okkażjoni tas-87 sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja (UNWGAD) tal-1 ta' Mejju 2020,
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar il-Mozambique tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eżami Perjodiku Universali, tat-12 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2002,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Mozambique tat-22 ta' April 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Marzu 2020, intitolata "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (COM(2020)0004),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2019: il-Mozambique,
– wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Mozambique u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020,
– wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE tal-UE) fil-Mozambique dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali u Provinċjali tal-15 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra t-28 Djalogu Politiku bejn l-UE u l-Mozambique tal-5 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mozambique u dwar ir-reġjun tal-SADC,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Ġunju 2020 tal-Kopresident tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE;
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidral-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Unità Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-prinċipji li fuqhom hi msejsa l-SADC;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-SADC, tas-17 ta' Awwissu 2020, dwar il-Mozambique,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni Nazzjonali tal-2019,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minn Ottubru 2017 l-hekk imsejjaħ grupp terroristiku Al-Shabaab, allegatament affiljat mal-grupp armat li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja tal-Afrika Ċentrali, għamel aktar minn 500 attakk vjolenti fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Cabo Delgado, u tterrorizza lill-popolazzjoni lokali, qatel aktar minn 1 500 ruħ u b'hekk ġiegħel l-ispostament ta' 250 000 abitant u ħalla 700 000 persuna fil-bżonn ta' assistenza;
B. billi l-attakki terroristiċi saru dejjem aktar vjolenti u li bosta villaġġi sfaw attakkati, bil-ħruq u l-qerda ta' aktar minn 1 000 dar; billi, skont ir-rapporti, il-militanti bdew jissekwestraw lin-nisa u lill-bniet;
C. billi f'Awwissu l-gruppi ġiħadisti ħadu taħt idejhom il-belt portwarja ta' Mocimboa da Praia, port essenzjali biex jaġevola l-isfruttament taż-żejt u tal-gass naturali likwifikat (LNG); billi l-ħakma fit-tul ta' Al-Shabaab fuq il-belt tagħti x'tifhem li l-grupp terroristiku qiegħed isir aktar b'saħħtu u sofistikat;
D. billi r-ribelli Iżlamiċi jirrikorru dejjem aktar spiss għall-kummerċ illegali ta' drogi bħala sors ta' finanzjament;
E. billi l-Mozambique ma għandux storja ta' militanza Iżlamista; billi madwar 30 % tal-31 miljun abitant tal-Mozambique huma Kattoliċi, filwaqt li 18 % huma Musulmani u żewġ provinċji biss, Cabo Delgado u Niassa, għandhom maġġoranza Musulmana;
F. billi l-azzjonijiet militari tal-awtoritajiet tal-Mozambique ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu l-attakki u jippermettu li tiġi indirizzata din l-emerġenza umanitarja, li qiegħda sejra għall-agħar b'ritmu allarmanti;
G. billi l-forzi ta' sigurtà tal-gvern tal-Mozambique rreaġixxew bi vjolenza sproporzjonata, u f'xi okkażjonijiet kisru l-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-President tal-Mozambique Filipe Nyusi rrikonoxxa "vjolazzjonijiet involontarji" tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet ta' Cabo Delgado; billi ġew irrapportati episodji ta' repressjoni tal-libertà tal-espressjoni, kif ukoll vessazzjonijiet fil-konfront ta' ġurnalisti;
H. billi l-armata tal-Mozambique hija mgħammra ħażin biex issib tarf il-mewġa ta' terroriżmu fir-reġjun; billi jippersistu l-biżgħat leġittimi li r-ribelljoni tinfirex fil-pajjiżi ġirien u tiddestabbilizza r-reġjun;
I. billi aktar minn nofs il-vittmi tal-vjolenza f'Cabo Delgado huma tfal; billi kien hemm akkużi ta' reklutaġġ ta' tfal fi gruppi armati, ħtif u vjolenza sesswali u tal-ġeneru fil-konfront ta' nisa u bniet; billi l-popolazzjoni spiss tittieħed bħala ostaġġ matul il-ġlied bejn il-gruppi armati u l-forzi militari statali;
