MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja
25.11.2020 - (2020/2881(RSP))
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0383/2020 (GUE/NGL)
B9-0384/2020 (S&D)
B9-0385/2020 (Verts/ALE)
B9-0386/2020 (ECR)
B9-0387/2020 (Renew)
B9-0388/2020 (PPE)
Michael Gahler, Željana Zovko, Isabel Wiseler-Lima, Sandra Kalniete, Miriam Lexmann, Loránt Vincze, György Hölvényi, Antonio López-Istúriz White, Tomáš Zdechovský, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Inese Vaidere, Vangelis Meimarakis, Krzysztof Hetman, Romana Tomc, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Maria Walsh, Adam Jarubas, Benoît Lutgen, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Stelios Kympouropoulos, David Lega, Luděk Niedermayer, Paulo Rangel, Vladimír Bilčík, Ioan-Rareş Bogdan
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Carlos Zorrinho
f'isem il-Grupp S&D
Jan-Christoph Oetjen, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Katalin Cseh, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Javier Nart, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Hannah Neumann, Katrin Langensiepen
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Adam Bielan, Elżbieta Kruk, Alexandr Vondra, Veronika Vrecionová, Emmanouil Fragkos, Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Eugen Jurzyca, Joanna Kopcińska, Witold Jan Waszczykowski, Jadwiga Wiśniewska
f'isem il-Grupp ECR
Miguel Urbán Crespo
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Etjopja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell dwar l-aħħar żviluppi fl-Etjopja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2020 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell u l-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič dwar l-Etjopja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2020 mill-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič bit-titolu "Tigray conflict: EU humanitarian support to Ethiopian refugees reaching Sudan" (Kunflitt f'Tigray: Appoġġ umanitarju tal-UE lir-refuġjati Etjopjani li jaslu fis-Sudan",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Novembru 2020 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6 u tat-13 ta' Novembru 2020 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, dwar ir-reġjun ta' Tigray,
– wara li kkunsidra t-taħditiet informali tal-24 ta' Novembru 2020 fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt li għaddej fir-reġjun ta' Tigray fl-Etjopja,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-sitwazzjoni tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU dwar l-Etjopja, tal-11 ta' Novembru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, l-E.T. Moussa Faki Mahamat, dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Novembru 2020 mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2020 mill-ministri tal-affarijiet barranin tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali Demokratika tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt armat attwali bejn il-Gvern Federali tal-Etjopja u l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray, immexxija mill-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta' Tigray (TPLF), ikkawża mijiet ta' mwiet ċivili u l-ispostament tal-massa ta' persuni;
B. billi fl-4 ta' Novembru 2020 il-Gvern Etjopjan iddikjara stat ta' emerġenza u nieda operazzjonijiet militari fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray jum wara rapport ta' attakk mit-TPLF kontra l-bażi militari tal-gvern federali fir-reġjun ta' Tigray; billi minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm konfrontazzjonijiet armati bejn il-forzi federali (l-Armata Federali, il-Forza tal-Pulizija Speċjali tar-Reġjun ta' Amhara u l-milizzja lokali Amhara) fuq naħa u l-forzi reġjonali (il-Forza tal-Pulizija Speċjali ta' Tigray u l-milizzja) leali lejn it-TPLF fuq in-naħa l-oħra;
C. billi d-diverġenza politika bejn il-PP u t-TPLF kompliet tiġi enfasizzata meta l-gvern federali ppospona l-elezzjonijiet nazzjonali, skedati għal Mejju 2020, minħabba l-kriżi tal-COVID-19;