J. billi l-Mozambique għandu l-obbligu li jirrispetta l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali li rratifika, b'mod partikolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni tiegħu; billi wara l-atti barbari attribwiti lil Al-Shabaab ma għandhomx isegwu vjolazzjonijiet ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-forzi ta' sigurtà tal-Mozambique;
K. billi l-Aġenzija għall-Iżvilupp Integrat tat-Tramuntana (Agencia de desenvolvimento integrado do norte, ADIN) inħolqot f'Marzu 2020 bil-għan speċifiku li tindirizza n-nuqqasijiet soċjoekonomiċi tat-Tramuntana tal-pajjiż;
L. billi f'Awwissu 2019 ġie ffirmat Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni Nazzjonali bil-għan li jġib il-paċi fil-pajjiż, itemm il-vjolenza, jikseb l-inklużjoni demokratika u jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ċivili;
M. billi l-Mozambique għadu f'sitwazzjoni fraġli ħafna u qed jitħabat biex ilaħħaq ma' bosta sfidi tas-sigurtà, ekonomiċi u soċjali; billi l-Mozambique huwa fost l-ifqar pajjiżi u l-anqas żviluppati, u jikklassifika l-180 post minn 189 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, bil-medja tal-istennija ta' tul tal-ħajja fit-twelid tkun 58 sena biss; billi aktar minn 10 miljun abitant tal-Mozambique jgħixu f'faqar estrem u f'insigurtà tal-ikel; billi din is-sitwazzjoni taffettwa b'mod partikolari lin-nisa u lill-gruppi vulnerabbli, li jgħaddu mill-akbar diffikultajiet;
N. billi l-COVID-19 esponiet aktar il-fraġilitajiet tal-ekonomija reġjonali, li, fin-nuqqas ta' protezzjoni soċjali adegwata, ħalliet miljuni ta' persuni impjegati fl-ekonomija informali u dawk li tilfu l-impjieg tagħhom qed jiffaċċjaw il-ġuħ u d-destituzzjoni, u jinsabu esposti għal vulnerabbiltajiet, inkluż f'xi każijiet abbużi tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem; billi mid-9 ta' Settembru 2020 lil hawn, il-Mozambique rreġistra total ta' aktar minn 4 500 każ ikkonfermat ta' COVID-19 u 27 mewta fil-11-il provinċja tal-pajjiż;
O. billi f'dawn l-aħħar snin, il-Mozambique esperjenza diżastri naturali devastanti relatati mal-klima, inklużi żewġ ċikluni ewlenin fl-2019, li intensifikaw il-livelli ta' faqar u nuqqas ta' sigurtà li kienu diġà għoljin; billi diżastri bħal dawn wasslu għal insigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni kronika mifruxa f'partijiet tal-pajjiż, b'aktar minn 43 fil-mija tat-tfal taħt l-età ta' ħames snin isofru minn rata baxxa ta' żvilupp; billi fl-2020 huwa stmat li total ta' 7,9 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti;
P. billi s-solidarjetà fil-Mozambique qed tikber, bil-qagħda mwiegħra tan-nies f'Cabo Delgado tiġbed attenzjoni partikolari, li wasslet liż-żgħażagħ fil-Mozambique, b'mod partikolari, iniedu Kampanja Nazzjonali ta' Solidarjetà għal Cabo Delgado bil-hashtag #CaboDelgadoTambénÉMocambique (Cabo Delgado huwa wkoll il-Mozambique) biex titqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni traġika fir-reġjun;
Q. billi fl-2010 u fl-2013 ġew skoperti riżervi kbar ta' gass fil-Mozambique: billi dawn ir-riżervi jinkludu madwar 5 000 biljun metru kubu, id-disa' l-akbar riżerva ta' gass fid-dinja; billi dan potenzjalment iqiegħed lill-Mozambique fost l-akbar erba' produtturi tal-LNG fid-dinja; billi huwa mistenni li mill-inqas se jiġu investiti USD 60 biljun matul il-ftit snin li ġejjin biex jiġu sfruttati dawn ir-riżervi, l-akbar investimenti li qatt saru fl-Afrika sub-Saħarjana;
R. billi l-interessi industrijali u ekonomiċi Ewropej u barranin l-oħra kollha fil-Mozambique għandhom jitwettqu totalment skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-Kummissjoni qed tikkunsidra impenji ta' diliġenza dovuta obbligatorja biex tiżgura li l-investituri tal-UE u dawk involuti fl-industriji tal-estrazzjoni jaġixxu b'mod responsabbli u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali f'pajjiżi bħall-Mozambique;
S. billi l-Mozambique u, b'mod partikolari, ir-reġjun ta' Cabo Delgado, filwaqt li juru l-ogħla rati ta' illitteriżmu, inugwaljanza u malnutrizzjoni tat-tfal, huma għonja fir-riżorsi naturali u l-materja prima, fatt li attira l-investiment minn bosta kumpaniji internazzjonali u tal-UE li qed jikkompetu għall-aċċess għas-suq tar-riżorsi naturali; billi, skont xi rapporti, id-dħul mir-riżorsi naturali tqassam b'mod diżomoġenju fil-Mozambique;