D. billi f'Settembru 2020 l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray immexxija mit-TPLF organizzat l-elezzjoni tagħha, li ġiet iddikjarata illegali mill-Gvern Etjopjan minħabba li l-mandat tiegħu kellu jintemm f'Settembru 2020; billi l-parlament federali qies il-proċess elettorali fir-reġjun ta' Tigray bħala illegali; billi t-tmexxija ta' Tigray ħabbret li ma għadhiex tirrikonoxxi l-amministrazzjoni federali jew il-liġijiet tagħha; billi fit-3 ta' Novembru 2020 il-parlament federali ddikjara t-TPLF bħala "grupp terroristiku";
E. billi fit-8 ta' Novembru 2020 it-TPLF avviċina lill-Unjoni Afrikana biex jissuġġerixxi taħditiet, iżda l-gvern federali eskluda kwalunkwe possibbiltà ta' negozjati mat-TPLF u ċaħad talbiet internazzjonali għal djalogu u medjazzjoni, bl-argument li l-kunflitt ta' Tigray huwa kwistjoni interna li m'għandhiex tiġi internazzjonalizzata; billi l-UE offriet l-appoġġ tagħha sabiex tgħin ħalli jitnaqqsu t-tensjonijiet, ikun hemm ritorn għad-djalogu u jiġi żgurat l-istat tad-dritt fl-Etjopja kollha;
F. billi fl-2018 Abiy Ahmed kiseb ftehim storiku ta' paċi mal-Eritrea, li temm aktar minn deċennju ta' sospensjoni ta' rabtiet diplomatiċi u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi; billi l-gvern ta' Abiy ħa passi sinifikanti biex jeħles lill-ġurnalisti u lill-priġunieri politiċi, ippermetta li gruppi tal-oppożizzjoni preċedentement ipprojbiti joperaw, u adotta liġijiet ġodda dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; billi l-gvern reċentement ġie kkritikat minħabba d-detenzjoni ta' politiċi tal-oppożizzjoni; billi għad hemm tħassib dwar l-adozzjoni ta' liġi ġdida mmirata biex trażżan id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni, li tista' taffettwa b'mod negattiv il-libertà tal-espressjoni;
G. billi xi gruppi politiċi marbuta ma' gruppi etniċi fl-Etjopja li jħossuhom marġinalizzati mis-sistema federalista tal-gvern tal-Etjopja jallegaw li din is-sistema rriżultat f'favoritiżmu etniku u diskriminazzjoni;
H. billi f'Ġunju 2020 faqqgħet vjolenza mifruxa wara l-mewt ta' Hachalu Hundessa, kantant u attivist mir-reġjun ta' Oromo, waqt li mijiet ta' persuni nqatlu u oħrajn ġew arrestati; billi fl-1 ta' Novembru 2020 aktar minn 50 persuna Amhara nqatlu f'attakki fuq tliet villaġġi li qed jitqiesu b'mod wiesa' bħala motivati etnikament u possibbilment imwettqa mill-Armata għal-Liberazzjoni ta' Oromo (OLA), milizzja li ħarġet mill-Front għal-Liberazzjoni ta' Oromo (OLF);
I. billi, skont il-Moviment Nazzjonali Amhara, l-awtoritajiet Etjopjani pprojbixxew protesti paċifiċi – kontra qtil motivat etnikament – li kellhom isiru fit-28 ta' Ottubru 2020;
J. billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, kien hemm diversi inċidenti ta' qtil indiskriminat ta' ċivili f'partijiet differenti ta' Tigray mill-bidu tal-kunflitt, inkluż massakru li seħħ fil-lejl tad-9 ta' Novembru 2020 f'Mai-Kadra fir-reġjun ta' Tigray, fejn il-qtil ta' mijiet ta' ċivili jista' jammonta għal delitti tal-gwerra;
K. billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, residenti ta' Tigray li jgħixu xi mkien ieħor fil-pajjiż ġew sospiżi mill-impjiegi tagħhom u ma tħallewx jaqbdu titjiriet barra mill-pajjiż; billi hemm rapporti ta' sorveljanza fiżika u diġitali, arresti u detenzjonijiet arbitrarji tal-massa;
L. billi l-President ta' Tigray ikkonferma li l-forzi tiegħu sparaw rokits immirati lejn l-ajruport ta' Asmara fl-Eritrea;
M. billi l-ġlied fatali bejn il-forzi federali Etjopjani u t-TPLF qajjem tħassib internazzjonali dwar ir-riskji involuti fl-intensifikazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' sigurtà eżistenti jew fit-tqanqil ta' oħrajn ġodda fl-Etjopja, li jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi ġirien u potenzjalment jiddestabbilizzaw ir-reġjun kollu tal-Qarn tal-Afrika; billi l-Etjopja rtirat truppi mis-Somalja li kienu qed jiġġieldu r-ribelli Iżlamisti; billi l-awtoritajiet Kenjani żiedu s-sigurtà fil-fruntiera mal-Etjopja fost il-biża' li jiżdiedu t-tensjonijiet;
N. billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Etjopja hija waħda mill-akbar fid-dinja li tammonta għal EUR 815-il miljun għall-perjodu 2014-2020; billi l-Etjopja hija wkoll waħda mill-benefiċjarji ewlenin tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, b'aktar minn EUR 271.5 miljun għall-2015-2019; billi fl-2020 l-UE qed tipprovdi EUR 44.29 miljun għal proġetti umanitarji fl-Etjopja billi tappoġġa l-għoti ta' assistenza li ssalva l-għajxien lil persuni spostati internament minħabba vjolenza jew perikli naturali;
O. billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tal-UN talab aċċess għar-reġjun ta' Tigray, li għadu totalment iżolat (l-aċċess għall-internet u t-telefon ġie maqtugħ) mill-bidu tal-ġlied; billi, skont il-UNHCR, in-nuqqas ta' elettriku, ta' telekomunikazzjonijiet, ta' aċċess għall-fjuwil u għall-flus kontanti jillimita kwalunkwe reazzjoni ta' għajnuna umanitarja f'Tigray u fil-bqija tal-Etjopja, inkluż il-qadi tal-bżonnijiet ta' dawk midruba u maqtula fil-ġlied;
P. billi saħansitra qabel ma beda l-ġlied, kien hemm 15.2 miljun persuna fi bżonn ta' assistenza umanitarja fl-Etjopja, 2 miljuni minnhom fir-reġjun ta' Tigray; billi r-reġjun ta' Tigray huwa l-ħames reġjun l-aktar popolat fl-Etjopja b'aktar minn 6 miljun persuna, u jospita 100 000 persuna spostata internament u 96 000 rifuġjat Eritrean; billi għandu diversi kampijiet tar-rifuġjati importanti li fihom, skont l-NGOs, 44 % ta' dawk li jgħixu hemm huma tfal;
Q. billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,
R. billi l-ġlied ikkawża eluf ta' mwiet u korrimenti miż-żewġ naħat u rriżulta fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi, skont il-UNHCR, mit-22 ta' Novembru 2020, aktar minn 38 500 rifuġjat kienu ħarbu mill-kunflitt u qasmu l-fruntiera lejn is-Sudan; billi n-NU wissiet dwar "kriżi umanitarja fuq skala kbira" u l-aġenziji tagħha qed jippjanaw għall-wasla possibbli ta' 200 000 rifuġjat fuq perjodu ta' sitt xhur; billi l-ġlied qed jikkawża wkoll l-ispostament intern tal-popolazzjoni; billi l-UNHCR diġà talab liż-żewġ partijiet fil-kunflitt jiftħu kurituri biex jippermettu lin-nies jitilqu u fl-istess ħin jaslu l-provvisti; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali fuq il-post mhumiex mgħammra tajjeb u jiffaċċjaw skarsezzi ta' provvisti meħtieġa biex jilqgħu lir-rifuġjati li jkunu għadhom kif waslu u lill-vittmi tal-vjolenza; billi l-aġenziji tan-NU qed ifittxu USD 50 miljun f'finanzjament immedjat li se jmur biex jipprovdi l-ikel u biex jiġu stabbiliti kampijiet ġodda; billi l-Kummissjoni Ewropea qed timmobilizza EUR 4 miljun inizjali f'assistenza ta' emerġenza biex tgħin fl-appoġġ tal-persuni spostati li jaslu fis-Sudan;
1. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi reċenti fl-Etjopja, inklużi l-vjolenza li għaddejja bħalissa u l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jiddeplora l-kunflitt armat attwali bejn il-gvern federali tal-Etjopja u l-amministrazzjoni reġjonali ta' Tigray immexxija mit-TPLF; jistieden liż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom għal waqfien mill-ġlied immedjat u jsolvu d-diverġenzi politiċi b'mezzi demokratiċi fil-qafas tal-kostituzzjoni tal-pajjiż sabiex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema, jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied, u jaħdmu biex jinbena kunsens nazzjonali permezz ta' djalogu inklużiv;
2. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-qraba ta' dawk milquta; jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, il-qtil ta' ċivili innoċenti u l-qtil extraġudizzjarju, irrispettivament mill-awturi tagħhom;
3. Jistieden lill-gvern ċentrali tal-Etjopja u lit-TPLF jieħdu azzjonijiet immedjati biex tonqos it-tensjoni tal-kunflitt; jinsisti li l-atturi kollha jsegwu b'mod strett approċċ tas-sigurtà ċċentrat fuq il-bniedem;
4. Jiddeplora l-fatt li l-aċċess għall-ħaddiema umanitarji bħalissa huwa ristrett ħafna; jistieden lill-Gvern Etjopjan jagħti lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess immedjat u mingħajr restrizzjonijiet għaż-żoni fejn hemm il-kunflitt sabiex tiġi żgurata l-għajnuna umanitarja; iwissi dwar il-periklu ta' kriżi umanitarja maġġuri fil-pajjiż, kif ukoll fl-istati ġirien u fir-reġjun usa';
5. Jinnota bi tħassib l-ultimatum maħruġ mill-Prim Ministru Abiy lill-forzi Tigray li jħeġġiġhom iċedu u jiddikjara li jekk dan ma jsirx, kien se jsir attakk militari fuq il-kapitali reġjonali Mekelle;
6. Ifakkar fil-fatt li attakki intenzjonati kontra ċivili jikkostitwixxu delitti tal-gwerra; jistieden lill-forzi taż-żewġ naħat jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni fiż-żoni milquta; iħeġġeġ lin-naħat kollha tal-kunflitt, u lill-awtoritajiet reġjonali, jimminimizzaw il-ħsara lill-popolazzjoni ċivili u jiżguraw u jippermettu l-aċċess għas-servizzi bażiċi għaċ-ċivili f'kull ħin;