T. billi fit-13 ta' April 2020, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) approva ħelsien immedjat mis-servizzi tad-dejn lil 25 pajjiż, inkluż madwar USD 309 miljun lill-Mozambique taħt il-Fond Fiduċjarju ta' Għajnuna u għat-Trażżin ta' Katastrofi (Catastrophe Containment and Relief Trust - CCRT) biex jgħin ħalli jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19;
U. billi fl-4 ta' Ġunju 2020, il-Koordinatur Umanitarju tan-NU għall-Mozambique, Myrta Kaulard, appellat lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-appoġġ tagħha lill-Mozambique;
V. billi l-Unjoni Ewropea wiegħdet EUR 200 miljun f'appoġġ għall-irkupru għall-Mozambique wara ċ-ċikluni tal-2019, segwiti b'EUR 110 miljun f'appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-COVID-19;
W. billi l-istrateġija reġjonali tal-SADC tal-2015 kontra t-terroriżmu, li ġiet żviluppata f'konformità mal-istrateġija globali tan-NU kontra t-terroriżmu, tipprevedi assistenza fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ, is-sigurtà tal-fruntieri, l-għajnuna umanitarja u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tat-terroriżmu;
X. billi l-Mozambique bħalissa għandu l-presidenza b'rotazzjoni tal-SADC; billi matul l-40 Summit tagħha tas-17 ta' Awwissu 2020, l-organizzazzjoni reġjonali faħħret lill-pajjiż għall-isforzi kontinwi tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-attakki vjolenti, u esprimiet is-solidarjetà u l-impenn tal-SADC bl-appoġġ lill-Mozambique biex jindirizza t-terroriżmu u l-attakki vjolenti, u kkundannat l-atti kollha ta' terroriżmu u attakki armati;
Y. billi f'April 2020, kemm id-Delegazzjoni tal-UE fil-Mozambique kif ukoll il-Kunsill qajmu tħassib serju dwar l-attakki f'Cabo Delgado u l-eskalazzjoni tal-vjolenza kontra ċ-ċivili;
Z. billi minkejja l-brutalità u t-telf orribbli ta' ħajjiet, is-sitwazzjoni f'Cabo Delgado naqset milli tattira l-attenzjoni internazzjonali, li jfisser li ntilef żmien prezzjuż biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod effettiv fi stadju aktar bikri;
1. Jiddikjara t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fit-Tramuntana tal-Mozambique, b'mod partikolari fil-Provinċja ta' Cabo Delgado, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza, li jammontaw għal aktar minn 1 500; jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu lill-poplu tiegħu, speċjalment lil aktar minn 250 000 persuna li kellhom jaħarbu minn djarhom;
2. Jenfasizza li l-problemi attwali ta' sigurtà jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni umanitarja diġà estremament fraġli li tirriżulta minn livelli għoljin ta' sottożvilupp, xokkijiet klimatiċi u kunflitti;
3. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jieħdu azzjoni effettiva u deċiżiva fil-ġlieda kontra r-ribelljoni Iżlamika u jipproteġu liċ-ċittadini kollha ta' Cabo Delgado; jesprimi tħassib serju li r-ribelljoni qed tikseb appoġġ dejjem akbar fost l-organizzazzjonijiet terroristiċi reġjonali u internazzjonali; jindika, f'dan il-kuntest, ix-xebh sfortunat ma' reġjuni oħra, bħas-Saħel u l-Qarn tal-Afrika;
4. Jenfasizza li jekk ma titwaqqafx, ir-ribelljoni potenzjalment se tikber u tinfirex fil-pajjiżi ġirien, u dan jhedded l-istabbiltà reġjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal politika effettiva u sostenibbli kemm mill-gvern nazzjonali kif ukoll mill-atturi reġjonali u internazzjonali;
5. Ifakkar lill-Gvern tal-Mozambique fir-responsabbiltà tiegħu li jressaq lil dawk kollha suspettati b'attività terroristika quddiem il-ġustizzja permezz ta' proċessi ġusti; jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar it-tortura u ksur gravi ieħor allegatament imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Cabo Delgado; ifakkar li l-Mozambique huwa firmatarju tal-ICCPR, tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li jipprojbixxu t-tortura u trattament ħażin ieħor u l-privazzjoni arbitrarja tal-ħajja;