7. Jinnota bi tħassib serju li t-tensjonijiet u l-vjolenza interetniċi qed jiżdiedu fl-Etjopja; iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-awtoritajiet Etjopjani u Tigray jeżerċitaw tmexxija responsabbli billi jrawmu ambjent politiku inklużiv għall-atturi u l-gruppi etniċi kollha;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet federali jtemmu l-prattika ta' arresti u sorveljanza arbitrarji jew azzjonijiet oħra kontra l-gruppi etniċi; jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jieħdu miżuri qawwija kontra kwalunkwe tfassil ta' profili etniċi u jiżguraw il-protezzjoni tal-minoranzi etniċi fil-pajjiż kollu; jistieden lill-Gvern Etjopjan jimplimenta riformi li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu aċċess indaqs għas-servizzi u r-riżorsi tal-gvern għall-gruppi etniċi kollha;
9. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tixrid ta' miżinformazzjoni, li kulma jmur qed jiżdied, u l-użu ta' diskors ta' mibegħda, li jpoġġi lill-gruppi etniċi kontra xulxin biex ikebbes il-kunflitt attwali f'Tigray; jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex iżommu lura milli jużaw lingwaġġ xewwiexi u diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, lill-organizzazzjonijiet tal-media u lill-pubbliku biex iżommu lura milli jinvolvu ruħhom f'inċitament għall-vjolenza, diskriminazzjoni jew ostilità kontra l-popolazzjonijiet f'riskju;
10. Jistieden lill-istati ġirien tal-Etjopja, inkluża l-Eritrea, kif ukoll stati oħra fir-reġjun usa', bħall-pajjiżi tal-baċir tan-Nil, biex joqogħdu lura mill-interventi politiċi u militari kollha li jistgħu jkebbsu l-kunflitt; jenfasizza li jekk ma jagħmlux dan, jeżistu s-sogru ta' destabbilizzazzjoni tar-reġjun usa', b'konsegwenzi diżastrużi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; jenfasizza r-rwol kruċjali li jista' jiżvolġu l-istati ġirien tal-Etjopja fl-għoti ta' appoġġ diplomatiku biex tonqos it-tensjoni tal-kunflitt;
11. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi ta' medjazzjoni u ta' tnaqqis tat-tensjoni mibdija mill-presidenza tal-Afrika t'Isfel tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari n-nomina ta' tliet Mibgħuta Speċjali tal-Unjoni Afrikana, u jappella lill-partijiet kollha involuti biex jikkooperaw b'mod attiv u jipparteċipaw fl-isforzi ta' medjazzjoni tal-Unjoni Afrikana; jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jikkooperaw mal-isforzi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Unjoni Afrikana, l-IGAD u l-Unjoni Ewropea, biex jidħlu fi djalogu inklużiv fi sforz biex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun;
12. Huwa mħasseb ħafna dwar il-blackout de facto tal-komunikazzjonijiet fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray; iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrestawra l-forom kollha ta' komunikazzjoni lil Tigray bħala att ta' responsabbilizzazzjoni u trasparenza għall-operazzjonijiet militari tiegħu fir-reġjun u jippermetti komunikazzjoni ħielsa fost il-poplu ta' Tigray; jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa ta' aċċess għall-informazzjoni, kemm online kif ukoll offline, peress li d-dritt tal-persuni kollha li jkunu infurmati u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni huwa partikolarment vitali f'sitwazzjoni ta' kriżi; iħeġġeġ li jkun permess rappurtar indipendenti dwar is-sitwazzjoni; jinsisti fuq l-importanza li l-media indipendenti tingħata aċċess għal Tigray minnufih; iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja, u jeħles lill-ġurnalisti u lill-bloggers detenuti inġustament; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u jenħtieġ li jiġu evitati reazzjonijiet b'forza eċċessiva taħt kwalunkwe ċirkostanza;
13. Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jiggarantixxu l-moviment liberu u sikur taċ-ċivili u jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt għal-libertà tal-għaqda;
14. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Tigray biex jiggarantixxu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu rispettati; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu mill-qrib mal-atturi rilevanti biex iwettqu investigazzjoni trasparenti dwar il-massakru ta' Mai-Kadra, u jitlob li l-awturi ta' dan id-delitt jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien;
15. Jistieden lill-awtoritajiet federali Etjopjani jwettqu investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti, effettiva u imparzjali dwar kwalunkwe u kull qtil u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż użu ta' forza eċċessiva, detenzjoni arbitrarja u għajbien sfurzat, u jistieden lill-awtoritajiet Tigray jikkooperaw f'dawn l-investigazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kollha tal-Etjopja jiġġieldu l-impunità b'mod attiv; ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust u indipendenti, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou; jinsisti li l-awtoritajiet Etjopjani jiżguraw li l-istat tad-dritt ġust u imparzjali jiġi rispettat u osservat fl-Etjopja kollha;
16. Jitlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-entitajiet tal-għajnuna umanitarja tal-UE u l-UNHCR, u li l-UNHCR ikompli jipprovdi appoġġ lir-rifuġjati li ħarbu minn din il-kriżi, fosthom qrib iż-żoni li ħarbu minnhom; ifakkar li l-Gvern Etjopjan huwa responsabbli għas-sikurezza u s-sigurtà tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament fit-territorju tiegħu; ifakkar li aktar minn 96 000 rifuġjat mill-Eritrea fil-biċċa l-kbira qed jingħataw kenn fil-kampijiet tar-rifuġjati fir-reġjun ta' Tigray; jappoġġa l-appelli tal-komunità internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet umanitarji li jżidu l-assistenza lir-rifuġjati u l-persuni spustati;
17. Jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha jappoġġaw lill-Gvern Sudaniż u lill-awtoritajiet lokali biex jirrispondu b'mod urġenti għat-talbiet biex jospitaw lir-refuġjati Etjopjani li qed jaħarbu mill-ġlied fir-reġjun ta' Tigray; jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn is-Sudan, li lest li jilqa' lir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' tħejjijiet għall-wasla ta' massimu ta' 200 000 rifuġjat fis-Sudan; jinnota li l-Etjopja hija pajjiż importanti ta' destinazzjoni, ta' transitu u ta' oriġini tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proġetti ffinanzjati kollha mibdija fi ħdan il-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-migranti u tal-persuni spostati internament;
18. Jappella għall-mobilizzazzjoni urġenti, kif ukoll l-allokazzjoni strutturata u miftiehma, ta' riżorsi addizzjonali mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet komprensivi kkawżati mill-kunflitt;
19. Jilqa' l-impenn tal-gvern Etjopjan li jorganizza elezzjonijiet ġenerali fl-2021; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha fil-pajjiż biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku li jinvolvi liċ-ċittadini mill-firxa politika, ideoloġika, reġjonali u etnika kollha qabel l-elezzjonijiet; jenfasizza bil-qawwa li elezzjonijiet ħielsa, ġusti, inklużivi u kredibbli jistgħu jsiru biss f'atmosfera ħielsa mill-intimidazzjoni, il-vjolenza u l-fastidju, bil-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni garantiti, f'konformità man-normi internazzjonali; jiddispjaċih li l-impenn għal elezzjonijiet ħielsa ġie mdgħajjef permezz tad-detenzjoni ta' diversi politiċi tal-oppożizzjoni mill-ispettru politiku kollu minn Ġunju 2020, u minn ksur serju ta' proċess ġust li jdgħajjef id-drittijiet tad-detenuti għal proċess ġust; jistieden lill-awtoritajiet jeħilsu lid-detenuti kollha sakemm ma jkunux akkużati b'reati legalment rikonoxxibbli u jkunu jistgħu jiġu pproċessati skont l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust;
20. Jesprimi l-impenn tiegħu favur l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Etjopja, u jistieden lill-atturi kollha fl-Etjopja jaħdmu favur is-soluzzjoni paċifika ta' kwalunkwe kunflitt fil-pajjiż;
21. Jappella lill-UE biex tkompli tuża l-mezzi diplomatiċi kollha meħtieġa biex timpenja ruħha mal-awtoritajiet federali u reġjonali, kif ukoll mas-sħab reġjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali, sabiex il-kunflitt jissolva b'mod paċifiku;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern Federali u lill-Kamra tal-Federazzjoni tal-Etjopja, lill-awtoritajiet ta' Tigray, lill-Gvern tar-Repubblika tas-Sudan, lill-gvernijiet tal-IGAD, lill-Unjoni Afrikana u lill-Istati Membri tagħha, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.