6. Jissottolinja l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti u ta' dawk kollha li sempliċement jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom u jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' tħassib pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jwettqu investigazzjoni imparzjali dwar il-każijiet suspettati kollha ta' vandaliżmu tal-organi li jwasslu l-aħbarijiet, it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni u l-akkużi relatati mal-vessazzjonijiet u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jiżguraw il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza lokali effettiva u l-istabbiliment mill-ġdid effettiv tal-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Mozambique; ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u r-rispett għal-libertajiet demokratiċi huma kruċjali wkoll għas-suċċess tal-Ftehim ta' Paċi definittiv iffirmat fl-2019 bejn il-Front għal-Liberazzjoni tal-Mozambique (Frelimo) u r-Reżistenza Nazzjonali tal-Mozambique (Renamo);
8. Jissottolinja l-importanza li jitkomplew ir-riformi meħtieġa sabiex jirrispondu b'mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-poplu tal-Mozambique, u b'hekk ma jitħallewx ikunu miri vulnerabbli tar-radikalizzazzjoni; jissottolinja b'mod partikolari l-ħtieġa urġenti li jinħolqu impjiegi u opportunitajiet għan-nies f'Cabo Delgado, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ssir ħidma lejn l-eliminazzjoni ta' wħud mill-kawżi ewlenin tat-terroriżmu bħan-nuqqas ta' sigurtà, il-faqar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanza, l-esklużjoni, il-qgħad, id-degradazzjoni ambjentali, il-korruzzjoni u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi kif ukoll l-impunità, li b'hekk tikkontribwixxi immens għall-qerda tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-intervent militari kollu fir-reġjun jipproteġi, jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mozambique jappoġġaw u jaħdmu ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u gruppi bbażati fil-komunità biex jintroduċu pjattaformi għal inizjattivi għall-bini tal-paċi li jinkoraġġixxu l-involviment paċifiku, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u l-koeżistenza fost il-partijiet ikkonċernati kollha; jiddeplora l-użu tal-forzi tas-sigurtà privati f'dan il-kunflitt, li jkomplu jgħollu l-ispiża monetarja għall-pajjiż u joperaw mingħajr ebda sorveljanza internazzjonali;
10. Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tal-persuni spostati internament (IDP) fil-Mozambique; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu mill-qrib mal-SADC u l-istati membri tagħha ħalli jsolvu l-kriżi umanitarja li sejra għall-agħar fir-reġjun u jfasslu pjan ta' azzjoni effettiv;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jikkoopera b'mod miftuħ ma' istituzzjonijiet internazzjonali bħar-Rapporteurs Speċjali tan-NU, u jippermetti investigaturi u osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u janalizza ġustament il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni f'Cabo Delgado sabiex jipprovdilhom l-għajnuna meħtieġa; jemmen, barra minn hekk, li l-vittmi tal-vjolenza jridu jiġu protetti permezz ta' pjan ta' għajnuna sabiex ikunu jistgħu jkomplu b'ħajjithom;
12. Jemmen li hemm bżonn ta' sforz reġjonali u internazzjonali aktar ikkoordinat sabiex ikun hemm rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà u umanitarji imminenti f'Cabo Delgado, inkluż il-bżonn li jiġi indirizzat theddid transfruntier bħar-ribelljoni terroristika, is-sigurtà tal-ikel, l-IDP u l-kuntrabandu; jistieden, għalhekk, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jestendi l-appoġġ addizzjonali għall-SADC u l-Unjoni Afrikana (UA), sabiex tinstab soluzzjoni dejjiema u paċifika;
13. Jirrimarka li l-Organu għall-Politika, id-Difiża u l-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà (OPDS) tal-SADC, bl-unità tal-ġlied multinazzjonali tiegħu għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet serji ta' kontra r-ribelljoni, għandu jkun attur attiv importanti għall-ġestjoni ta' dan il-kunflitt u għandu jikkundannah fi żmien qasir, filwaqt li jħeġġeġ u jappoġġa lill-awtoritajiet tal-Mozambique għal perjodu ta' żmien twil fl-implimentazzjoni ta' riformi ulterjuri li għandhom l-għan li jippromwovu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt, li jirrappreżentaw prerekwiżit għall-istabbiltà, il-paċi u l-iżvilupp;
14. Itenni li l-UE hija lesta tidħol fi djalogu mal-Mozambique biex tiddetermina għażliet effettivi għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE, filwaqt li tqis il-karattru kumpless u reġjonali tas-sitwazzjoni, u jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jkun aktar reattiv f'dan id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-UE u mal-SADC; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Mozambique u l-livelli kollha tas-soċjetà ċivili fi sforz biex tinstab soluzzjoni inklużiva u biex jiġu indirizzati b'mod urġenti l-ħtiġijiet ta' dawk l-aktar vulnerabbli;
15. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u jżidu l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali; jilqa', fid-dawl ta' dan kollu, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju, iżda jinsisti li għandha tiġi stabbilita azzjoni diplomatika ulterjuri, partikolarment minn dawk l-Istati Membri li jikkondividu rabtiet storiċi u amikevoli mal-pajjiż, sabiex tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal azzjoni urġenti dwar din il-kwistjoni bid-dimensjonijiet reġjonali u umanitarji tagħha u tinġibed l-attenzjoni tal-gvern għall-konsegwenzi ġeopolitiċi li se jirriżultaw min-nuqqas ta' rispons reġjonali u internazzjonali kkoordinat;
16. Jesprimi t-tama tiegħu li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Afrika, ladarba tkun fis-seħħ b'mod effettiv, se tgħin biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika abbażi ta' sħubija bejn partijiet ugwali fil-kontinent kollu, u li t-tnejn li huma se jaħdmu flimkien biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi bħall-Mozambique;
17. Iqis li l-iżviluppi attwali fil-Mozambique u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tiegħu se jiġu indirizzati kif xieraq fil-politika tal-UE għall-Afrika fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021 li jmiss; jissottolinja li, meta spiss tkun mifnija mill-għargħar u minn diżastri naturali oħra, il-popolazzjoni tal-Mozambique għandha tirċievi l-appoġġ u l-għajnuna umanitarja kollha disponibbli;
18. Jemmen li s-Summit UE-Afrika li jmiss huwa opportunità eċċellenti biex tiġi indirizzata aħjar il-kwistjoni ta' din it-traġedja umanitarja u biex l-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali;
19. Ifakkar fl-impenji ta' għajnuna internazzjonali li saru waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret f'Beira, fit-30 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju 2019, li matulha l-Unjoni Ewropea wiegħdet EUR 200 miljun f'appoġġ għall-irkupru; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu bis-sħiħ dawn l-impenji; jirrimarka li l-irkupru fit-tul jista' jinkiseb biss permezz ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv; jitlob, għalhekk, li tingħata assistenza mill-UE biex tappoġġa l-isforzi tal-Mozambique ħalli jistabbilizza l-ekonomija tiegħu, joħloq l-impjiegi u jrawwem il-kompetittività rurali, filwaqt li jiżgura l-inklużività u l-preservazzjoni tal-ambjent;
20. Jilqa' s-CCRT tal-FMI bħala pass fid-direzzjoni t-tajba fl-assistenza lill-Mozambique fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu aktar donazzjonijiet lill-FMI, u biex il-FMI jesplora aktar alternattivi ħalli jagħti spinta lir-riżorsi disponibbli għas-CCRT, bħall-użu tar-riżervi eżistenti tiegħu stess; ifakkar li l-kontribuzzjonijiet għall-fond ma jridu bl-ebda mod jiffunzjonaw bħala sostitut għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);
21. Iqis li huwa ta' importanza kbira li l-popolazzjoni lokali, b'mod partikolari fl-ifqar provinċji tal-pajjiż, tibbenefika mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħhom; jistieden lill-gvern jalloka b'mod ġust id-dħul minn proġetti ta' sfruttament għal proġetti ta' żvilupp lokali filwaqt li jirrispetta standards ambjentali u soċjali għoljin;
22. Ifakkar li l-poplu tal-Mozambique, kemm ta' twemmin Kristjan kif ukoll ta' twemmin Musulman, ilu jgħix f'koeżistenza paċifika għal żmien twil, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li dan il-mudell ta' tolleranza u solidarjetà se jieħu preċedenza minkejja l-attakki minn terroristi Iżlamiċi;
23. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-edukazzjoni u jitrawwem l-iżvilupp rurali biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ f'żoni rurali;
24. Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Mozambique, u lill-membri u lill-mexxejja tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Unjoni Afrikana.
- [1] https://reliefweb.int/report/mozambique/mozambique-situation-report-10-september-2020